Il-Fontana, Għawdex – Triq Mons. Mikiel F. Buttigieg — xogħol
Question
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8739 li ġiet imwieġba fl-24 ta' Mejju 2023 dwar meta se jsir ix-xogħol fi Triq Mons Mikiel F. Buttigieg fil-Fontana Għawdex, peress li parti sostanzjali minn din it-triq għadha sal-lum bla wiċċ, fejn kien ġie mwieġeb " li l-Ministeru qed jistenna d-deċiżjoni tal-PCRB fuq sejħa għall-offerti għal xogħlijiet fuq toroq biex ikun jista' jkompli x-xogħlijiet fuq din it-triq kif ukoll spjegat fil-mistoqsija parlamentari numru 8732", jista' l-Ministru jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol? Jista’ jgħid f'liema xahar se jitkompla u meta se titlesta minn kollox din it-triq u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet fuq din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkun nista’ nagħtik din l-informazzjoni aktar ‘l quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul l-2023 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u l-ammonti totali tal-valur tagħhom, maqsuma xahar b'xahar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13746.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu rigward il-permess PA 0179/17 u tal-enforcement notice cm 1746/23 li nħareġ għalih?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jivverifika u jiċċara n-numru tal-permess (PA), in-numru tal-avviż tal-Infurzar (EC), kif ukoll in-numru tal-ilment (CM). Il-lokazzjoni tar-riferenzi mogħtija fil-mistoqsija huma differenti minn xulxin.
Sit skedat fi Grad 2 — Proċedura sabiex jinstab post alternattiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta sit skedat fi Grad 2 ikun inqala’ minn postu minħabba proġett tal-Gvern jew tal-privat, ikunx hemm obbligu li dan bilfors irid jerġa’ jeħel fil-post eżatt fejn kien u jekk le, x’inhi l-proċedura sabiex jinstab post alternattiv?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li d-deċiżjonijiet relatati ma’ talbiet bħal dawn, jittieħdu fil-proċess tal-applikazzjoni relatata.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Deputati tal-Oppożizzjoni
Question
Jisa’ l-Ministru jgħid min kienu d-Deputati tal-Oppożizzjoni, li minn Marzu 2008 sa Jannar 2013 kienu impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji / banek fejn il-Gvern kellu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu jservu, l-kariga li kienu jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom?
Jista’ jqiegħed wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol u/jew timesheets, il-work from home u/jew telework u/jew remote working u l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni hawn fuq imsemmija għall-perjodu bejn Marzu 2008 sa Jannar 2013 jew sal-ġurnata li baqgħu fl-impjieg tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 14858 Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Deputati tal-Oppożizzjoni.pdf
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta’ Villa Lauri ġewwa Birkirkara, li suppost kellu jiġi inawgurat matul l-ewwel xhur tas-sena 2020 biex jipprovdi akkomodazzjoni temporanja għal studenti Universitarji Għawdxin u għall-qraba ta’ pazjenti Għawdxin li jkunu għall-kura f’Malta, iżda għadu sal-lum ma ġiex inawgurat? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq din il-binja biex tibda tintuża? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-Baġit għal kull waħda mis-snin 2019, 2020, 2021 2022 u 2023, kemm intefqu minnhom u kemm hemm fondi allokati għas-sena 2024?
Kemm hi stmata li se tkun l-ispiża globali fuq din il-binja biex tibda tintuża mill-istudenti u qraba ta' pazjenti Għawdxin u jekk din il-binja hijiex propjetà tal-Gvern jew mikrija u jekk hija mikrija jgħid kemm tħallset kera fis-sena u lil min, fl-aħħar ħames snin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol strutturali f’Villa Lauri tlesta. Fil-bidu ta’ Jannar ġie installat il-lift. Ix-xogħol tal-M&Es waslu fil-fażi finali u mistennija jkunu lesti sa April ta’ din is-sena. Bdiet tiġi installata l-għamara u appliances (kċejjen u laundry). Fil-ġimgħat li ġejjien ser tinħareġ sejħa mill-ġdid għall-kumplament tal-għamara. Villa Lauri mistennija tilqa’ l-ewwel studenti u qraba ta’ pazjenti minn Ottubru ta’ din is-sena. L-informazzjoni dwar allokazzjoni u spejjeż hija annessa fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sit skedat fi Grad 2 – Proċedura sabiex jinqala’ minn fejn ikun
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura li trid tintuża meta jkun hemm sit skedat fi Grad 2 u minħabba proġett tal-Gvern jew tal-privat ikun ser jinqala’ minn fejn ikun eż: Kaxxa tal-ittri?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każijiet rari fejn kien hemm talbiet għal ċaqliq ta’ oġġetti - li jistgħu jiċċaqilqu bħal kaxxi tal-ittri jew kabini tat-telefon - dawn ikunu parti minn proċess normali ta’ applikazzjoni għall-żvilupp li jsegwi l-proċeduri kif elenkati fil-L.S.552.13.
