Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #20228 Sitting 447 2021-04-13 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MCCAA – rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar tariffi tal-banek kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18067 u jispjega x'kien l-eżitu tal-ittra li ddikjara li ser jikteb fis-27 ta' Ottubru 2015 lill-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur wara r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar it-tariffi tal-banek kummerċjali tat-28 ta' Lulju 2015? Xi progress ġie reġistrat sabiex ikun hemm aktar trasparenza fit-tariffi tal-banek kummerċjali u imgħaxijiet fuq self ikunu aktar in linea mal-Medja Ewropea? Jista’ jiddikjara jekk hux sodisfatt bil-progress li ġie reġistrat s'issa sabiex l-imgħaxijiet fuq is-self ikunu skont il-Medja Ewropea u x'beħsiebu jagħmel sabiex dan il-għan jintlaħaq?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara l-komunikat mill-Ex Ministru Edward Scicluna, l-MFSA flimkien mal-Bank Ċentrali fl-2015, kellhom laqgħat regolari mal-MCCAA dwar ir-rati tal-imgħax tal-bank. L-MCCAA eventwalment ippubblikat ir-rapport li hu disponibbli pubblikament fuq is-sit tal-MCCAA. L-MFSA pprezentat wkoll rapport lill-MCCAA fuq tariffi tal-banek. Dan kien rapport numru 5654 fis-seduta plenarja Nru 299 tat-12 ta’ Ottubru 2015. Dan ir-rapport hu disponibbli pubblikament fuq is-sit tal-Parlament. Tul dawn is-snin sar progress billi l-Gvern għen biex inaqqas l-ispejje¿ ta imgħax fuq self lin-negozji. Dan għamlu billi ħeġġeġ lill-banek Maltin jipparteċipaw fi skemi, bħal Jeremie u Jamie, b’finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-Fond Ewropew tal-Investiment, b’rati tal-imgħax vantaġġjuzi biex ikunu jistgħu jagħtu self lill-negozji Maltin b’imgħax sa aktar minn tnejn fil-mija anqas mir-rati ta self li jkunu applikabbli. Apparti dawn l-iskemi, il-Gvern waqqaf Il-Bank Malti għall-Izvilupp bl-iskop li dan jidħol ukoll f’arranġamenti mal-banek Maltin sabiex isir self b’kundizzjonjiet aktar vantaġġjuzi, fosthom bi tnaqqis fir-rati tal-imgħax. Il-Bank Malti ghall-Izvillupp diġà qed jislef b'rati ta' 0% għall-ewwel sentejn tas-self, u b’rati oħra mnaqqsa. Mill-2015 sa Novembru 2020, il-banek lokali, inkluz Il-Bank Malti ghall-Izvillupp, approvaw b’kollox self ta madwar €565 miljun b’rati ta imgħax vantaġġjuzi, filwaqt li l-Bank Malti għall-Izvillupp għad jista jislef sa kwazi €390 miljun oħra b’dawn ir-rati vantaġġjuzi.
Leg 13 PQ #20230 Sitting 447 2021-04-13 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Unjoni Ewropea – Skema Sure – self lill-Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-rata ta' imgħax fuq is-self għal ħmistax-il sena li Malta għadu kemm akkwista mill-U.E. taħt l-iskema SURE? Jista' jispjega kif ser jintużaw il-€244 m li s'issa ġew mislufa taħt din l-iskema s'issa? Hemm xi pjanijiet li Malta tissellef aktar taħt din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fis-16 ta’ Marzu 2021, Malta rċeviet mill-Kummissjoni Ewropea €123 miljun nominali f’self għall-perjodu ta’ 15-il sena b’rata ta’ mgħax vantaġġuza bħala assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE. Aktar dettalji dwar dan is-self jinsabu fit-tabella li tidher hawn taħt: Self għall-perjodu ta’ 15-il sena Ammont Nominali €123,000,000 Kupun 0.20% Rendiment 0.228% Din it-transazzjoni ġiet ukoll imħabbra fi Stqarrija għall-Istampa maħruġa fis-16 ta’ Marzu, 2021 mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol. Dan is-self serva sabiex iffinanzja parzjalment iz-zieda fl-ispiza pubblika relatata ma nfieq sabiex ikunu salvagwardjati l-impjiegi. Fil-konkret dan jinkludi parti mill-ispiża fuq is-Suppliment tal-Paga, kif ukoll il-benefiċċji temporanji għall-ġenituri, persuni b’diżabilità u l- benefiċċju mediku. S’issa ġew allokati u mislufa €244 miljun nominali b’rabta mal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif tal-Istrument Ewropew għall-Appoġġ Temporanju biex jitnaqqsu r-riskji tal-qgħad f'emerġenza (SURE) marbuta mal-imxija tal-Covid-19. Matul Marzu 2021, il-Gvern issottometta applikazzjoni oħra ta’ self sabiex jiffinanzja parzjalment l-estensjoni tas-suppliment tal-paga li tħabbret mill-Gvern nhar id-9 ta’ Marzu.
Leg 13 PQ #20231 Sitting 447 2021-04-13 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koezjoni Ewropej

