Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imġarr – Triq Sir Harry Luke – problema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex informat bil-problema tad-drenaġġ fi Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr, minħabba li dan mhux qiegħed ilaħħaq mad-domanda? Huwa maħsub li dan ix-xogħol isir fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2044 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi – studji minn Infrastructure Malta dwar tibdil li se jsir fil-junction

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru minn Infrastructure Malta sabiex waslet għall-għażla tagħha għat-tibdil li se jsir fil-junction ta’ Ħaż-Żebbuġ-Siġġiewi? Jista’ jgħid ma’ min ikkonsultat Infrastructure Malta sabiex waslet għall-għażla tal-junction Ħaż-Żebbuġ-Siġġiewi? Jista’ jippubblika l-konsultazzjonijiet li saru?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra

San Pawl il-Baħar – rotta tal-karozza tal-linja 250

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-frekwenza tar-rotta bin-numru 250 li tgħaddi minn San Pawl il-Baħar lejn l-Isptar Mater Dei? Jista' jara li tiżdied il-frekwenza ta' din ir-rotta hekk kif din ir-rotta qiegħda tintuża wkoll minn persuni biex mill-Għadira jmorru l-Belt Valletta u allura diversi persuni li jkunu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja f'San Pawl il-Baħar jispiċċaw ma jirkbux għax tkun diġà mimlija bil-konsegwenza li jaslu tard għall-appuntamenti li jkollhom l-isptar? Jista' jara li tiżdied rotta oħra biex ir-residenti tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar jaslu fil-ħin l-Isptar Mater Dei bil-possibilità li l-aħħar waqfa tkun dik fl-Isptar Mater Dei?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni fuq din ir-rotta mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, qed tiġi studjata sabiex tinstab soluzzjoni li tkun ta' benfiċċju ghar-residenti tal-lokalità.

Mġarr — Triq Sir Harry Luke

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju/rapport fuq l-istat li tinsab fih Triq Sir Harry Luke, fl-Imġarr?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq iż-Żebbiegħ, Sqaq in-Naħal u triq rurali ħdejn Ras il-Wied, fil-lokalità tal-Imġarr. It-triq indikata, Triq Sir Harry Luke, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabbiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Binġemma, Għermieri — rotta 109

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx l-ħsieb li r-Rotta 109, li tgħaddi (minn u għal) tas-Salib, Għermieri u Binġemma hiex se terġa' ssir, bħalma kienet sentejn ilu (2020), b'servizz kull siegħa mhux kull sagħtejn?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni fuq din ir-rotta qed tiġi studjata sabiex tinstab soluzzjoni li tkun ta' benefiċċju għar-residenti tal-lokalità.

Malta Metro — Direct Orders

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 122, jista' l-Ministru jgħid jekk l-ammont ta' €424,000 f’direct orders f’ġurnata waħda għal kumpanija waħda biex torganizza esebizzjoni għall-15-il ġurnata humiex esaġerati u li faċilment setgħu ġew iffrankati ħafna flus mit-taxxi tal-poplu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi l-onor. interpellant ghall-mistoqsijiet parlamentari nru. 597 u nru. 598.