B'referenza għal-cables tad-dawl li baqgħu mwaħħlin mal-faċċati tad-djar u bini ieħor fil-waterfront ta’ Marsalforn, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender ħarġitx biex jitgħaddew minn ġo culvert taħt l-art li kien sar meta sar il-promenade ta' Marsalforn u jekk iva, meta nħarġet is-sejħa u meta se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ħarġet ebda sejħa għall-offerti f’dan is-sens.
Ir-Rabat, Għawdex — Awtorità tal-Ippjanar – Uffiċini ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinbnew uffiċini ġodda jew jittranġaw l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar li kien hemm fi Triq il-Kapuċċini kantuniera ma’ Triq Sir Luigi Camilleri, ġewwa r-Rabat Għawdex, peress li sa ftit tas-snin ilu din il-binja kienet tintuża ta' kuljum mill-ħaddiema u mill-klijenti tal-Awtorità tal-Ippjanar u llum tinsab magħluqa u fi stat ta' abbandun?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini fi Triq il-Kapuċċini kantuniera ma’ Triq Sir Luigi Camilleri fir-Rabat Għawdex - li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet tagħmel użu minnhom sa ftit tas-snin ilu - ġew irritonati lura lill-Awtorità tal-Artijiet f’Awwissu 2022.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3809 li ngħatat fit 22 ta’ Novembru 2022, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ esproprjazzjoni sabiex tinfetaħ it-triq li diġà hi schemed u li twassal għall-parking tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, u dan qabel issir il-parti l-ġdida li diġà ġiet iffurmata, u liema triq, meta tinfetaħ, se tkun qed tagħti aċċess aħjar lir-residenti u lill-poplu inġenerali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għamel żewġ esproppjazzjonijet fi Triq Ġuzeppi Spiteri. B’dawn l-esprozzjanijiet ser jinfetaħ aċċess għall-parti ta’ wara tal-isptar, hekk kif issir ir-relokazzjoni tal-kamra mortwarja tal-GGH peress li din l-schemed road tgħaddi minn go parti minnha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bini jew estensjoni ta' sheep farms jew inkella bdil ta' użu għal sheep farms ġewwa Għawdex bejn 1 ta' Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm minnhom għadhom pendenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru totali ta’ applikazzjonijiet ppubblikati mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala kompluti bejn l-1 ta’ Ġunju 2022 u s-17 ta’ Jannar 2024, relatati ma’ bini, estenzjonijiet u bdil fl-uzu għal irziezet tan-nagħaġ f’Għawdex jammontaw għal sittax. Minn dawn l-applikazzjonijiet, tnejn ġew approvati, filwaqt li erbatax għadhom pendenti. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-istess Awtorità fejn id-deskrizzjoni tal-proposta tinkludi l-kliem “sheep” u “nagħaġ”.
Attachments:PQ 14980 - Pending or Decided Cases by Proposal in Gozo (sheep).pdf
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Settur pubbliku jew servizz pubbliku - Ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku jew fis-servizz pubbliku, ma’ dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li bħalissa qed jaħdmu:
- Full time
- Part time?
Jista’ jgħid kemm minnhom jagħmlu użu minn wieħed minn dawn l-għażliet ta’ Modern Work Practices biex isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja:
- Flexi Time
- Flexi Week
- Reduced Hours
- Extended Remote Working
- Remote working?
Jista’ jgħid ukoll hemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li id-dettalji jinsabu fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ15175 Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Settur pubbliku jew servizz pubbliku - Ħaddiema.pdf
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direttorat tat-Turiżmu
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-miżuri u l-inizjattivi li ser jittieħdu mid-Direttorat tat-Turiżmu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar sabiex jiġu attirati turisti ta' kwalità ġewwa Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku - b’kollaborazjoni ma’ diversi entitajiet, fosthom l-Awtorita’ Maltija għat-Turi¿mu – għaddej b’ħidma biex jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta biex jiġu attirati turisti ta’ kwalita’. Kien għal din ir-raġuni li wara 10 snin inħasset il-ħtieġa li jsir re-branding ta’ VisitGozo. Dan huwa kkumplimentat ma’ diversi kampanji li se jsiru din is-sena, fuq bażi B2C, tramite promozzjoni diġitali. Apparti hekk, bħalissa għaddejja ħidma B2B biex jitħejjew kampanji fi swieq li jagħmlu sens għal Għawdex, abbażi l-konnettività, l-għarfien, il-profili u demografiji li jassimilaw mal-prodott turistiku Għawdxi. Min-naħa l-oħra, id-Direttorat tat-Turiżmu se jerġgħa jniedi għadd ta’ skemi li jinċentivaw lill-privat biex jinvesti aktar fil-prodott turistiku tiegħu. Dawn l-iskemi huma;
1. Supporting the Adventurous Tourism Industry in Gozo through Hiring Equipment Refund Scheme;
2. Supporting Marketing Initiatives for the Accommodation Sector in Gozo;
3. Restoring and Upgrading Venues with the Capacity to Host MICE Events in Gozo 2024;
4. Supporting Marketing Initiatives For Specific Niche Markets In Gozo 2024
Apparti hekk, għaddejja kollaborazzjoni ma’ organizzjoni internazzjonali biex Għawdex jospita attivita’ kulturali, artistika u sportiva li se ġġib magħha ‘l fuq minn 600 ruħ minn Franza u l-Isvizzera. Dawn l-attivitajiet jimmitigaw l-istaġjonalita’ t’Għawdex.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru matul l-2022, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Ġejt infurmat li sabiex tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant, tinqabeż l-advisory cost.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15358, jista' l-Ministru jagħti time frame sa meta l-pjan li jinxtara r-raba’ vapur ġdid tal-Gozo Channel ser iseħħ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li għall-aħħar ta’ din is-sena il-kumpanija tkun tista’ tħabbar il-viżjoni tagħha għal futur inkluż it-triq ‘il quddiem fuq ir-raba’ vapur.