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intużaw Fondi Ewropej f'Għawdex taħt il-programm ta' Fondi Strutturali u Fondi ta' Koeżjoni Ewropej 2014-2020, sena b'sena? Kemm baqa' fondi minn dan il-programm x'jintefqu fis-snin li ġejjin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — direct orders lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kull kuntratt, inkluż direct orders jew simili, mogħtija minn kull entità fi ħdanu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2019 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ għal kull każ, jagħti l-ammont, data u minn min kien approvat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda direct order jew simili, mogħtija minn kull entità fi ħdan il-Ministeru lill-kumpanija msemmija.
Leg 13 PQ #20331 Sitting 446 2021-04-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

FIAU – lista ta’ breaches imwettqa bejn l-2013 u l-2018

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19031, jista' l-Ministru jispjega kif il-lista preżentata ma hemmx inkluża l-multa li tat il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) skont l-artiklu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 19031 kienet tinkludi lista ta’ breaches li kienu ta’ dominju pubbliku u li għalhekk l-FIAU setgħet tinkludi fir-risposta tagħha għal mistoqsija hawn fuq imsemmija. Kif diġa kien spjegat fir-risposta, l-informazzjoni li ġiet mogħtija kienet speċifikament tirrelata għal breaches li saru bejn Frar 2015 u Frar 2020, hekk kif kienu pubblikati fuq is-sit elettroniku tal-FIAU. Dan ghaliex minn Frar 2015, il-liġi kienet tippermetti li l-FIAU jippubblika biss informazzjoni dwar penali li jeċċedu Eur1,500 u li ma jkunux appellati (jew, f’kaz ta’ appell, fejn is-sentenza tal-Qorti tkun ikkonfermat id-deċizjoni ta l-FIAU). Wara emendi fl-2018 it-threshold għall-pubblikazzjoni zdiedet għal Eur10,000 u għalhekk l-FIAU seta jippubblika biss penali li jeċċedu Eur10,000 u li ma jkunux appellati (jew, f’kaz ta’ appell, fejn is-sentenza tal-Qorti tkun ikkonfermat id-deċizjoni ta l-FIAU). Għalhekk, ċertu breaches li ġew identifikati fil-perjodu hawn imsemmi u li kienu għadhom sal-ġurnata li ingħatat ir-risposta għal mistoqsija 19031 taħt appell, ma kienux inkluzi fil-lista ta breaches li ingħatat f’din l-istess risposta. Dan għaliex l- izvelar ta’ din l-informazzjoni kienet tkun waħda li tmur oltre milli tippermetti il-liġi fis-seħħ fil-perjodu Frar 2015 – Frar 2020. Tajjeb li wieħed jerġa jfakkar illi kull breach li ġiet identifikata mill-FIAU wara Frar 2020 kienet inkluza fil-lista, kemm jekk dik il-breach ġiet appellata jew le. Dan hekk kif permezz tal-emendi fil-liġi ta’ Frar 2020, ċertu restrizzjonijiet fuq il-pubblikazzjoni mil-FIAU ġew imneħħija, inklu¿ dik li kienet tipprojbixxi pubblikazzjoni ta’ breach f’kaz ta’ appell.
Leg 13 PQ #20332 Sitting 446 2021-04-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MFSA — persuni li kellhom poteri li jikkanċellaw liċenzji

