Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li l-unika impjieg tagħhom huwa part-time?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ April 2017, in-numru ta' persuni li l-uniku impjieg tagħhom huwa part-time kien ta’ 34,858.
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar figuri ppubblikati huma ta` April 2017.
Abbozz ta’ liġi dwar il-Midja u l-Malafama – sottomissjonijiet, kummenti u proposti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet, kummenti u proposti kollha li rċieva dwar l-Abbozz ta' Liġi dwar il-Midja u l-Malafama?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2500, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja 'taċ-ċertu kundizzjonijiet stabbiliti'? Jista' jgħid meta ġew stabbiliti dawn iċ-ċertu kundizzjonijiet u jekk hemmx regoli fissi jew regoli li jinbidlu minn attività għall-oħra? Jista' jgħid kemm kien il-ħlas għal din l-attività partikolari msemmija minnu u kif jiġi kkwantifikat il-ħlas dovut għall-attivitajiet li jsiru? Kemm ġiet tiswa lil Malta Libraries din l-attività li saret fis-7 ta' Novembru? Min huma l-persuni li jiddeċiedu fuq dawn l-attivitajiet u jekk għandhomx isiru jew le? Jista' jgħid kemm saru attivitajiet politiċi jew minn entitajiet ta' partiti politiċi bejn Marzu 2013 sa Novembru 2017 ġewwa l-Biblijoteka tal-Belt?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onor. interpellant li l-entità Libreriji Maltin tagħti permess li tintuża l-binja għal attivitajiet minn terzi persuni. Għal dan il-għan jintużaw dawn il-kriteriji għal kull attività li ssir barra mill-ħinijiet tal-ftuħ tal-Bibljoteka Nazzjonali:
- Issir talba li trid tiġi approvata mid-Director Library Operations u/jew mill-Kap Eżekuttiv.
- L-organizzatur jista’ jagħmel użu mill-PA System u Projector/Monitor ta’ Malta Libraries. F’każ ta’ użu ta’
laptop
, dan irid jiġi pprovdut mill-organizzatur.
- Malta Libraries titlob dokument ta’ identifikazzjoni lill-parteċipanti biex ikun jista’ jiġi garantit l-aċċess fil-binja tal-Bibljoteka Nazzjonali.
- Fis-Sala hu biss permess l-użu ta’ Soft Lighting.
- Fil-każ ta’ organizzazzjoni ta’ riċeviment, dan jista’ jsir fil-foyer bi spejjez tal-organizzatur.
- Fis-Sala mhux permess ikel u xorb.
- Il-ħlas mitlub hu €50 għal kull siegħa kif ukoll € 40 fil-każ ta’ kiri ta’ siġġijiet.
Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw għal kulħadd u ma jinbidlux minn attività għall-oħra. Il-ħlas għall-attività tas-7 ta’ Novembru kien jammonta għal €140 liema ħlas ikopri kiri ta’ siġġijiet (€40) u ħlas amministrattiv ta’ €100 (peress li l-attività damet sagħtejn). Dan il-ħlas amministrattiv ikopri l-overtime tal-ħaddiema u utilitiy overheads.
Fid-9 ta’ Novembru 2015, kienet saret ukoll sessjoni ta’ Gvern li jisma’ fil-Bibljoteka Nazzjonali.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sports u Għaqdiet Volontarji - Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sports u Għaqdiet Volontarji jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 342.
Inċentivi lill-employers privati — ingaġġ ta’ persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux skemi ta’ inċentivi biex jgħinu employers privati jingaġġaw persuni b’diżabilità fis-settur privat? Jekk iva, jista’ jpoġġi d-dettalji u t-termini tal-iskema rispettivi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar snin ġew imnedija numru ta’ inizjattivi sabiex iħeġġu lil min jimpjega jingaġġa persuni b’diżabilità. Fosthom insibu l-infurzar tal-liġi li tistabilixxi li 2 fil-mija tal-ħaddiema ta’ intrapriżi li jħaddmu iżjed minn 20 ħaddiem, għandhom ikunu persuni b’diżabilità.
Persuna li tħaddem persuna b’diżabilità tkun eżentata milli tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dak l-individwu, u tkun eliġibbli li tirċievi inċentiv fiskali ekwivalenti għal 25 fil-mija tal-paga tal-persuna b’diżabilità - sa massimu ta’ €4,500 għal kull persuna.
