Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuna li tara li ma jkunx hawn pilloli out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jara li ma jkunx hawn pilloli out of stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Procurement (Taqsima tas-Saħħa) jikkonferma li jsir kull sforz meħtieġ sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn pilloli jispiċċaw out of stock. Ma dan kollu, hemm sitwazzjonijiet li dan id-Dipartiment m’għandux kontrol fuqhom fosthom: 1. Supplier ma wassalx l-item fil-perjodu rikjest mill-kuntratt, jiġifieri late delivery; 2. Il-kuntrattur identifikat qed ikun ikkontestat minn xi bidder ieħor u għaldaqstant kien hemm proċedura ta’ appell u il-kuntratt il-ġdid ma ngħatax; 3. Nuqqas ta’ manifattura ta’ item partikulari. F’dan il-każ, mhux Malta biss ma kelliex dan il-prodott; 4. Sejħiet ta’ tenders li ġew ikkanċellati minħabba raġunijiet validi inkluż li l-bidders ma issodisfawx ir-rekwiżiti meħtieġa tat-tender.

Pilloli out of stock li jinxtraw minn spiżeriji privati

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-fatt kif id-dipartiment tiegħu jġib kull skuza biex jiġġustifika li jkun hawn pilloli out of stock meta fl-ispiżeriji privati u bil-flus out of pocket ta' kull pazjent, dawn isibu jixtru pilloli li għall-istat ikunu out of stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27752.

trabi li mietu jew twieldu mejtin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm trabi li mietu jew twieldu mejtin matul is-sena 2011? Jista' jgħid jekk din iċ-ċifra hijiex normali meta mqabbla mas-snin ta' qabel, jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena ġew irreġistrati li kien hemm 10 trabi li twieldu mejtin u 6 trabi li mietu fl-ewwel xahar wara t-twelid. Ix-xejra fit-total ta’ trabi indikat hawn taħt ma juri l-ebda żieda jew tnaqqis fuq dan il-perjodu t’erba’ snin. It-tabella t’hawn taħt turi d-dettalji għal din is-sena u għal snin ta’qabel. Jannar-Mejju 2008 Jannar-Mejju 2009 Jannar-Mejju 2010 Jannar-Mejju 2011 Trabi mwieldin mejta ( Stillbirths) 8 6 7 10 Trabi li-mietu fl-ewwel 7 ijiem ħajja (Early neonatal deaths) 7 9 7 4 Trabi li mietu bejn 8 u 28 ġurnata ħajja (Late neonatal deaths) 1 2 2 2

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — talbiet għal reduced hours, telework u career breaks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għal reduced hours, telework u career breaks f'kull dipartiment u uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm minn dawk it-talbiet saru minn nisa u kemm minn irgiel? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li it-talbiet għal reduced hours, telework u career break li jiġu approvati mill-Kap tad-Dipartiment ta' fejn jaħdem l-applikant jiġu mgħoddija lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità. Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani jikkonferma li ma hemm l-ebda talba pendenti għall-konsiderazzjoni tiegħu.

Priġunieri li jiskontaw il-piena fit-Taqsima tal-Forensika

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min qed issir l-għażla tal-priġunieri li qed ikollhom il-privileġġ li jiskontaw il-piena ta’ ħabs fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm hemm priġunieri f’din it-taqsima bħalissa u t-taqsima propja kemm tesa' pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek — Diovan 160

Question

Peress li l-mediċina Diovan 160 ilha mid-19 ta' Awwissu nieqsa mill-ispiżeriji Għawdxin taħt l-iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, jista' l-Ministru jara li dawn il-pilloli jiġu fornuti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment Ċentrali tal-Procurement and Supplies (Taqsima tas-Saħħa) waslet għandu l-kunsinna tad- Diovan 80mg u 160 mg kif kien skedat u bdiet titqassam. Diovan 80mg u Diovan 160 mg jinsabu kemm fl-Isptar Mater Dei, l- Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u f’kull ċentru tas-Saħħa.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — remunerazzjoni tal-konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Min huma u x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull wieħed minnhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x’jrid jgħid bil-kelma “konsulenti”.

Benefiċċju tal-Kartuna s-Safra

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 28187 u fid-dawl taż-żieda sostanzjali fin-nefqa rikorrenti fuq mediċini din is-sena, għall-fini ta' sostenibilità, jista' l-Ministru jara li tingħata din l-informazzjoni skont l-aħħar żewg numri tal-Karta tal-Identità tal-benefiċċjarju tal-Iskeda V peress li dawn jirriflettu s-sena tat-twelid? Kemm hemm min għandu l-kartuna s-safra bħala total u fost dawn kemm hemm min għandu numru tal-identità li jispiċċa bin-numri 50 jew iżgħar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li sfortunatament bħalissa ma jeżisti l-ebda rapport fid-database tal-Ħames Skeda, li jista' jagħti l-informazzjoni mitluba.