Malta Metro — direct orders

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 122 u b’referenza għal diversi direct orders li ħareġ il-Ministeru li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu fit-8 ta’ Novembru 2021 lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bħala parti mis-servizzi meħtieġa fuq perjodu ta’ 15-il ġurnata fejn kienu preżentati l-istudji b’rabta mal-proposta tal-metro, li tali studji li saru fl-2017 (u ċjoè kważi erba' snin qabel ma saret din l-esebizzjoni) swew lil pajjiżna €1,807,907.41, jista’ l-Ministru jgħid: (a) kemm-il tinda ġiet armata u kemm ġiet tiswa kull tinda li fiha saret l-esebizzjoni għall-perjodu ta’ 15-il ġurnata; (b) kemm ġiet tiswa l-għamara meħtieġa għal din it-tinda u fiex kienet tikkonsisti eżatt din l-għamara? X’sar minnha din l-għamara wara li spiċċat din l-esebizzjoni; (ċ) kemm ġew jiswew l-iscreens għal din l-esebizzjoni u kemm-il screen inkera; (d) x’tip ta’ strutturi ntużaw għal din l-esebizzjoni u kemm swew flus dawn l-istrutturi; (e) kemm ġiet tiswa s-sistema ta’ arja kundizzjonata; (f) kemm-il generator ġie mikri għal din l-esebizzjoni, x'saħħa kellu kull generator u kemm ġie jiswa kull generator; (g) kemm ġew jiswew id-dwal użati għal din l-esebizzjoni; (h) kemm ġew jiswew flus is-sistemi ta’ audio għal din l-esebizzjoni; (i) kemm ġie jiswa flus l-ipprintjar ta’ materjal informattiv ta’ din l-esebizzjoni; (j) kemm ġie jiswa t-tindif għal din l-esebizzjoni; (k) kemm ġie jiswa t-trasport għal din l-esebizzjoni, x’forma ta’ trasport intuża u għal xiex / għal min ġie pprovdut dan it-trasport; u (l) kemm-il tapit intuża għal din esebizzjoni u kemm ġie jiswa kull tapit?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu żball meta jagħti l-impressjoni li kollox kien lest fl-2017. Saħansitra fuq is-sit li tnieda mal-esebizzjoni kien ingħata timeline li jixhed dan u l-istudju ppubblikat għandu wkoll nota dwar l-impatt tal-pandemija. Intant qed ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istima tas-servizzi li qed jirreferi għalihom.

Malta Metro — direct orders

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 122 u 597, u peress li l-istudji b’rabta mal-proposta tal-Metro li swew lil pajjiżna €1,807,907.41 kienu lesti xhur, jekk mhux snin, qabel saret l-esebizzjoni msemmija, x'inhi r-raġuni Ii għas-servizzi biex issir din l-esebizzjoni ma ħarġux tenders kompetittivi varji minflok direct orders? X’inhi r-raġuni li dawn id-direct orders ingħataw lil kumpanija waħda meta tali servizzi varji setgħu faċilment ingħataw b'tenders varji li kien ikunu ferm aktar 'cost effective' u t-taxpayer kien ikollu aktar 'value for money' għas-servizzi/prodotti li ngħataw?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 597.

Belt Valletta — Parking Spots

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1093, jista’ l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija u jgħid kemm hemm parking spots fil-Belt Valletta li qed isir użu minnhom mill-Gvern, Ministeri u awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali, hekk kif it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 821 tat-13-il Leġiżlatura li rreferieni għaliha ma tweġibx il-mistoqsija oriġinali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet bin-numri 16349, 16350, 16351, 16352, 16354, 16355, 16356, 16357, 16358, 16359, 16360, 16361, 16362, 16363, 16364, 16365, u 16366 tal-Leġiżlatura XIII.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2017 sal-lum ma kienx hemm ħlas lil One TV u/jew One Productions biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso.

Azzjonijiet fuq e-scooters mixħutin fuq il-bankini

Question

Jista’ l-Ministru jinforma x’azzjoni qed tittieħed biex e-scooters ma jibqgħux jinxteħtu fejn ġie ġie fuq il-bankini u joħolqu ostakli bla bżonn, b’mod speċjali għall-persuni b’diżabilità li jużaw dawn il-bankini?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda fi stadju fejn qed jiġu aġġornati l-liġijiet biex tkun tista iżżid l-infurzar fuq dawn il-mezzi.

High Voltage Shore Connection System in the Grand Harbour — Kumpanija li rebħet it-tender