Barra minn hekk, il-korporazzjoni Jobsplus toffri sussidju fuq il-paga għal min jimpjega persuni b’diżabilità permezz tal-iskema Access to Employment. Min jibbenefika minn din l-iskema ma jkunx intitolat għall-inċentiv fiskali. Dan għaliex, permezz tal-iskema Access to Employment, min jimpjega jkollu sussidju ta’ €125 fil-ġimgħa għal massimu ta’ 156 ġimgħa għal kull persuna b’diżabilità li tingħata impjieg fuq bażi full-time. Is-sussidju jkun pro-rata jekk l-impjieg ikun fuq bażi part-time.
Iktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku ta’ Jobsplus:
https://jobsplus.gov.mt/employers-mt-MT-en-GB/employing-persons/employing-persons-disability
https://jobsplus.gov.mt/schemes-jobseekers/a2e-scheme
Valletta FC — Art biex jibnu l-istadium u faċilitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex Valletta FC jingħataw art biex jibnu l-istadium u l-faċilitajiet tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa kommess illi jgħaddi l-art in kwistjoni lil Valletta FC u filwaqt li diġà hemm porzjon ta’ art riservata sabiex tingħadda lill-klabb, għaddejjin negozjati ma’ terzi fuq art adjaċenti sabiex parti minnha tingħaqad mal-parti riservata u b’hekk l-art tingħadda kollha lil Valletta FC.
Community Worker Scheme – żieda fil-pagi tal-ħaddiema
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2432, jista’ l-Ministru jgħid jekk din iż-żieda ta’ €200 fix-xahar hijiex se tiġi mħallsa direttament mit-Teżor jew jekk hemmx xi ftehim differenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żieda msemmija ser tkun riflessa direttament fil-paga tal-ħaddiema.
Università ta’ Malta – Sir Temi Zammit Hall – bdil ta’ air conditioning
Question
Jista’ l-Ministru jgħid hijiex se tinbidel is-sistema tal-air conditioning fis-Sala Sir Temi Zammit tal-Università ta’ Malta tul is-sena li ġejja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li s-Sala Sir Temi Zammit jeħtiġilha refurbishment sħiħ u s-sistema tal-air conditioning hija parti minn dan il-proġett. Dan il-proġett mhux ippjanat li jsir fl-2018.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li rreġistraw taħt il-courses provduti għall-Adult Education u jista’ jindika jekk kienx hemm student għat-tagħlim tal-Grieg?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-numru totali ta’ applikanti għall-korsijiet għat-tagħlim tul il-ħajja għas-sena 2017/2018 huwa ta’ 11,338. Għat-tagħlim tal-Grieg applikaw 32 persuna.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u kemm-il LSA ġew impjegati bejn il-5 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju 2017?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li filwaqt li fil-perjodu indikat mill-Onor. interpellant ma ġewx impjegati persuni fil-grad ta' Learning Support Assistant fl-istess perjodu ġew impjegati tmintax (18)-il Supply Learning Support Assistant. Ngħarraf ukoll lill-Onor. interpellant li l-proċess tal-ingaġġ ta' dawn is-Supply LSAs kien diġà beda qabel il-5 ta' Mejju 2017 u sar skont iċ-Ċirkulari tal-OPM nru. 8/2017.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1750 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fejn jirrigwardja l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol in-numru ta’ talbiet ippreżentati u magħluqa minn meta daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni hu ta’ 26. Sena b’sena dawn it-talbiet, inkluż minn min saru, kienu kif se nsemmi:
2013 – 1 (Union Print)
2014 – 1 (Malta Independent)
2015 – 2 (1 Mediatoday Co. Ltd. u 1 Malta Independent)
2016 – 13 (1 Malta Independent, 6 Times of Malta, 1 minn ditta legali, u 5 minn ċittadini privati)
2017 – 9 (4 Times of Malta, 4 minn ċittadini privati, u 1 mill-Malta Medical Students Association)
Minnhom, 15-il talba ġew milqugħa in full, 3 milqugħa in part, 6 rifjutati u żewġ każi kienu abbandunati.
