Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — arbli tal-wires u bozoz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu matul l-2011 il-każijiet fejn l-Korporazzjoni Enemalta intalbet taqla' arbli , wires jew bozoz min fejn kienu minħabba li jkun se jsir bini ġdid fil-lokalitajiet tas-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każijiet fejn il-Korporazzjoni Enemalta intalbet, permezz tal-applikazzjoni ‘D’, biex taqla’ arbli, wires jew bozoz minn fejn kienu minħabba li jkun se jsir bini ġdid fil-lokalitajiet tas-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali tul is-sena 2011 huwa kif elenkat hawn taħt: Distrett Numru ta’ każijiet 7 37 11 30 12 53

interconnector ma' Sqallija — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid b’kollox kemm mistennija tlaħħaq in-nefqa tal-gvern fuq l-interconnector ma' Sqallija u kemm se tiġi għajnuna mill-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-nefqa fuq l-interconnector ma’ Sqallija mistennija tlaħħaq mal-€200 miljun. Din in-nefqa tinkludi l-ispiża tal-apparat li jrid jitpoġġa fil-Magħtab, tal-cables u t-tqegħid tagħhom fil-baħar u fl-art, tal-apparat u permessi li hemm bżonn fi Sqallija sabiex l-interconnector jitqabbad mas-sistema elettrika Taljana, u tal-istudji u xogħol ieħor meħtieġ kemm għat-tqegħid tal-cables kif ukoll sabiex jiġu ppreparati l-applikazzjonijiet għall-permessi tal-bini u x-xogħlijiet f’Malta u fl-Italja. L-għajnuna mill-Unjoni Ewropea ser tkun ta’ €20 miljun. B’dan l-investiment, pajjiżna se jkun f’pożizzjoni li jitfi għal kollox il- power station tal-Marsa.

Enemalta — tnaqqis fil-Budget

Question

Billi l-Ministru ġie kkwotat li qal li t-tnaqqis fil-Budget 2012 ta' nefqa ta' madwar €40 miljun sar biex il-gvern ikollu flessibilità biżżejjed biex ikun jista' jlaħħaq ma' problemi li jistgħu jinqalgħu bħal fil-każ tal-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jgħid kif jirrikonċilja dan kollu mal-fatt li t-tnaqqis ma ġiex b’riżultat ta’ xi strateġija maħsuba u mfassla mill-Gvern Malti, iżda ġie impost fuqna mill-Kummissjoni Ewropea nnifisha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tnaqqis ta’ madwar €40 miljun mill-Budget tal-2012 qiegħed isir bħala prekawzjoni sabiex il-gvern ikollu flessibilità biżżejjed li jsiru aġġustamenti skont il-bżonnijiet li jistgħu jinqalgħu. Mhux minnu li din id-deċiżjoni ġiet imposta fuqna mill-Kummissjoni Ewropeja.

