Legislature:
Category:
Reset
Active:

Family Clinics

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux family clinics fil-bliet u rħula Maltin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) nidiet f’dawn l-aħħar 3 snin diversi servizzi fil-kommunità bil-għan illi jinltaħqu familji li jeħtieġu interventi professjonali sabiex jirċievu tali assistenza. Għal dan il-għan, twaqqaf is-servizz tal-Home Based Therapeutic Service (HBTS). Dan jipprovdi għajnuna terapewtika lill-familji ‘multistressed’ ġewwa l-kommunita` tagħhom. Dawn il-familji jkollhom diversi problemi kumplessi relatati ma’ faqar, vizzji ta’ droga, vjolenza fil-familja, problemi ta’ saħħa mentali u fejn jidħlu problemi relatati mat-tfal li jitneħħew mill-familji oriġinali tagħhom. Din l-għajnuna tingħata minn tim terapewtiku li jadotta metodi multidixxiplinari. Il-professjonisti li jaħdmu fit-tim ġejjin minn professjonijiet varji, li jinkludu terapisti tal-familja, psikoterapewtiċi, psikologi u counsellors. It-tim jipprovdi diversi interventi terapewtiċi, li jinkludu terapija individwali mal-adulti u tfal, terapija mal-familja kif ukoll parenting li huwa bbażat fuq l-Incredible Years Parenting Programme, kif indikat fil-policy dwar Postive Parenting. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, dawn is-servizzi qed ikunu pprovduti lill-familji f’dawn il-lokalitajiet u Ċentri madwar Malta u Għawdex; · Cottonera – Ċentru LEAP · Għargħur – Ċentru LEAP · Qawra – Ċentru LEAP · Għajnsielem Għawdex – Ċentru tas-servizzi tal-FSWS f’Għawdex Hemm ippjanat illi s-servizzi msemmija jitferxxu f’aktar lokalitaijiet f’Malta u f’Għawdex.

Kera – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha pensjoni ta’ €600 fix-xahar u tħallas kera ta’ €600 fis-sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kera hija maħduma skont il-policies tal-kera soċjali preżenti. Il-kuntratt tal-kera ġie ffirmat fl-24 ta’ Jannar 2014.

Applikazzjoni għall-post – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li applikat għall-post fl-1992 u tilfet xi karti u issa jidher li hemm xi misunderstandings?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-persuna li għaliha qiegħda ssir referenza, applikat taħt l-iskema ta’ Sir Sid Darek fl-2013 sabiex tixtri r-residenza tagħha mikrija mill-Gvern. L-applikazzjoni ġiet proċessata u s-sinjura ngħatat il-prezz tal-appartament kif ukoll ingħatat l-għażla li tikri jew tixtri s-soil area li għandha għall-użu esklussiv tagħha. Din is-soil area tammonta għal ċirka ta’ 97.4 metri kwadri. Jidher illi din is-sinjura, la trid tixtri u lanqas tikri din is-soil area u għalhekk l-Awtortia` tad-Djar qiegħda tesplora l-possibilita` li telimina l-użu ta’ din l-art mingħand is-sinjura biex b’hekk hija tkun tista tixtri l-appartament mingħajr l-art ta’ madwaru.

Applikazzjoni ta’ bdil ta’ post – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward applikazzjoni għall-bidla tal-post?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, s-Sur Falzon għandu applikazzjoni għal tpartit, sabiex ibiddel il-post illi ilu jirrisjedi fih għal diversi snin wara li kien ġie rikonoxxut fl-2001. Ir-raġuni hi li l-post huwa kbir għalih peress li jgħix waħdu. Huwa jixtieq post iżgħar fl-inħawi tal-Msida jew tas-Sliema.

Stallazzjoni ta' lift fil-komun — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir lift fil-komun fejn tgħix il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lift sejjer isir u ġiet sottomessa l-applikazzjoni għal-permess tal-ippjanar fid-9 ta' Novembru 2017. L-inkwilin flimkien mar-residenti l-oħra sejr tirċievi pjanti tal-lift hekk kif propost fil-jiem li ġejjin.

