Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li qed jintbagħtu ittri b’offerti lill-impjegati tal-Airmalta sabiex dawn iħallu l-linja tal-ajru u jinqatgħu minn fuq il-kotba tal-Airmalta? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn humiex qegħdin jiġu offruti xogħol ġdid?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat li l-impjegati tal-Air Malta ser jirċievu informazzjoni dwar l-iskemi tal-iritirar kmieni, kif maqbula fil-ftehim kollettiv rispettivi.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2813, jista’ l-Ministru jgħid kif jista’ jkun li l-iskemi tal-irtirar se jiġu mħallsa mill-Airmalta, jekk fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali tal-kumpanija Airmalta għamlet telf? Jista’ jgħid jekk dan huwiex state aid?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi tal-irtirar se jiġu implimentati kif miftiehem mal-Unions fil-Ftehim Kollettiv u kif stipulat fil-pjanijiet kummerċjali tal-kumpanija. Dawn l-iskemi se jkunu ffinanzjati mill-Kumpanija u mhemmx state aid.
Vitals Global Healthcare – flus mgħoddija favur il-Gvern Malti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti imponiex xi flus li jgħaddu favur il-Gvern Malti f’każ li l-Vitals Global Healthcare teżerċita d-dritt t’assenjazzjoni? Jekk le, għalfejn meta kien qed jinnegozja ma ħasibx f’dan għall-ġid tal-poplu Malti?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-kuntratti li diġa’ ġew imqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 178 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz ta’ media (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) fl-2017 xahar b’xahar sal-lum?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħti għas-sena 2017 kienet ta’ €364,679.22.
Fir-rigward tal-Air Malta, l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
Jista’ l-Ministru jindika x’ser ikunu l-proġetti li ser isiru taħt ir-responsabilità tiegħu fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar matul din is-sena u s-sena 2019?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Fondazzjoni tal-Iżvilupp taż–Żoni Turistiċi kontinwament għaddejjin bi proġetti infrastrutturali biex isebbħu l-promenades u l-bajjiet Maltin u Għawdxin.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-ħlasijiet li saru lill-persuna u/jew il-kumpanija, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet, kumpaniji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu mill-2013 sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Jista’ jgħid jekk dawn ingħatawx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Jista’ jaqsam il-ħlasijiet sena b’sena?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3994, filwaqt li l-kumpanija reġistrata fid-Dubai li d-dettalji dwarha qed jingħata separatament ma tissemma xejn fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu, jista’ l-Ministru jispjega x’rabta kellha din il-kumpanija, kemm diretta kif ukoll indiretta, mal-kumpanija tiegħu reġistrata fil-Panama?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dikjarazzjoni tal-assi tinkludi l-interessi tiegħi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi li ntefqu mill-Gvern fuq l-inizjattiva EDEN sena b’sena fis-snin bejn l-2014 u l-2017?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin imsemmija l-Gvern nefaq €32,273.02 (tnejn u tletin elf, mitejn, tlieta u sebgħin Ewro, u żewġ ċenteżmi) fuq l-inizjattiva EDEN.
Mellieħa u San Pawl il-Baħar – Ministeru għat-Turiżmu — proġetti mwettqa u nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-proġetti mwettqa u x’kienet in-nefqa tal-Ministeru tat-Turiżmu (li tinkludi wkoll l-Awtorita tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA)) fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar (Buġibba u Qawra nklużi) fis-snin bejn l-2013 u l-2017 (sena b’sena)?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu wetqet bosta proġetti u xogħlijiet fiż-żona tat-Tramuntana ta’ Malta, partikolarment fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar.