Question

In kwantu għat-Tender IM014/2020, Professional Services In Connection With The Supervision and Works Certification for Works Tender IM006/2020 (Tender for High Voltage Shore Connection System in the Grand Harbour), liema tender ġie mirbuħ mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista' l-Ministru jagħti lista ta' min huma l-Key Experts li jitlob it-tender u l-kwalifiki u l-esperjenza li ssottomettew li għandhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) huwa investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun fil-Port il-Kbir sabiex vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port. B’dan l-investiment kofinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea, Infrastructure Malta qed tnaqqas b’90% t-tniġġis tal-arja li dawn il-vapuri jikkawżaw fil-Port il-Kbir, biex nagħtu arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir. L-ewwel konnessjonijiet għad-distribuzzjoni tal-elettriku mix-xatt lill-vapuri tal-passiġġieri fix-Xatt ta’ Pinto, il-Furjana u f’Boiler Wharf, l-Isla huma skedati li jibdew joperaw fit-tieni kwart tal-2023, biex Malta tkun minn tal-ewwel fl-Ewropa li tadotta din it-teknoloġija ambjentali fuq skala ta’ port sħiħ. Studji prelimarji jindikaw li permezz ta’ GHCAP, fuq medda ta’ 20 sena Malta se tiffranka sa €375 miljun fi spejjeż ikkawżati mit-tniġġis fl-arja, bħal dawk ta’ saħħa u kura medika kif ukoll sabiex jittaffew l-impatti tat-tniġġis fuq l-ambjent naturali, fuq l-infrastruttura u fuq l-agrikoltura. Il-proġett se jnaqqas ukoll l-inkonvenjent tal-istorbju u t-tregħid tal-magni fil-Port il-Kbir. B’dan il-proġett, Infrastructure Malta se tnaqqas drastikament l-emissjonijiet mill-vapuri tal-passiġġieri li jiġu Malta. Ladarba jkunu qed jitfu l-magni, il-vapuri tal-passiġġieri li jżuruna jibdew jarmu 93% inqas ossidji tan-nitroġenu (nitrogen oxides), 92.6% inqas materja f’partiċelli (particulate matter) u 99.6% inqas dijossidu tal-kubrit (sulphur dioxide). Dawn huma fost l-aktar emissjonijiet li jikkaġunaw mard respiratorju u problemi oħra ta’ saħħa. L-ewwel fażi tal-Grand Harbour Clean Air Project se jnaqqas ukoll b’39.6% l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju (carbon dioxide), li qed jikkawżaw l-emerġenza fil-klima. Ftit ġimgħat ilu, l-aġenzija poġġiet l-aħħar medda ta’ cables taħt l-art tan-netwerk ta’ tmien kilometri ta’ 33 kilovolt li se jwassal l-elettriku miċ-ċentru tad-distribuzzjoni ewlieni ta’ Enemalta plc fuq l-Għolja tal-Ġi¿witi, il-Marsa lejn iż-żewġ frequency converter stations ġodda tal-proġett li jinsabu ħdejn Xatt l-Għassara tal-Għeneb (Deep Water Quay) fil-Marsa u f’Xatt il-Boiler, l-Isla. Dan is-sajf, se tkun qed tlesti dan in-netwerk bit-tqegħid ta’ 800 metru ta’ cables f’qiegħ il-baħar minn ħdejn il-Moll tal-Pont (Bridge Wharf), fil-Marsa lejn il-Moll tal-Faħam (Coal Wharf), f’Kordin. Sadattant, Infrastructure Malta poġġiet ukoll 20 kilometru minn netwerk ieħor ta’ 90 kilometru cables oħrajn ta’ 11-il kilovolt u cables ta’ komunikazzjoni li ser jgħaqqdu t-tagħmir fil-frequency converter stations mal-istazzjonijiet max-xatt u s-17-il punt ta’ konnessjoni għal mal-vapuri li se jkun hemm fuq il-mollijiet madwar il-Port il-Kbir, fil-Belt Valletta, il-Furjana, il-Marsa u l-Isla. Iż-żewġ frequency converter stations ġodda jinsabu ħdejn Xatt l-Għassara tal-Għeneb fil-Marsa u f’parti minn tinda kbira ta’ żmien l-Ingliżi li hemm f’Boiler Wharf, l-Isla. L-inġiniera u t-tekniċi issa qegħdin jgħammru dawn l-istazzjonijiet bis-sistemi meħtieġa, li jinkludu 18-il transformer li jvarjaw minn 0.5MVA għal 21 MVA, erba’ frequency converters u 71 switchgear units biex flimkien jikkontrollaw u jikkonvertu d-distribuzzjoni tal-elettriku għall-frekwenzi meħtieġa mill-vapuri li jżuru l-Port il-Kbir. Il-proġett ser jintroduċi d-distribuzzjoni tal-elettriku mill-mollijiet prinċipali tal-Port il-Kbir għall-vapuri tal-passiġġieri fil-Furjana, il-Marsa u l-Isla. Infrastructure Malta mbagħad se testendi ukoll din it-teknoloġija lejn Xatt il-Laboratorju u Ras Ħan¿ir (Fuel Wharf), f’Raħal Ġdid, ix-Xatt ta’ Lascaris fil-Furjana u partijiet mit-Tarzna ta’ Palumbo u l-Mediterranean Maritime Hub. F’Ras Ħan¿ir, Infrastructure Malta daqt tniedi l-bini ta’ faċilità ġdida ta’ 360 metru għall-immaniġġjar tal-merkanzija biex iżżid il-kapaċità, l-flessibbiltà u l-effiċjenza tal-Port. Fl-2020, qabel bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett, il-Kummissjoni Ewropea inkludiet il-GHCAP f’lista ta’ 140 proġett infrastrutturali għat-trasport madwar l-Ewropa li se jkunu kofinanzjati permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-iskema ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li tappoġġa infrastruttura għal trasport aktar sostenibbli. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-key experts li jitlob it-tender indikat.