Xogħol ħażin minn kuntrattur – każ ta’ anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjani li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, minħabba li x-xogħol li sar minn kuntrattur sar ħażin u b’kawża ta’ dan, id-dar spiċċat kollha moffa? Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni b'mod immedjat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont informazzjoni li għandha l-Awtorità tad-Djar dwar il-każ imsemmi, ma kien hemm l-ebda xogħol ħażin li sar minn kuntrattur. L-aħħar li saru xogħlijiet f'dan il-font kien madwar 7 xhur ilu u x-xogħol kien iċċertifikat lest mill-Awtorità tad-Djar. Madanakollu għandha terġa ssir spezzjoni biex jiġi vverifikat dan l-ilment.

Persuni li qed jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’infurzar qed isir in konnessjoni ma’ persuni li jinstabu li qegħdin jabbużaw mill-akkomodazzjoni soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji, f’każijiet ta’ suspett ta’ abbuż mill-akkomodazzjoni soċjali u jiġi kkonfermat it-tali abbuż, jittieħdu l-miżuri biex isir l-iżgumbrament. Abbużi fl-akkomodazzjoni soċjali jinkludu l-kirja ta’ binja tal- housing lil terzi persuni, ir-rilokazzjoni ta’ persuni ġo proprjeta’ wara l-mewt tal-inkwilin oriġinali, u squatters li jaqbdu u jidħlu f’binjiet tal-Awtorita’ tad-Djar mingħajr permess.

Units tal-Housing – skemi ta’ xiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx skemi sabiex jinxtraw unit tal-housing mill-pubbliku?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fi Frar tas-sena 2014 ġiet varata skema fejn inkwilin fi proprjetà tal-Gvern jingħata l-opportunita` li jixtri r-residenza mikrija lilu bi prezz issussidjat. Is-sussidju jingħata jekk l-applikant ma jkollux assi aktar minn €150,000 u dan is-sussidju ilaħħaq għal 50% tal-prezz maħruġ mill-Awtorità tad-Djar. Aktar dettalji fuq din l-iskema jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-Awtorità tad-Djar.

Djar tal-Anzjani – standards għall-ħarsien tal-kura tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif huma kklassifikati d-Djar tal-Anzjani fi standards għall-ħarsien tal-kura tal-anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-liċenzjar tad-djar tal-anzjani skont l-istandards għall-ħarsien tal-kura tal-anzjani, jsir mid-Direttorat tal-Istandards tal-Kura tas-Saħħa.

Djar tal-Anzjani – servizzi offruti

Question

B’referenza għad-Djar tal-Anzjani li huma privati u li jipprovdu servizz kemm lill-Gvern bħala Private Public Partnership (PPP) kif ukoll lill-klijenti privati, jista’ l-Ministru jgħid x’monitoraġġ isir biex ikun żgurat li l-kura li qed tingħata hi ta’ kwalità? X’monitoraġġ isir dwar l-ikel li jingħata u l-livell ta’ indafa jew manutenzjoni tal-post? Min jissalvagwardja li s-servizzi anċillari li huma bi ħlas extra, għax mhux koperti bil-PPP jew mill-kuntratt ma’ klijent privat, huma ġusti u ta’ standard mad-djar kollha f’Malta u f’Għawdex?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, jwettaq moniteraġġ kontinwu fuq sodod mixtrija mingħand il-privat, permezz tal-Quality Assurance and Compliance Team. Dan isir permezz ta’ viżti fuq il-post u kif ukoll spezzjonijiet fid-djar kollha, li jiprovdu dan is-servizz. Meta l-anzjani jidħlu ġewwa dar fuq l-iskema tal-Gvern, tiġi provduta informazzjoni dwar s-servizzi kollha provduti. Rigward residenti privati, l-moniteraġġ isir mid-Direttorat tal-Istandards tal-Kura tas-Saħħa li hu responsabbli mil-liċenzjar ta’ dawn id-djar.