service charge għall-industrija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32398 u jgħid jekk is-service charge għall-industrija daħlitx fis-seħħ jew le? Jekk fl-affermattiv, kemm hija s-service charge u minn meta daħlet fis-seħħ? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-industrial estates li ġew milquta? Kif qed taħdem din il-proċedura u x’inhu r-rwol tal-Malta Enterprise fit-tħaddim tagħha? Jista’ jgħid ukoll jekk inħarġux xi tenders u jekk fl-affermattiv kemm kienu dawk li tefgħu t-tender? Min ingħata dan jew dawn il-kuntratti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-kunċett ta’ service charge ma ġiex introdott riċentament, iżda kien introdott minn żmien il-Malta Development Corporation (MDC) fl-1998 u sussegwentement kull kuntratt li ġie magħmul minn mindu ilha mwaqqfa l-Malta Industrial Parks jinkludi s-service charge. Preżentement is-service charge hija ta' €3.50 kull metru kwadru għal dawk il-kuntratti ġodda li ġew iffirmati wara l-1 ta' Ottubru 2009. Kuntratti viġenti ma ġewx mittiefsa u hemm diversi rati differenti jew saħansitra m'hemmx provvediment għal ħlas ta' service charge. L-għan tas- service charge dejjem kien li jipprovdi għall-manutenzjoni taż-żoni industrijali li l-fabbriki kkonċernati kienu joperaw minnhom. Is-service charge kienet dejjem tapplika għaż-żoni industrijali kollha amministrati mill-Malta Industrial Parks Limited skond il-liġi u hija l-Malta Industrial Parks li tħaddem is-service charge. Il-proċedura hija waħda stabbilita f'kull kuntratt fejn tinħareġ invoice kull tlett xhur. Il-Gvern qed jinvesti miljuni ta’ ewro biex ikompli jtejjeb iż-żoni industrijali, filwaqt li l-industrija għandha tkun responsabbli u marbuta bi ftehim għal manutenzjoni tal-istess żoni. Il-kunċett tas- service charge hu li l-flus li jinġabru għal manutenzjoni taż-żoni industrijali jiġu utilizzati għal dan l-iskop biss. Għal dan il-għan qed naraw li jkun hemm sistema strutturata, ta’ ftehim maniġerjali li jġorr l-obbligu għal manutenzjoni u s-servizzi telatati. Din l-istruttura tista tkun miftuħa għal tenants infushom f’dik iż-żona jew uħud minnhom. Il-Gvern qed jipproponi rati massimi ta service charge biex jiġi assigurat li kullħadd jagħti il-kontribut tiegħu b’mod ugwali. Madanakollu jekk mill-offerta li tinħareġ għal facility management tkun aktar baxxa, jingħata kreditu lill-istess tenants ta’ dak li jkun tħallas żejjed. Ma nħareġ l-ebda tender fuq is- service charge , għalkemm ir-responsabbiltà biex tinġabar is- service charge kienet waħda biss mid-diversi funzjonijiet li ġew enumerati f’żewġ public service concessions għall- outsourcing ta’ facilities management ġewwa Safi Aviation Park u ż-żoni industrijali ta’ Bulebel. Għal public service concession ta’ Safi Aviation Park, kien hemm entita’ waħda biss li tefgħet il-proposta tagħha, filwaqt li kien hemm erba’ entitajiet li tefgħu l-proposti tagħhom għaz-zona industrijali ta’ Bulebel. L-ebda kuntratt għadu ma ngħata għal dawn il- concessions .

Programmi finanzjarji — ħlas minn Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej s’issa kull sena sal-lum taħt il-programm finanzjarju 2007-2013 f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jgħid fuq liema proġetti/miżuri eċċ. tħallsu u kemm tħallsu fuq kull proġett, skema, eċċ.?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu l-Uffiċju tal-Prim Ministru.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjegati self employed

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32403 u jgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Treated Seweage Effluent Master Plan u Sewerage Infrastructure Master Plan

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn ir-rapporti: a) Treated Sewage Effluent Master Plan 2008; u b) Sewerage Infrastructure Master Plan 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — allowances mħallsa lill-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu subsistence allowances, overseas service allowance, multiple allowances, allowance for wear and tear of clothing, qualification allowances u shift allowances f'din l-aħħar sena lill-impjegati fil-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-dekasteru tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