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18647, jista’ l-Ministru jippreżenta l-kunflitt ta' interessi li kellhom u għandhom l-uffiċjali msemmiha f'dik it-tweġiba, sa minn meta dawn daħlu jaħdmu fl-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) sal-lum? Jista' jippreżenta d-dokumenti mressqa mill-uffiċjali rispettivi dwar il-kunflitt ta' interess tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li m’humiex biss l-ufficjali msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18647, li ghandhom l-obbligu li jiddikjaraw kull kunflitt ta’ interess li jista’ jkollhom fuq id-Declaration of Interest Form, imma huma l-impjegati kollha li jaħdmu fl-Awtorita ghas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta li iridu jagħmlu dan. Dan il-proċess isir biex l-Awtorita’tizgura li ma jkunx hemm konflitti li jistgħu jxekklu l-impjegati tagħha milli jaqdu dmirijiethom b’konformita mal-Liġijiet ta’ Malta. Pero, dawn l-istess liġijiet ta’ Malta jipprekludu li din l-informazzjoni titqiegħed fuq il-mejda ta’ din il-Kamra peress li l-informazzjoni miġbura fid-Declaration of Interest form hija pproċessata skont Regulament 2016/679 (General Data Protection Regulation – GDPr) u Cap. 586 tal-Liġijiet ta’ Malta (Data Protection Act). Izjed ukoll l-informazzjoni fuq dan il-punt hija ta’ natura kunfidenzjali u sensittiva u għaldaqstant tista’ wkoll tippreġudika l-azzjoni ta' infurzar tal-istess Awtorità Nixtieq inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant li l-istruttura tat-teħid tad-deċizjonijiet tal-Awtorità tizgura li l-ebda persuna waħedha ma tista' tinfluwenza d-deċizjoni.
Leg 13 PQ #20333 Sitting 446 2021-04-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta – kanċellazzjonijiet ta’ liċenzji

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19728, jista' l-Ministru jippreżenta dettalji sħaħ ta' ma' min, x'kien is-settlement, kemm kien, meta sar, min issuġġerieh u min approvah?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba li tiġi provduta hija ta’ natura kunfidenzjali u għalhekk l-Awtorità ma tistax tipprovdi dawn id-dettalji. Ta’ min wieħed jinnota li f’kull kaz li kien konkluz permezz ta’ “settlement” dejjem ittieħdet xi tip ta’ azzjoni li tvarja minn impożizzjoni ta’ penali amministrattiva jew mizuri oħra. Informazzjoni rigward kull azzjoni ta’ infurzar meħuda mill-MFSA hija disponibbli pubblikament skont l-Artikolu 16(8) tal-Att dwar l-Awtorità’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u wkoll skont l-Publication policy tal-Awtorità fuq is-sit tal-MFSA.
Leg 13 PQ #20334 Sitting 446 2021-04-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Bord tal-FIAU – riżenja ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament intalbet tirriżenja minn membru tal-Bord tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)? Jista’ jgħid meta rriżenjat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li qed tirreferi għaliha l-mistoqsija, irrizenjat minn membru tal-Bord tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) minn jeddha. Id-data tar-rizenja hija 30 ta’ Ottobru 2020.