2013
Żvilupp fil-ponta tal-Qawra
2014
Tisbiħ u manutenzjoni fuq il-promenade tax-Xemxija
2015
Xogħol ta’ restawr fuq it-Torri Wignacourt u WWII Beachpost
Assistenza finanzjarja lil Din l-Art Ħelwa għar-restawr tal-istatwa ta’ San Pawl fuq il-ġżejjer
Uffiċju għall-Informazzjoni għat-Turisti ġewwa Buġibba
Żdied ammont sostanzjali ta’ ramel li ġie mpurtat mill-Ġordan
Ftuħ ta’ latrina pubblika ġdida bil-faċilitajiet kollha għall-għaddasa fiż-żona taċ-Ċirkewwa
Xogħol ta’ tisbieħ u manutenzjoni fuq il-promenade kollu ta’ Buġibba u l-Qawra
Xogħol ta’ tisbieħ u manutenzjoni fil-pjazza ta’ Buġibba
Xogħol ta’ tisbieħ u manutenzjoni fiż-żona biswit it-Torri ta’ Wignacourt
Manutenzjoni fuq il-pjattaforma tal-konkrit fil-ponta tal-Qawra
Xogħol ta’ road marking u tabelli ġodda fiż-żona tal-Bajja ta’ Buġibba
Manutenzjoni fuq il-bankijiet tal-Bajja tal-Għadira
Manutenzjoni fuq id-dawl tal-Bajja ta’ Buġibba
2016
Installazzjoni ta’ festun kompletament ġdid tul il-promenade ta’ San Pawl il-Baħar
Installazzjoni ta’ festun ġdid tul il-promenade kollu tal-Għadira
Xogħol ta’ manutenzjoni fi Triq il-Pijunieri (bi sħab mad-Dip. tax-Xogħlijiet)
Installati numru ta’ bins ġodda fil-Bajjiet tal-Għadira, Golden Sands u Għajn Tuffieħa
Xogħol ta’ tisbiħ u titjib fiż-żona tal-Qawra Point
Inbnew u ġew irranġati bankini u rampi fil-Bajja tal-Għadira
Walkways ġodda fil-Bajja tal-Għadira
Numru ta’ siġġijiet bir-roti ġodda fil-Bajja tal-Għadira u Golden Sands għall-użu minn persuni bi bżonnijiet speċjali
Żewġ hoist chairs sabiex persuni bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jinżlu mill-art għall-baħar b’dan il-makkinarju
Manutenzjoni u bdil fuq l-arbli li jeħel magħhom il-festun fil-Bajja tal-Għadira
Manutenzjoi u tiswija fuq il-picnic tables fil-Bajja tal-Għadira
Railings ġodda fuq il-promenade tal-Bajja tal-Għadira
Manutenzjoni u tisbiħ fil-latrini tal-Bajja tal-Għadira u Golden Bay
Numru ta’ bankijiet ġodda tul il-promenade ta’ San Pawl u Buġibba
Road marking u tabelli ġodda li jindikaw diversi parking bays li jistgħu jagħmlu użu minnhom persuni bil-blue badge
Xogħol ta’ road marking u tabelli ġodda fil-Ponta tal-Qawra
Tranġar tal-clinic eżistenti li jużaw il-life guards matul ix-xhur tas-sajf
Tneħħija ta’ ammont sostanzjali ta’ ħadid perikoluż minn qiegħ il-baħar fil-Ponta tal-Qawra
Xogħol fuq railings u arbli dekorattivi fil-promenade tal-Qawra
Introduzzjoni ta’ servizz ta’
free Wi-fi
fil-Bajjiet ta’ Golden Bay u Qawra Point
Bdil tat-tabelli kollha tat-traffiku tul il-promenade ta’ ħdejn it-Torri ta’ Wignacourt
Servizz t’ambulanza għal żmien il-Milied fiż-żona ta’ Buġibba
Panella solari fil-Bajja tal-Qawra biex tipprovdi elettriku fil-
lifeguard tower
2017
Toroq ta’ madwar il-Kosta ta’ Buġibba u l-Qawra (proġett sar minn TM b’fondi mill-MOT mill-fondi tal-Eko-Kontribuzzjoni)
Proġett ta’ tisbiħ u titjib fiż-żona għall-għaddasa fiż-żona taċ-Ċirkewwa
Xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni fil-promenade kollu tal-Għadira
Manutenzjoni estensiva fuq numru ta’ winċijiet tal-opri tal-baħar fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar
Xogħol fuq ir-railings tal-promenade ta’ ħdejn it-Torri ta’ Wignacourt
Xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bankijiet kollha fil-Pjazza ta’ Buġibba
Manutenzjoni u tisbiħ tal-latrini fil-viċinanzi tal-Bajja tal-Qawra
Xogħol ta’ manutenzjoni fi Triq il-Pijunieri (bi sħab mad-Dip tax-Xogħlijiet)
Numru ta’ CCTV cameras fil-Bajjiet ta’ Buġibba Perched Beach, Golden Bay u l-Għadira
Manutenzjoni fuq il-pjattaforma tal-konkrit fil-Bajjar tal-Armier
Tabelli ġodda u road markings fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar
Arbli ġodda fil-Bajja tal-Għadira (bi sħab mad-Dip tax-Xogħlijiet)
Walkways ġodda tal-injam u oħrajn ta’ materjal sintetiku bil-bajjiet tal-Armier, Little Armier, Golden Bay, Għadira u Ġnejna
Installazzjoni ta’ bollards ġodda fl-Għadira
Finanzjament ta’ parti mill-proġett li sar mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fi Triq San Pubbliju
Xogħol ta’ tisbiħ fiż-żona tat-Tunnara fil-Bajja tal-Għadira (bi sħab mad-Dip tax-Xogħlijiet)
Skedat numru ta’ ħasil tal-promenade fl-akwata tat-Torri ta’ Wignacourt
Xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bankijiet tul il-promenade tax-Xemxija
Xogħol ta’ żebgħa fuq it-traffic lights, traffic barriers eċċ tul il-promenade tal-Għadira u Ċirkewwa
Armar mill-ġdid tal-festuni tal-Bajja tal-Għadira u tul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar
Għajnuna lill-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa biex jintrama dawl dekorattiv fiż-żmien il-Milied
Servizz t’ambulanza għal żmien il-Milied fiż-żona ta’ Buġibba
L-Ammont totali ta’ dan l-invesitment jammonta għall-€12,196,900.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4023, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra u/jew dokument li biha l-Gvern awtorizza l-bejgħ ta’ Vitals Global Healthcare (VGH) lill-kumpanija privata Amerikana, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokument huwa ta’ natura kummerċjali. Kif tiga ġie spjegat il-Gvern ta l-kunsens tiegħu.