informazzjoni dwar smart meters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jitwaħħlu smart meters? Kemm twaħħlu s'issa? Meta beda x-xogħol ta' twaħħil? Meta huwa stmat li fil-fatt se jitlesta x-xogħol ta' twaħħil? Kemm huwa n-numru ta' meters mwaħħla li kellhom jidbiddlu? X'kienet il-ħsara fil-meters mibdulin? Min qed jagħmel tajjeb għal din il-ħsara? It-trasmissjoni ta' data mill-meters għaċ-ċentru kkomputerizzat ġiet ippruvata? Jekk iva, x'kienu r-riżultati? Jeżistu problemi fit-trasmissjoni tad-data? Jekk jeżistu, x'inhuma dawn il-problemi, x'inhi l-kawża, u kif qed/se tiġi indirizzata din il-problema?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi b’kollox se jiġu nstallati 267,356 smart meter f’Malta u Għawdex. S’issa ġew installati 135,361 meter, u l-kumplament huwa ppjanat li jitlestew sal-bidu tal-2013. Bl-installazzjoni ta’ l-ismart meters, se tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema ta’ l-elettriku, jitnaqqas is-serq u jingħata servizz aħjar lill-konsumatur. Il-proġett ta’ l-ismart meters beda b’pilot project ta’ 5,000 meter f’April tal-2009. Ix-xogħol ta’ installazzjoni beda mbagħad fit-tieni kwart tal-2010. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’ meters irrapurtati bil-ħsara kien ta’ 594. Il-ħsarat ġew irrapurtati jew għax jinqraw ħażin, għax waqfu jaħdmu jew għaliex imkissrin. Dawn il- meters se jiġu rritornati lis- supplier biex jiġu mibdulin mingħajr ħlas. It-trasmissjoni ta’ data mill- meters għaċ-ċentru kkomputerizzat ġiet ppruvata u ttestjata. Infatti hemm (aktar minn 5,000 meter) li qed jinħarġilhom il-kont fuq l-informazzjoni li jitrasmettu. Ninsab infurmat illi hemm numru ta’ problemi li huma relatati ma’ komunikazzjoni li jaffetwaw individwalment jew numru ta’ meters . Dawn jinkludu: 1. Storbju minħabba l-infrastruttura tal- electricity network li jintuża’ bħala l- medium tal-komunikazzjoni, u li s’issa kien hemm ftit każijiet minnhom. Setups alternattivi ġew ippruvati biex jingħelbu l-limitazzjonijijet tal-infrastruttura; u 2. Distribuzzjoni tal-infrastruttura fejn il-lokalità tas- signal repeater tal- meters hija bżonnjuża biex tiżgura li jkun hemm komunikazzjoni tajba. Il-Korporazzjoni Enemalta identifikat is-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi.

Kumpanija Palumba — Trasferiment tal-proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29089 u 29518 u cioè : Peress li r-riżoluzzjoni mgħoddija mill-Parlament dwar it-trasferiment tal-propjetà tat-Tarzna ta’ Bormla lill-kumpanija Palumbo tinkludi pjan li jorbot lil Palumbo jinvesti €5.45 miljun fl-ewwel sena u €5.3 miljun fit-tieni sena fit-tarzna ta’ Bormla, jista’ l-Ministru jinforma: a) kemm attwalment hija n-nefqa totali sal-lum minn Palumbo f’investiment fit-tarzna ta’ Bormla; b) liema huma l-proġetti attwali ta’ investiment minn Palumbo u kemm intnefaq s'issa fuq kull wieħed minnhom; ċ) b’liema mod il-gvern qiegħed jassigura li l-impenn ta’ Palumbo li jinvesti qed jitwettaq skont il-ftehim; u d) jekk Palumbo qiegħed jagħmel xi spejjeż għall-manteniment tal-impjant, dawn l-ispejjeż hux qed jiġu mgħoddija bħala investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29518.

stallazzjoni ta' bozza ġdida

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu l-mod li bih titmexxa l-proċedura ħalli jkun hemm stallazzjoni ta' bozza ġdida, fi ħdan il-Korporazzjoni Enemalta? Wara li kunsill lokali jkun applika għal tali bozza x'inhuma d-diversi proċessi li jintużaw ħalli dik il-bozza titwaħħal?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-proċess li bih issir stallazzjoni ta’ bozza ġdida jikkonsisti f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti il-Kunsill Lokali jissotometti l-proposta lill-Enemalta biex tiġi vvetjata. Il-proposta tiġi ċċekjata mill-street lighting section u approvata jew le mill-Manager. Il-Kunsill Lokali jiġi nfurmat bir-riżultat. Fit–tieni parti wara li l-kunsill lokali jkun installa l-bozza, jissotometti applikazzjoni biex tiġi kkonnetjata mas-sistema tal-elettriku. Din tiġi pproċessata flimkien ma’ applikazzjonijiet oħra bħalha.