Sptar Mater Dei u Sptar Karen Grech — trasferiment ta' anzjani fil-homes

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema homes u/jew sptarijiet/kliniċi, ġew trasferiti anzjani minn Sptar Mater Dei u/jew Sptar Karen Grech matul din l-aħħar sena? Kemm qed jitħallsu fuq dawn il-homes għal kull persuna? Il-gvern qiegħed jassigura li dawn il-homes u/jew sptarijiet /kliniċi għandhom standard aċċettabbli tal-kura u li l-ambjent li qed jinżammu fih l-anzjani huwa wieħed addattat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-homes u/jew sptarijiet/kliniċi li ġew trasferiti anzjani minn Sptar Mater Dei u/jew Sptar Karen Grech matul din l-aħħar sena huma dawn: Dar tal-Mellieħa, Dar tal-Mosta, Dar tal-Imtarfa, Dar taż-Żejtun, Dar tal-Floriana, Dar tal-Imsida, Dar ta’ Bormla, Residenza ta’ San Vinċenz de Paul, Swali ta’ San Ġorġ Preca, Santa Bernardetta u St.Jean Antide, Casa Serena, Villa Messina, Casa Arkati, Central Home, Roseville u Capua. Dawn il-faċilitajiet imsemmija hawn fuq kollha għandhom liċenzja mid-Dipartiment tal-Health Care Services Standards, kif ukoll id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità għandu team ta’ nies li jżuru dawn il-postijiet minn żmien għall-żmien, skont il-bżonn, biex jevalwaw il-livell ta’ kura li qed tingħata kif ukoll l-ambjent biex b’hekk jaċċertaw li dan ikun addattat. L-Onor. Interpellant jista’ jara r-rati ta’ ħlas b’mod kunfidenzjali.

informazzjoni dwar persuni li qed isofru minn kanċer

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li matul l-2010, u fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena rispettivament, instabu li qed isofru minn xi forma ta' mard tal-kanċer? Kif inhuma maqsuma dawn il-persuni għal dak li jirrigwarda lokalitajiet? Jista' l-Ministru, jagħti tagħrif dwar jekk jirriżultax li hemm xi rabta partikolari bejn il-frekwenzi tal-mard, u dak li hu ambjent naturali, f'dawn l-istess inħawi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

informazzjoni dwar talbiet ta' servizzi li jingħataw fil-kliniċi governattivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru għandux xi forma ta' reġistru ċentrali għal dak li jirrigwarda t-talbiet ta' servizzi li jingħataw fil-kliniċi governattivi madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li talbu dawn is-servizzi mill-polikliniċi fid-diversi rħula li għandna madwar Malta u Għawdex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

informazzjoni dwar is-servizz tal-emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li għamlu użu mis-servizz tal-emerġenza, matul l-2010, xahar b'xahar, lokal, lokal? Kif jitqabbel dan in-numru man-numru ta' persuni li marru l-emerġenza tal-isptar komparat man-numru ta' persuni li marru l-emerġenza tal-polikliniċi, sena qabel?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

persuni fuq il-pilloli Omeprozole

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq il-pilloli Omeprozole (losec Mups) u ghaliex dawn il-pilloli kienu out of stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-preżent hemm 10 pazjenti fuq il-pilloli Omeprazole (Losec Mups) 10mg, filwaqt li hemm 17-il pazjent fuq il-pilloli Omeprazole (Losec Mups) 20mg. Dawn huma pilloli li jinxtraw wara li ssir rikjesta mid-Direttorat tal-Pharmaceutical Policy and Monitoring (DPPM) għal kull persuna individwali. Meta d-DPPM jinforma lid-Dipartiment ċentrali tal-Procurement and Supplies, jibdew il-proċeduri għax-xiri. Iż-żmien bejn l-approvazzjoni u l-proċess sabiex jinxtara dan il-prodott u l-ġurnata meta titwassal il-kunsinna, jkun ħafna drabi r-raġuni għaliex dan il-prodott seta’ waqgħa out of stock .

pilloli out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn pilloli out of stock matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011 kien hemm mija u għoxrin (120) tip ta’ pillola out of stock li f’xi perjodu kienu out of stock fil-listi ta’ l-Isptar Mater Dei, l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, u d-Dipartiment tal-Kura Primarja.