Diverġenzi fid-deċiżjonijiet għall-kumpens

Question

Jista’ l-Ministru, tenut kont tad-diverġenzi fid-deċiżjonijiet għal dak li jirrigwarda l-quantum ta’ kumpens li jingħata, jinforma lill-Kamra jekk hemmx ħsieb li jiġu mfassla linji gwida f’dan ir-rigward?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tribunali Industrijali – Ġudikanti full-time u professjonisti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jkun hemm riforma fit-Tribunal Industrijali, b’dan li jkun hemm Qorti Industrijali mgħammra b’ġudikanti full-time u professjonisti legali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Żgħażagħ taħt it-18-il sena li jikkontribwixxu għall-ħlas għas-sigurtà soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ żgħażagħ taħt it-18-il sena li huma impjegati u li allura jikkontribwixxu għall-ħlas għas-sigurtà soċjali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, fl-aħħar ta’ Settembru 2020 in-numru ta’ zgħazagħ taħt it-18-il sena li huma impjegati full-time u part-time kien at 1,359 persuna [560 full-time u 799 part-time]. L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Settembru 2020.

Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-12,490 persuna li kienet qed tirreġistra għax-xogħol f'Diċembru 2020 (NSO 013/2021) kienu ċittadini Maltin, ċittadini tal-UE u ċittadini barra l-Unjoni Ewropea?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-12,490 persuna rrapurtati fin-News Release 013/2021, li ħarġet fis-26 ta’Jannar, ma jirreferux għal persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. Dawn irriżultaw minn stima ta’ qgħad ibbażata fuq mudell matematiku li jikkunsidra bosta kriterji, fosthom dawk internazzjonali stabbiliti mill-Għaqda Dinjija tax-Xogħol, l-ILO, u għaldaqstant tinkludi wkoll persuni qiegħda li ma kinux qed jirreġistraw għax-xogħol. Skont dawn il-kriterji, persuna tkun meqjusa bħala qiegħda jekk matul il-ġimgħa ta’ referenza (i) ma kellhiex xogħol, (ii) kienet qed tfittex impjieg b’mod attiv matul l-aħħar erba’ ġimgħat u (iii) tkun lesta li tibda taħdem fi żmien ħmistax minn meta ssib xogħol.
Leg 13 PQ #20097 Sitting 445 2021-03-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Skema tal-Ħaddiema tal-Komunità – ingaġġ ta’ nies ġodda

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18529, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fl-iskema li daħlu fiha qabel it-twaqqif tal-Community Work Scheme Foundation u meta twaqqfet din l-Fondazzjoni? Jista' jispjega wkoll x'inhuma l-karatteristiċi ta' persuni vulnerabbli li jintitolahom li jiġu iskritti f'din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 20097, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 617 individwu li kienu fuq l-iskema qabel it-twaqqif tal-Community Work Scheme Foundation. Il-Community Work Scheme Foundation twaqqfet fi Frar ta’ 2016. Il-karatteristiċi ta' persuni vulnerabbli li jintitolhom li jidħlu f'din l-iskema huma: a. persuna li kienet bla impjieg/inattiva fl-aħħar sena u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus u hija: 1. persuna adulta li tgħix waħedha u li għandha persuna jew persuni dipendenti taħt ir-responsabbilta tagħha u li m’għandhiex impjieg full-time jew; 2. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li m’għandhiex kwalifiċi tas-sekondarja għolja jew kwalifiċi vokazzjonali (ISCED 3) u li m’għandhiex impjieg jew; 3. persuna ‘l fuq minn 50 sena li m’għandhiex impjieg jew; b. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li kienet bla impjieg f’dawn l-aħħar sentejn u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus.
Leg 13 PQ #20098 Sitting 445 2021-03-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Skema ta’ Xogħol fil-Komunità – korsijiet lill-imsieħba