Fid-dawl li l-Awtorità tal-Ippjanar din il-ġimgħa, ssospendiet lill-PA/03174/23 biex titlob informazzjoni mingħand is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali dwar skoperti arkeoloġiċi fuq il-post, madankollu, l-istess Awtorità tal-Ippjanar tat tiġdid ta' applikazzjoni preċedenti (PA/03678/23) fuq l-istess footprint ġimagħtejn ilu, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Sovrintendenza waqqfitx ix-xogħlijiet b'rabta ma' dak il-permess, jew jekk is-Sovrintendenza hux ser tippermetti lill-iżviluppatur ikompli x-xogħlijiet fuq il-bażi tal-permess PA/03678/23 bis-sogru li jinqerdu aktar fdalijiet – u għar taħt l-art – anke waqt li jidħol f'konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-applikazzjoni mhux deċiża fuq l-istess footprint?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex sid irid iħallas għall-multi li jkun għamel inkwilin li jkun telaq mill-fond u s-sid ma jistax japplika għall-permess mingħand l-Awtoritá tal-Ippjanar qabel jitħallsu dawn il-multi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552) subartikolu 73(1)(b) jipprovdi li:
“… m’għandhiex tiġi aċċettata u pproċessata applikazzjoni jew m’għandux jingħata permess taħt dan is-subartikolu sakemm min japplika jew il-predeċessur tiegħu fit-titolu ma jkunx:
...
(b) ħallas dawk il-multi jew għamel dawk il-ħlasijiet li jistgħu jkunu dovuti fuq is-sit mertu tal-applikazzjoni.”
Għalhekk kull sid ta’ art jew propjetà huwa responsabbli li jara li l-inkwilin ma jwettaq l-ebda żvilupp illegali u f’każ kuntrarju jara li għandu l-mezzi li jiġbor lura spejjeż li wieħed jidħol fihom meta dan iseħħ.
Għawdex – Triq tal-Lanterna l/o Għasri — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew ix-xogħlijiet (xahar u sena) fi Triq tal-Lanterna, limiti tal-Għasri u kemm-il xahar ilha magħluqa din it-triq? Meta se jitlestew dawn ix-xogħlijiet u kemm se jiswew? Jista’ jelenka x-xogħlijiet li twettqu jew li għad iridu jitwettqu f’din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq bdew lejn l-aħħar tas-sena 2020. Il-parking ta’ fuq ilu aċċessibbli mill-bidu tal-2022. Ix-xogħlijiet li tlestew fuq din it-triq jinkludu l-pedamenti għall-ħitan tas-sejjieħ, it-trinek għas-servizzi, u l-bini tal-ħitan tas-sejjieħ sal-parkeġġ ta’ fuq.
Bdew ukoll, u tlestew, ix-xogħlijiet fuq il-konsoldazzjoni tal-parti ta’ fuq tat-triq fuq in-naħa tax-xellug, u issa ser jibdew ix-xogħlijiet fuq il-konsolidazzjoni tal-ħajt tan-naħa tal-lemin li qiegħed iżomm il-parti l-wieqfa tat-triq.
Fid-dawl li aktar minn 30 proposta kienu saru mis-Sindki kollha Għawdxin f’rapport li ppreżentaw lill-predeċessur tiegħu dwar l-iżvilupp f’Għawdex fil-bidu ta’ April 2021, jista’ l-Ministru jgħid kemm fil-fatt ġew attwati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fejn wasal ix-xogħol f’kull każ u fuq kull waħda minn dawn il-proposti u meta hu mistenni li jitwettqu? Jekk hemm minn dawn il-proposti li ma ġewx aċċettati mill-Gvern, jista’ jgħid liema huma u x’inhi r-raġuni li ma ġewx aċċettati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-GRDA nediet l-istrategija għall-10 snin li ġejjin, liema strateġija involviet l-istakeholders kollha u hemm qbil dwarha.
Fix-xhur li ġejjin ser jibdew il-proċessi sabiex din il-viżjoni tigi implimentata.