San Pawl il-Baħar — Triq it-Turisti - arbli mwaħħla fuq il-bankina

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienet ir-raġuni li għaliha twaħħlu fuq il-bankina numru ta' arbli fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar? F'każijiet fejn l-arbli jiċċaqilqu minħabba ħteġijiet ta' bini li jkun se jinbena, min ikun responsabbli ħalli dawk il-wires jergghu jitpoġġew f'posthom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-arbli li twaħħlu fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar saru biex jkun jista’ jsir twaqqih ta’ bini. Hija responsabbiltà tal-Enemalta li terġa’ tpoġġi l-wires li jappertjenu lill-Enemalta mal-bini, jekk ikun meħtieġ, wara li l-bini jkun tlesta.

Malta Enterprise — Energy efficiency measures for the Hospitality Sector

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni sena b’sena minnmindu twaqfet l-iskema "Energy efficiency measures for the Hospitality Sector" tal-MaltaEnterprise, kemm kienu l-intrapriżi kummerċjali li bbenefikaw minn taliskema u kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li rċievew? Jista' jara li din l-informazzjoni tiġi klassifikata skont it-tip ta’ intrapriżi u numru ta’ ħaddiemaimpjegati (Micro – 10 ħaddiema jew anqas, Żgħar – aktar minn 10 iżda sa 50 ħaddiem, Medji – aktar minn 50 sa 250 ħaddiem)?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ebda kumpanija ma ssottomettiet applikazzjoni għal din l-iskema. Madankollu, ta’ min jinnota illi taħt l-iskema ERDF Energy ġew approvati 28 intrapriża li joperaw fis-settur tal-ospitalità. Dawn flimkien ibbenefikaw minn total ta’ €1,227,483. Din l-iskema kienet ukoll iffukata fuq miżuri li jtejbu l-użu tal-enerġija.

Malta Enterprise — Interest Rate Subsidy Scheme for the Refurbishment of Hotels and Restaurants

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni sena b’sena minn mindu twaqfet l-iskema "Interest Rate Subsidy for the Refurbishment of Hotels and Restuarants" tal-Malta Enterprise, kemm kienu l-intrapriżi kummerċjali li bbenefikaw minn tali skema u kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li rċievewJista' jara li din l-informazzjoni tiġi klassifikata skont it-tip ta’ intrapriżi u numru ta’ ħaddiema impjegati (Micro – 10 ħaddiema jew anqas, Żgħar – aktar minn 10 iżda sa 50 ħaddiem, Medji – aktar minn 50 sa 250 ħaddiem)?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iskema Interest Rate Subsidy Scheme for the Refurbishment of Hotels and Restaurants daħlet fis-seħħ fl-2011. Fl-2011, seba’ kumpaniji ibbenefikaw minn din l-iskema għal total €1,042,530.91. Il-Malta Enterprise ma żżommx dettalji daqshekk speċifiċi dwar id-daqs tal-kumpaniji. Madankollu ta’ min jinnota li kollha jaqgħu taħt id-daqs ta’ SME kif definit mill-Unjoni Ewropea.

Malta Enterprise — SME Development Grants

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni sena b’sena minn mindu twaqfet l-iskema "SME Development Grants" tal-Malta Enterprise, kemm kienu l-intrapriżi kummerċjali li bbenefikaw minn tali skema u kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li rċievew? Jista' jara li l-informazzjoni mitluba tiġi klassifikata skont in-NACE tal-intrapriżi u numru ta’ ħaddiema impjegati (Micro – 10 ħaddiema jew anqas, Żgħar – aktar minn 10 iżda sa 50 ħaddiem, Medji – aktar minn 50 sa 250 ħaddiem)?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iskema SME Development Grants daħlet fis-seħħ fl-2005. 45 kumpanija ibbenefikaw minn din l-iskema għal total €200,545. Is-sistemi ta informazzjoni tal-Malta Enterprise ma jżommux dettalji daqshekk speċifiċi dwar id-daqs tal-kumpaniji u n-NACE li fih joperaw. Madankollu ta’ min jinnota li din l-iskema hija miftuħa biss għall-SMEs kif definit mill-Unjoni Ewropea. Dettalji qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Enterprise – Exploratory Award

