Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żejtun — Triq il-Palazzi - tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Palazzi fiż-Żejtun tiġi mogħtija t-tarmak issa li nbniet kollha? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li din issir? Jekk le, jista' jiġi kkunsidrat li din issir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija kienet asfaltata snin ilu u b’hekk il-manutenzjoni ta’ din it-triq hija parti mir-responsabbiltà tal-kunsill lokali. Il-parti tat-tarf tal-istess triq ġiet żviluppata riċentement u din il-parti għad trid tiġi asfaltata għall-ewwel darba. Barra minn hekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentaru 31257 fejn hemm spjegajt kif u meta Transport Malta tiddeċiedi li tintervjeni fuq triq residenzjali li qatt ma tkun inbniet.

Zebra crossings — Pelican lights u Belisha lights

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31395, jista' l-Ministru jgħid minbarra zebra crossings bil-pelican lights, kemm hemm zebra crossings li għandhom belisha lights? Fejn jinsabu dawn il-crossings li m'għandhomx pelican lights, iżda li għandhom belisha lights? Kemm hemm zebra crossings li la għandhom pelican lights u lanqas belisha lights?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba imma limitata għal dawk it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta. (Ara PL 9220 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 447 nhar it-Tnejn 20 ta’ Frar 2012)

Xemxija — protezzjoni lill-bajja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31457 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx mitlub mill-Awtorità ta' Malta dwat l-Ambjent u l-Ippjanar jagħmel xi kummenti dwar x'tip ta' protezzjoni għandha tingħata l-bajja tax-Xemxija, u b'mod partikolari l-parti fejn is-sajjieda jorbtu d-dgħajjes tagħhom (ħdejn il-Veccia)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba mill-MEPA kif indikat mill-Onor. Interpellant.

Ħal Luqa — Triq il-Belt Valletta - ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-pjan li Triq il-Belt Valletta f'Ħal Luqa tiġi rranġata minħabba l-ħsara li fiha u l-ammont ta' ħofor li qed jikkawżaw periklu għall-vetturi li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ħarġet u aġġudikat sejħa għal dawn ix-xogħlijiet (dik il-parti fejn ċediet it-triq), u qed isir pjan tal-phasing tat-tiswija biex ix-xogħol ikun jista' jinbeda.

Mosta — Triq Valletta - Karozzi tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-lights li hemm ħdejn ta' Kinds fi Triq Valletta, inti u dieħel il-Mosta u li qed jintużaw mill-karozzi tal-Arriva biss, jistgħux jibdew jintużaw mill-karozzi kollha ħalli jiġi kkawżat inqas tniġġis minn dawk il-karozzi li meta jkunu jridu jaqbdu t-triq lejn Birkirkara issa jridu jidħlu Triq Valletta u jduru mar-roundabout, ħaġa li tista' tiġi mqassra jekk dan l-arrangament li kien hemm fit-toroq għall-karozzi tal-linja Arriva jibda jintuża mill-karozzi kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-junction ġiet iddisinjata b’tali mod sabiex tiżgura is-sigurta’ kemm għall-vetturi tat-trasport pubbliku bir-rotta li tgħaddi minn Triq Pantar għal Triq Valletta kif ukoll għall-persuni sabiex jaqsmu min-naħa għall-oħra fi Triq Valletta. Waqt l-istadju ta’ ppjanar u ddisinjar ta’ din il-junction, l-alternattiva sabiex il-vetturi kollha jduru fuq il-lemin minn triq Pantar ġiet ittestjata u studjata. Madanakollu, instab li din l-alternattiva mhix waħda fattibli minħabba l-volum ta’ traffiku li jitħalla jgħaddi, li konsegwentament kien se joħloq problemi ta’ konġestjoni u dewmien ta’ traffiku għall-vetturi kollha li jgħaddu minn Triq Valletta.

Gżira — Triq Nazju Ellul - asfaltar

Question

Billi fil-leġislatura l-oħra r-residenti ta’ Triq Nazju Ellul, Gżira kienu ġew infurmati li x-xogħol tal-asfaltar kellu jitlesta sa tmiem is-sena 2008, jista’ l-Ministru jindika meta mistenni jsir dan, peress li minn dak iż-żmien ‘l hawn għaddew ‘il fuq minn tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

liċenzja ta' driving instructor

Question

Jista' l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li applika għal-liċenzja ta' driving instructor xhur ilu u s'issa ma rċieva xejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta’ l-individwu konċernat.

Għawdex — Xewkija - Triq San Bert - zebra crossing

Question

Peress li minn Triq San Bert fix-Xewkija, Għawdex qed ikun hemm influss ta' traffiku enormi minħabba x-xogħol fit-triq prinċipali li jinsab għaddej f'dawn ix-xhur, peress li minħabba dan it-traffiku kollu nħolqot sitwazzjoni ta' periklu għar-residenti ta' din it-triq li ħafna minnhom huma anzjani, jista' l-Ministru jara li jsiru zebra crossings u kif ukoll humps biex il-vetturi jnaqqsu l-veloċità u għalhekk jonqos il-periklu f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skont ir-records ta’ Transport Malta m’hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali konċernat għal miżuri ta’ sigurta fi Triq San Bert, ix-Xewkija. Għaldaqstant, Transport Malta se tikkonsulta mal-Kunsill Lokali rigward din il-materja.