It-talbiet li saru kienu varji inkluż informazzjoni dwar kompjuters u vetturi fis-segretarjat, informazzjoni dwar kategorija ta’ impjegati fi grad partikolari, numru ta’ studenti li qagħdu għall-eżami tal-Matsec u tagħrif ieħor relatat, informazzjoni dwar persuni f’pożizzjoni speċifika, talbiet għal aċċess ta’ rapport, kuntratti ta’ persuni ingaġġati, dokumentazzjoni dwar proġetti jew każi partikolari u sejħiet għal kwotazzjonijiet/tenders, listi ta’ studenti għal Summer Work u informazzjoni relatata, aċċess għal ftehimiet li saru, u fondi provduti minn entitajiet fi ħdan il-MEDE.
Ir-raġunijiet tas-sitt talbiet rifjutati kienu jaqgħu taħt waħda jew iktar minn dawn: Artiklu 69 (12) Cap 327 u Artiklu 32 (1) (c) (i) Cap 496 tal-Liġijiet ta’ Malta, Artiklu 20 (2) (a), Artiklu 32 (1) (c) (ii), Artiklu 37 u Artiklu 38 (a) u (c) tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (FOI Act), data ma teżistix fi ħdan il-MEDE, eżenzjoni taħt Artikli 30(1)(a) u 30(2)(a) tal-FOI Act, Artikli 32 (1) (a), 32 (1) (b), 32 (4) (b) u 38 (d) tal-FOI Act, u Artiklu 3 tal-istess Att.
Infurmat ukoll li sadanittant, daħlu erba’ talbiet oħra (Ottubru/Novembru 2017) u li qed jiġu proċessati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-iskejjel Primarji tal-Fgura mhux qed jirċievu ħalib għat-tfal?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa mhux qiegħed jingħata ħalib fl-iskejjel msemmija. Bħal ħafna skejjel oħra f’Malta, l-iskola qed issegwi d-direzzjoni mogħtija skont l-iskema l-ġdida ta’ frott, ħaxix u ħalib. Skont l-Agriculture and Rural Payments Agency, l-iskema ser tidħol fis-seħħ lejn l-aħħar ta’ Novembru bidu ta’ Diċembru.
Dipartiment tal-Edukazzjoni — ħaddiema tal-IPSL on loan
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-ħames ħaddiema tal-IPSL on loan mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni li qed jaħdmu skont kif ingħatat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2195; x'inhu:
a) it-
terms of reference
tagħhom;
b) ix-xogħol li qed jagħmlu fil-ħidma assenajata lilhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tnejn mill-ħaddiema tal-IPSL on loan mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni jaħdmu fis–sezzjoni tal-Ġardinara u jagħmlu dak ix-xogħol kollu relatat mal-ġardinaġġ u li jkun mitlub lilhom mis-superjuri tagħhom. Dan jikkonsisti fi qtugħ ta’ ħaxix, qtugħ ta’ friegħi tas-siġar u kif ukoll użu tal-moħriet. Fil-preżent m’humiex marbutin ma’ xi proġett partikolari..
Ħaddiem ieħor qiegħed fis-sezzjoni tal-aluminium, jgħin fit-tfassil ta’ aperturi, partitions u tiswijiet.
Ħaddiem ieħor li qiegħed fis-sezzjoni tal-ħaddieda jaħdem xogħol ta’ ħadid bħal aperturi, railings u tiswijiet. Peress li għandu wkoll liċenzja tad-dawl jaħdem ukoll fuq airconditioning. Għaldaqstant meta jkun hemm bżonn ta’ service fuq airconditions u tiswija relatata mal-installazzjoni tad-dawl fil-workshop li jaħdem fih, it-tiswijiet isiru mill-istess impjegat.
Ħaddiem ieħor jifforma parti mit-team tekniku fejn jiġi installat network passiv. Kull proġett li jiġi assenjat flimkien mat-team tiegħu (li qegħdin 3 membri b’kollox), jikkwantifikaw ix-xoghol meħtieġ f’ħin u kif ukoll f’riżorsi meħtieġa biex jitwettaq ix-xogħol kif ukoll l-installazzjoni fiżika. Fil-preżent dan l-impjegat huwa assenjat fuq estensjoni tan-network passiv ġewwa ċ-Ċentru Xjentifiku ta’ Pembroke, manutenzjoni tan-network passiv ġewwa l-iskola Nazzjonali tal-iSport (Pembroke), u estensjoni żgħira fin-network passiv tal-FES (Mtarfa).