Djar Residenzjali tal-Anzjani – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li qegħdin fil-lista ta’ stennija biex jidħlu f’dar residenzjali? Kemm huma dawk l-anzjani li qed iħallsu minn buthom u huma applikati biex jaqilbu għal sussidju mill-Gvern?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ anzjani li qegħdin fil-lista ta’ stennija biex jidħlu f’dar residenzjali għall-anzjani jammonta għal 1876. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ma jħarisx fejn jgħix l-Anzjan imma l-lista ta’ stennija tinżamm skond il-kura meħtieġa tiegħu.

Bdil ta' saqaf ta' kamra tal-banju — każ ta' familja

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar bdil ta' saqaf fil-kamra tal-banju, peress li kien ikkundannat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dwar il-każ imsemmi, it-tiswijiet meħtieġa fis-saqaf tal-kamra tal-banju tlestew f'Novembru 2017

Żieda fil-pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li jidher li ma ħaditx żieda fil-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna imsemmija minnu ħadet iż-żieda ta’ €3.75 fil-ġimgħa kif imħabbra fid-diskors tal-Budget għal din is-sena.

Att dwar is-Sigurtà Soċjali

Question

B’referenza għall-Avviż Legali numru 289/2016 li sar fl-Att dwar is-Sigurtà Socjali jista’ l-Ministru jikkonsidra li dak li hemm stabbilit għas-settur privat jiġi estiż ukoll għas-settur pubbliku kollu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, kif hemm imwiegħed fil-Manifest Elettorali ta’ dan il-Gvern, il-miżura msemmija minnu ser tkun qed tiġi estiża għall-impjegati tas-servizz pubbliku matul din il-leġislatura.

Advisory Board tal-Fostering

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3696 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Wara li l-Ministru għall-Ġustizzja kien stqarr li l-inkjesta li kienet sar referenza għaliha fil-mistoqsijiet parlamentari 2279 u 1674 dwar l-Advisory Board tal-Fostering fil-fatt kienet tlestiet u li qiegħda fi stadju li jiġi kkompilat ir-rapport tal-istess inkjesta, jista’ l-Ministru jpoġġi dan l-istess rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, hija l-intenzjoni tal-Gvern illi jpoġġi dan l-istess rapport fuq il-Mejda tal-Kamra fil-futur viċin.

Units għall-Housing tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġu maħluqa units tal-housing fl-erba’ snin li ġejjin bil-ħidma tal-Gvern u f’liema lokalità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Gvern beda bil-ħidma tiegħu sabiex jibni binijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali sabiex tkun indirizzata l-problema ta’ allokazzjonijiet. Matul l-2017, Il-Housing Projects Management Unit beda bl-iskavar f’numru ta’ siti ppjanati għal proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali. Dan l-investiment ser ikun qiegħed jaħseb għal 684 unit ta’ akkomodazzjoni soċjali; fil-lokalitajiet imsemmija hawn taħt: · Triq il-Għenba Attard – 8 units · Tas-Sisla B’Kara – 73 -il unit · Helen’s Gate Cospicua – 65 -il unit · Triq il-Lewżiet, Kirkop A – 19 -il unit · Triq Salvu Sacco, Kirkop B – 18- il unit · Triq tal-Fieres, Kirkop C – 8 units · Triq tal- Fieres, Kirkop D – 8 units · Ħal-Farruġ, Luqa – 182 -il unit · Valley Road, Msida – 102 units · Triq it-Tuffieħ, Naxxar – 12-il unit · Triq N. Mifsud, Qrendi A – 24 -il unit · Triq N. Sammut, Qrendi B – 26 -il unit · Triq Nikol Zammit, Siġġiewi – 84-il unit · Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbuġ A – 20 -il unit · Triq il-Qolla, Ħaż-Żebbuġ B – 8 units · Triq Ciantar, Żurrieq – 27-il unit

Spezzjoni fuq flat – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward spezzjoni fuq flat peress li mix-xaft dieħel ħafna ilma u minkejja li saru diversi talbiet, ma ittieħdet l-ebda azzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija diġa ingħatat f'mistoqsija parlamentari numru 3689 li hija identika

Social Worker – każ ta’ anzjana

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir żjara ta’ social worker fid-dar tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li tbati bid-dementia u peress li tgħix waħedha mhux l-ewwel darba li ħarġet barra waħedha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.