Malta Airport Gate 1 – pjanijiet ta’ xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żona ta' parkeġġ magħrufa bħala Malta Airport Gate 1 taqax taħt ir-responsabiltà tiegħu? Jekk iva, hemm pjanijiet ta' xogħlijiet infrastrutturali f'din iż-żona?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma li-Onor. Interpellant li l-Malta International Airport plc bħala l-konċessjonarju responsabbli qiegħed jippjana li jestendi l-faċilitajiet tal-Cargo u tal-parkeġġ li diġà hemm.
In-naħa ta’ Apron 1 se tiġi affetwata b’mod minimu f’dawn ix-xogħlijiet
Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema – konsultazzjoni fuq upgrading taż-żona tax-Chalet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni għamel mal-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema dwar il-proposta tal-Gvern li jsir upgrading taż-żona tax-Chalet, f’Tas-Sliema mill-10 ta' Lulju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li se jsiru laqgħat u konsultazzjoni mal-kunsill qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux rabta jew konnessjoni kwalunkwe, kemm diretta kif ukoll indiretta, mal-kumpanija reġistrati f’Dubai, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
In segwitu għall-mistoqsija parlamentari 3872, jista’ l-Ministru tat-Turiżmu jwieġeb għat-talba oriġinali u ċjoè jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra u/jew dokument li biha ta awtorizzazzjoni sabiex il-Vitals Global Healthcare (VGH) tkun tista’ tgħaddi l-interess tagħha fit-tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata Amerikana, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Vitals Global Healthcare mhix mistennija tgħaddi l-interess tagħha fit-tlett sptarijiet pubbliċi, iżda kienet u għadha l-konċessjonarja tas-servizzi tas-saħħa msemmija, anke bl-akkwist tal-ishma minn Steward Healthcare.
Ministeru għall-Turiżmu – Direct orders bejn l-2008 u l-2013
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tiegħu) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti:
Data
Ħaddiema Full-time
Ħaddiema Part-time
1 ta’ Diċembru 2016
1426
345
1 ta’ Mejju 2017
1418
323
3 ta’ Ġunju 2017
1443
356
Malta Film Studios – sejħa għall-offerti internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument tas-sejħa għall-offerti msemmija f’mistoqsija parlamentari 3828 flimkien mad-dokument li jiċċertifika l-eżitu ta’ din is-sejħa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument tas-sejħa għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra u/jew dokument li biha ta l-awtorizzazzjoni sabiex il-Vitals Global Healthcare (VGH) tkun tista’ tgħaddi l-interess tagħha fit-tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija privata Amerikana, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern mexa skont il-mekkaniżmu stipulat fil-kuntratti ta’ din il-konċessjoni.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (MIZZI, KONRAD)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn id-direct orders ingħataw skont l-Artiklu 103 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wettaqx xi xogħlijiet fis-sit tat-tankijiet tar-Rinella fil-Kalkara, illum magħrufa bħala Malta Film Studios minn meta nħatar Ministru tat-Turiżmu f’Ġunju 2017? Jekk iva, x’kienu dawn ix-xogħlijiet u min ħallas għalihom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li beda jsir xogħol ta’ infrasttrutra ġol-Malta Film Studios b’koordinazzjoni ma’ diversi Ministeri u entitajiet. Huwa l-pjan tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-Malta Film Studios sabiex ngħollu l-livell tal-kwalità li noffru lill-industrija tal-films.