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-istudenti tad-Drama Unit, għall-kuntrarju tas-snin preċedenti, mhux se jkunu jistgħu jpoġġu għall-eżamijiet tat-Trinity College u tal-LAMDA waqt li l-miżati se jitħallsu xorta mill-istudenti? Jekk iva, x’inhi r-raġuni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istudenti tad-Drama Unit ma jpoġġux għall-eżamijiet tat-Trinity jew LAMDA.
Mill-banda l-oħra, fl-Iskola tad-Drama f’Malta u f’Għawdex, fejn fil-għaxijiet jattendu numru ta’ student żgħar u adulti, baqa’ kollox bħas-snin preċedenti ħlief li l-istudenti li jidħlu għal-livell tal-Higher Diploma fl-istudji Teatrali (MQF level 5) mhux ser ikollhom bżonn iħallsu miżati f’istituzzjonijiet barranin għal din il-kwalifika peress li minn din is-sena dan il-kors u f’dan il-livell huwa akkreditat mill-NCHFE.
Ebda persuna ma tiġi mitluba xi ħlas/miżati għal xi eżamijiet ta’ skejjel barranin bħal Trinity College u LAMDA jekk il-persuna ma tkunx ser toqgħod għal dawn l-eżamijiet.
Kulleġġ Santa Tereża – CNC Labs – apparat bil-ħsara
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fl-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel (Kulleġġ Santa Tereża) ma jistgħux jużaw is-CNC Labs (Computer Numerical Control) maħsub għad-Design & Technology, minħabba li hemm apparat bil-ħsara? Jekk iva, x’se jkun qed isir?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-laboratorju tad-Design and Technology qed jintuża b’mod regolari u m’hemm l-ebda problema tant li fih isiru l-lezzjonijiet għall-istudenti li għażlu dan is-suġġett. Hemm apparat wieħed, minn numru li jużaw l-istudenti, li huwa l-laser cutter (CNC), li jinsab bil-ħsara u qed issir l-evalwazzjoni jekk jissewwiex jew jinbidel ma’ wieħed ġdid.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fis-7 ta’ Novembru 2017 fil-Biblijoteka Nazzjonali saritx attività politika jew attività mtella’ minn partit politiku jew xi fergħa tiegħu? Xi kriterji tuża l-Biblijoteka Nazzjonali biex tilqa’ talbiet għall-attivitajiet ta’ terzi? X’inhu l-ħlas li jkun dovut lejn l-entità Libreriji Maltin meta jintlaqgħu dawn it-talbiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nikkonferma illi fis-7 ta' Novembru 2017 ġiet imtella' attività relatata mas-70 anniversarju mill-vot lill-mara. Din ma kenitx attività politika għalkemm ġiet imtella' minn fergħa ta' partit politiku. Il-Bibljoteka Nazzjonali tilqa' kull talba u d-deċiżjoni, b'ċerti kundizzjonijiet stabbiliti, inkluż ħlas, tittieħed, mingħajr diskriminazzjoni, fuq il-mertu tat-talba relattiva.
Ministeru għall-Edukazzjoni – ingaġġ ta’ motor drivers
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati motor drivers fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, sena b' sena mill-2013 sal-lum? Kemm minn dawn kienu minn Għawdex u kemm minnhom kienu minn Malta? Kemm minnhom ġew stazzjonati f'Għawdex? Xi kwalifiki kienu meħtieġa biex wieħed japplika għal dawn il-postijiet? Kemm minn dawk li ntgħażlu llum qed jagħmlu xogħol differenti minn dak li ġew ingaġġati għalih originarjament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 sal-lum il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ma ingaġġax impjegati fil-grad ta’ motor drivers.
Community Worker Scheme – żieda fil-pagi tal-ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta se tiżdied il-paga fix-xahar tal-ħaddiema li qegħdin preżentement taħt il-Community Worker Scheme kif imħabbar u jekk kemm-il-darba humiex se jingħataw l-arretrati ta’ kemm ilhom ingaġġati fl-istess skema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żidiet ser jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2018. Għaldaqstant ma hemm l-ebda arretrati dovuti.