Question

Jista’ l-Ministru jaghti informazzjoni sena b’sena minn mindu twaqfet l-iskema "Exploratory Award" tal-Malta Enterprise, kemm kienu l-intrapriżi kummerċjali li bbenefikaw minn tali skema u kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li rċievew? Jista' jara li l-informazzjoni mitluba tiġi klassifikata skont in-NACE tal-intrapriżi u numru ta’ ħaddiema impjegati (Micro – 10 ħaddiema jew anqas, Żgħar – aktar minn 10 iżda sa 50 ħaddiem, Medji – aktar minn 50 sa 250 ħaddiem)?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iskema Exploratory Award daħlet fis-seħħ fl-2005. 4 kumpaniji ibbenefikaw minn din l-iskema għal total €34,078. Is-sistemi ta informazzjoni tal-Malta Enterprise ma jżommux dettalji daqshekk speċifiċi dwar id-daqs tal-kumpaniji u n-NACE li fih joperaw. Madankollu ta’ min jinnota li din l-iskema hija miftuħa biss għall-SMEs kif definit mill-Unjoni Ewropea. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Enterprise — Innovative Start-Ups

Question

Jista’ l-Ministru jaghti informazzjoni sena b’sena minn mindu twaqfet l-iskema "Innovative Start-ups" tal-Malta Enterprise, kemm kienu l-intrapriżi kummerċjali li bbenefikaw minn tali skema u kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li rċievew? Jista' jara li l-informazzjoni mitluba tiġi klassifikata skont in-NACE tal-intrapriżi u numru ta’ ħaddiema impjegati (Micro – 10 ħaddiema jew anqas, Żgħar – aktar minn 10 iżda sa 50 ħaddiem, Medji – aktar minn 50 sa 250 ħaddiem)?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iskema Innovative Start-Ups daħlet fis-seħħ fl-2005. 36 kumpaniji ibbenefikaw minn din l-iskema għal total €254,326. Is-sistemi ta informazzjoni tal-Malta Enterprise ma jżommux dettalji daqshekk speċifiċi dwar id-daqs tal-kumpaniji u n-NACE li fih joperaw. Madankollu ta’ min jinnota li ġeneralment l-applikanti ta’ din l-iskema ikunu ta’ daqs mikro minħabba il-ġeneru ta’ l-iskema. Dettalji qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gozo Channel — persuni mogħtija sussidju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari W536 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien hemm persuni Għawdxin li ngħataw sussidju mill-Gozo Channel minħabba ħtieġa ta' kura ta' mard tal-kanċer f'Malta f'dawn l-aħħar sentejn, kull xahar separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kuntratt taċ-Chairman il-Ġdid tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman il-ġdid tal-Korporazzjoni Enemalta flimkien mad-dettalji sħaħ dwar il-pakkett finanzjarju u inċentivi oħrajn li ġew offruti lilu? Ir-rwol tiegħu hu wieħed eżekuttiv, jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — diffikultajiet tekniċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu d-diffikultajiet tekniċi li wasslu lill-Korporazzjoni Enemalta biex taqa' lura fit-tħejjija tar-refinancing plan tagħha li kellu jitlesta sa tmiem is-sena li għaddiet? Ġie kkwantifkat kemm dan id-dewmien aggrava s-sitwazzjoni ħażina ferm aktar milli diġà kienet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tħejjija ta’ refinancing plan tinvolvi negozjati diffiċli u dettaljati mal-banek. Ir-refinancing plan jinvolvi ukoll tħejjija ta’ dokumenti legali kumplessi u komprensivi li l-Onorevoli Interpellant jista’ japprezza jinvolvu ħafna xogħol. Barra minn hekk dan ir-refinancing plan jinvolvi ukoll ammont kbir ta’ riċerki notarili biex jiġi assigurat korrettezza u trasparenza totali.