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-korsijiet li saru lill-imsieħba tal-Iskema ta' Xogħol fil-Komunità u kemm kienet l-attendenza ta' kull kors mill-bidu tal-Iskema s'issa? X'sanzjonijiet hemm kontemplati jekk imsieħeb ma jsegwiex il-kors li kellu jattendi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-lista ta’ korsijiet li saru lill-imsieħba tal-Iskema ta' Xogħol fil-Komunità u kemm kienet l-attendenza ta' kull kors mill-bidu tal-Iskema s'issa tinsab fit-tabella t’ hawn taħt. Jekk persuna ma jattendix il-kors li kien riferut għalih irrid jipprezenta ċertifikat mediku biex jiġi ezentat. Kors Numru ta' partecipanti MCAST [ Level2] Maintenance work 40 MCAST [ Level2] Cleaning Modules 39 Award in Administration Skills 69 Award in Life Skills for the Work Environment 58 Award in General Occupational Health & Safety 414 Award in Basic Housekeeping 15 Award in Principles of Gardening and Landscaping 10 Award in Housekeeping – Clean it Up! 221 Award in Administration Skills – Your First ~Job in the Office 43 Award in Occupational Health and Safety for General Drivers 19 Award in Landscape Gardening – Green Fingers 14 Award in Customer Care – The Customer Is Always Right 64 Award in Teamwork – Working Together for Success 23
Leg 13 PQ #20099 Sitting 445 2021-03-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Self tal-Gvern ta’ Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tas-self kollu tal-Gvern ta' Malta matul 2020 u r-rata ta' imgħax li hi dovuta fuq tali self?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #20100 Sitting 445 2021-03-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Skema tax-Xogħol fil-Komunità — imsieħba

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm kien hemm imsieħba fl-Iskema tax-Xogħol fil-Komunità fl-aħħar ta' Frar 2021 u jagħti rendikont ta' kif kienu mqassma ma’ bosta entitajiet kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta’ Frar 2021 kien hemm 1019 imsieħba fl-Iskema tax-Xogħol fil-Komunità u kienu mqassma kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #20101 Sitting 445 2021-03-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Skema tax-Xogħol fil-Komunità – nefqa pubblika

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm kienet in-nefqa pubblika fuq l-Iskema tax-Xogħol fil-Komunità sena b'sena mis-sena 2009 sas-sena 2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-2009 u l-2014, Jobsplus ħallset biss spejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-iskema. Din l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għall-bqija tan-nefqa pubblika f’dan il-perjodu, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jistaqsi lil Ministru kkonċernat, hekk kif matul dawn is-snin l-ispiża kienet toħroġ mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali. Mis-sena 2016 ’il quddiem minn meta twaqqfet il- Community Work Scheme Foundation u bdiet tiġi amministrata minn Jobsplus, in-nefqa pubblika sena b'sena, mis-sena 2016 sas-sena 2020 In-nefqa mis-sena 2016 ’il quddiem tinkludi ħlas tal-pagi tal-imsieħba fl-iskema u ħlas relatat mal-amministrazzjoni tal-iskema. tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-ispi¿a tinkludi wkoll il-ħlas ta’ 18% VAT.
Leg 13 PQ #20134 Sitting 445 2021-03-24 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Wage Supplement approvat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie approvat Wage Supplement bejn Marzu u Ġunju 2020? Kemm kienu l-kumpaniji li utilizzaw dan il-fond? Kemm impjegati? Kemm damu bil-wage supplement? X’kienu l-kundizzjonijiet li ngħata bihom il-wage supplement? Kemm kien hemm talbiet għal wage supplement li ma ntlaqgħux u għaliex ma ntlaqgħux?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #20173 Sitting 445 2021-03-24 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Finanzjament ta' mediċina approvata mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru japprova l-finanzjament tal-mediċina approvata mill-Unjoni Ewropea li tali mediċina hija ta' ħtieġa biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tkun tista' tibqa' ħajja u li tali talba saret mill-Ministeru għas-Saħħa?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif imħabbar, din il-mediċina ser tibda tingħata.

Tribunal Industrijali – każijiet pendenti

Question

Konxju tal-fatt li kull każ hu differenti u li kull każ għandu jiġi deċiż b’mod indipendenti u ħieles minn indħil estern, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ hemm pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali u minn dawn kemm hemm differiti għad-deċiżjoni u kemm ilhom hekk differiti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.