Santa Luċija — annimali miżmuma f'proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk saritx spezzjoni ġewwa proprjetà f'Santa Luċija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fejn familja partikolari qed iżżomm diversi annimali li l-ħmieġ naturali tagħhom qed jmur fis-sistema ta' dranaġġ li qed toħloq inkonvenjent lir-residenti l-oħra? Jekk saret spezzjoni, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li għalkemm l-Onor. Interpellant ma indikax għal-liema familja fil-blokk imsemmi qiegħed jirreferi, diġà saret referenza dwar il-każ fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27888. F’dan il-blokk kienu saru diversi spezzjonijiet minn uffiċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, kemm fuq il-bejt u fil-partijiet komuni tal-Blokk, kif ukoll fi flat partikolari fit-18 u d-19 ta’ Awwissu 2011. L-annimali li kienu nstabu, kienu miżmuma fi stat ta’ iġjene sodisfaċenti u ma kienx hemm irwejjaħ jintnu. Il-persuna responsabbli mill-annimali kienet ġiet imwissija biex iżżomm nadif regolarment. Saret spezzjoni oħra fil-blokk fis-7 ta’ Ottubru 2011 fejn la nstab ħmieġ u l-anqas innotati rwejjaħ jintnu fil-komun. Rigward id-drenagg komuni tal-blokk, qatt ma ġie irregistrat x’ilmenti mir-residenti dwar xi sadd ta’ dan id-drenaġġ, għaldaqstant ir-responsabilta’ ta’ l-istess drenagg komuni, bil-liġi huwa tas-sid. L-uffiċċjal tad-Direttorat se jassigura li terġa ssir spezzjoni partikolarment għar-rigward tal-iġjene, ġol fond indikat. Madanakollu jkun aktar oppourtun jekk din il-Mistoqsija Parlamentari issir wkoll lill-Ministru li taħt id-dekasteru tagħha taqa’ l-Awtorità tad-Djar, għar-rigward ksur ta’ kundizzjonijiet imposti mill-istess awtorità.

Ħaż-Żabbar — Triq Dun Salv Sciberras u Triq l-Għakrux - sit mimli ġrieden

Question

Peress li fis-sit ta' bejn Triq Dun Salv Sciberras u Triq l-Għakrux, St.Peters, Ħaż-Żabbar ftit taż-żmien ilu ħa n-nar u l-ġrieden spiċċaw jiġru ma’ kullimkien, jista' l-Prim Ministru jara li tittieħed azzjoni fl-interess tar-residenti ta' dawk l-inħawi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara li kienu waslu ilmenti fuq l-istess suggett, saru diversi trattamenti għal kontra l-ġrieden minn Ħaddiema tat-Taqsima tal-Pest Control fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, fit 30 ta’ Lulju, f’10 ta’ Awwissu, fl-4 ta’ Ottubru, kif ukoll issa f’10 ta’ Ottubru 2011. Iż-żona ndikata se tibqa' tiġi trattata għal kontra il-ġrieden kif ikun hemm bżonn sakemm is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata.

Sptar Karen Grech — Kaz ta' anzjan

Question

Jista' l-Ministru jara l-kaz ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinstab l-Isptar Karen Grech, għandu 90 sena u t-tifla tiegħu li kienet tieħu ħsiebu tinsab għaddejja mill-marda tal-kanċer u minkejja li għamel applikazzjoni għal San Vincenz de Paul min-naħa tad-Dipartiment iridu jibgħatuh id-dar jgħix waħdu? Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikant imsemmi applika fid-19 ta’ Settembru 2011. Id-Dipartiment kien għad jonqsu r-rapport tas-social workers minn Karen Grech Hospital li rċiviħ fl-10 t’Ottubru 2011 biex b’hekk dan il-każ deher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni fit-13 t’Ottubru 2011. Il-persuna msemmija ġiet approvata biex tidħol ġewwa San Vinċenz de Paul jew id-Dar tal-Mellieħa jew id-Dar tal-Mtarfa.

Sptar Mater Dei — parkeġġ għall-persuni b'diżabilità

Question

Peress li hemm nuqqas ta' kaxxi tal-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità fl-Isptar Mater Dei tant li għal dawk li jmorru d-day centre kull ma hemm huma żewġ parkeġġi biss, jista' l-Ministru jara li dan in-nuqqas jiġi indirizzat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Isptar Mater Dei hemm parkeġġi riservati għal nies bi bżonnijiet speċjali aktar minn kemm hemm rikjest fl-‘Access for all Guide Lines’ maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. Fil-parkeġġ tal-Out-Patients, l-isptar ipprovda 26 kaxxi tal-parkeġġ għal nies bi bżonnijiet speċjali minn 46. Skont l-‘Access for all Guide Lines ’ l-isptar suppost irriserva biss żewġ (2) parkeġġi. Fil-parkeġġ li hemm id- Day Care (l-isptar m’għandux day centre ), l-isptar ipprovda żewġ (2) parkeġġi għal nies bi bżonnijiet speċjali minn total ta’ disa’. Dan ifisser li għall-pubbliku inġenerali hemm biss sebgħa postijiet tal-parkeġġ. Skont l-‘Access for all Guide Lines’ l-isptar suppost irriserva parkeġġ wieħed biss. Faċċata ta’ dawn il-parkeġġi msemmija, hemm riservati parkeġġi oħra għal tfal li qegħdin jieħdu trattament bil-kemoterapija.

SVPR — Oilatum out of stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni fir-Residenza San Vinċenz de Paul, il-prodott Oilatum li ħafna anzjani jiġu bżonnu, spiċċa out of stock? X’qed isir biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment Ċentrali tal-Procurement u Supplies jikkonferma li dan il-prodott huwa out of stock. Ir-raguni għad-dewmien sabiex dan it-tender jiġi awarded hija li r-rakkomandazzjoni li saret mill-konsulent kienet għal prodott li huwa fragrance and anti-microbial free. Inħarġu diversi sejħiet għall-offerti sakemm dan id-dipartiment irċieva waħda li kienet skont l-specifications indikati.