Proġett Infrastrutturali tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30787 u jgħid liema huma l-proġetti infrastrutturali tal-Gvern li l-Ministeru tiegħu qed jikkordina bħalissa f’Malta u f’Għawdex separatament? X’proġetti hemm maħsuba li jitwettqu fiż-żewġ gżejjer separatament fl-2012 u fl-2013 li l-Ministeru se jkun qed jikkordina?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Bini ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31038 u 30664 u jgħid kemm sar bini ta' toroq mill-ġdid u fejn saru mis-sena 2000 'l hawn?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 27923 għal-lista ta’ toroq li saru mis-sena 2004 sal-lum. Fil-konfront tas-snin 2000 sal-2004 biex tinġabar l-informazzjoni huwa meħtieġ ammont sproporzjonat ta' xogħol u għalhekk l-informazzjoni ma tistax tingħata.

Swieqi — Triq Josef Calleja - xogħol tal-asfaltar tat-triq

Question

Billi r-residenti ta' Triq Josef Calleja, fis-Swieqi ilhom snin sħaħ jiġu mwiegħda li se jsir ix-xogħol tal-asfaltar tat-triq, jista' l-Ministru jindika speċifikament meta dan ix-xogħol se jsir aktar u aktar billi ftit jiem qabel l-elezzjoni ġenerali skont għadd ta' residenti ttieħdet gaffa fuq il-post biex jagħtuhom x’jifhmu li se jibda x-xogħol biex appena għaddiet l-elezzjoni baqa' ma sar xejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti mill-programm ta' bini ta' toroq minn Transport Malta. Dan ix-xogħol għandu jsir fl-2012.

Transport Malta — ilment

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-ilment li ġie mressaq ripetutament ma' Transport Malta u li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament jingħata attenzjoni immedjata? Jista' jassigura li x-xogħol li ġie mwiegħed li se jsir mill-uffiċjal ta' Transport Malta fl-email datata 18 ta' Novembru, 2011 isir kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan ix-xogħol diġà tlesta.

Proġettn tal-Baċir Numru 1 — tlestija tal-proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq il-proġett tal-Baċir No 1 waqax lura? Jista' jgħid jekk jekk il-gvern għadx għandu l-mira li dan il-proġett jitlesta sa April ta’ din is-sena ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett inkwistjoni issa huwa mmirat li jitlesta sal-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena minħabba dewmien minn kuntrattur partikolari.

kwestjoni dwar multi maħruġa fuq vettura

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li minħabba li kien marid kellu jitfa' l-vettura fil-garaxx għal dawn l-aħħar snin u konsegwenza t'hekk weħel €2,600 multi extra mal-ħas tal-liċenzja? Jista' jikkonsidra li l-multi jkunu mnaqqsa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

testijiet tas-CPC

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda t-test tas-CPC jiġifieri tal-vetturi kbar, li suppost kellu jibda f'Settembru 2008? Jista' jgħid jekk it-testijiet li qed isiru issa humiex rikonoxxuti u jekk dawn iridux jagħmlu xi testijiet oħrajn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-testijiet tas-CPC għal sewqan ta' karozzi tal-passiġġieri b'kiri jew kumpens, iridu jsiru lil kull min ikun kiseb il-liċenzja tas-sewqan fil-kategorija D, D+E, D1, D1+E jew F wara l-10 ta' Settembru 2008 u dan wara li jkunu attendew kors ta' taħriġ appożitu u sakemm ikollhom reputazzjoni u kondotta tajba. Sa issa kienet Arriva Malta li, wara l-approvazzjoni ta' Transport Malta, bdiet toffri dan il-kors ta' taħriġ għax-xufiera tagħha. Huwa mistenni li l-ewwel testijiet tas-CPC ser isiru minn Transport Malta għal-ħabta ta' Frar li ġej lill-grupp ta' xufiera ta' Arriva. Sadanittant Transport Malta qed tikkonkludi taħditiet mal-MCAST sabiex din ukoll tkun approvata biex toffri il-kors ta' taħriġ meħtieġ. Sa dakinhar persuni li għandhom reputazzjoni u kondotta tajba u li ġabu l-liċenzja li semmejt iktar qabel, wara l-10 ta' Settembru 2008, qed jinħarġilhom permess temporanju biex isuqu vetturi għall-ġarr ta' passiġġieri b'kiri jew kumpens, bil-kundizzjoni li dawn jattendu l-kors ta taħriġ u joqgħodu għall-eżamijiet hekk kif dawn ikunu disponibbli għalihom.