Talbiet għal kumpens rigward ħsarat fuq vetturi minħabba stat ta’ toroq ħażin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1017 u jgħid kemm saru talbiet għal kumpens rigward ħsarat li ġarrbu vetturi minħabba l-istat ħażin tat-toroq fis-sena 2021? Jista' jagħti l-informazzjoni minn liema lokalità sar kull ilment? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet kienu aċċettati u kemm ingħataw kumpens f’kull każ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta tikkunsidra talbiet ġustifikati għal kumpens biex jagħmel tajjeb għal ħsarat f’vetturi li jinstab li kienu kkawżati minn nuqqasijiet f’toroq arterjali li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-istess aġenzija, jew f’toroq fejn ikunu għaddejjin xogħlijiet tal-istess aġenzija. Talbiet għal kumpens għal ħsarat f’vetturi kkawżati minn nuqqasijiet f’toroq residenzjali jew sekondarji jiġu mgħoddija lill-kunsilli lokali rispettivi għall-kunsiderazzjoni tagħhom, peress li r-responsabità tal-manutenzjoni ta’ dawn it-toroq taqa’ f’idejhom. Talbiet għal kumpens għal ħsarat ikkawżati minn kuntratturi li jkunu qed jagħmlu xogħol fit-toroq jiġu mgħoddija lill-kuntratturi konċernati. Fl-2021, Infrastructure Malta rċeviet 126 talba għal kumpens ta’ danni fuq vetturi kkawżati minn nuqqasijiet fit-toroq Maltin, kemm dawk arterjali u lokali. Dawn it-talbiet ġew investigati u 43 minnhom instab li seħħew f’toroq arterjali jew waqt xogħlijiet tal-aġenzija u kienu ġustifikati u ntlaqgħu. Il-każijiet l-oħrajn ġew mgħoddija lill-kunsilli lokali għaliex kienu jinvolvu ħsarat li seħħew fit-toroq tagħhom jew lill-kuntratturi responsabbli mix-xogħlijiet li allegatament ikkawżaw l-istess ħsarat. Ikun hemm ukoll każijiet li jinstab li ma jkunux ġustifikati. L-43 każ ġustifikati li għalihom ingħata kumpens huma kif ġej: Lokalità Total ta’ kumpens (€) Każijiet Birkirkara 392.00 3 Bormla 1,665.54 3 Burmarrad 731.80 6 Il-Fgura 168.00 1 Ħal Lija 659.96 9 Ħal Luqa 3,094.31 11 Il-Marsa 106.20 2 L-Imqabba 163.00 1 In-Naxxar 658.00 2 San Pawl il-Bahar 136.00 1 Is-Siggiewi 160.00 1 Santa Venera 3,313.60 2 Is-Swieqi 181.00 1

Imġarr Malta – lista ta’ toroq — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' toroq li hu mistenni li jagħmel mill-ġdid, jew jagħmel manutenzjoni fuqhom fl-Imġarr, Malta? Jista' jipprovdi l-programm u jispjega kif qed jagħmel, jew se jagħmel, dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel ħames xhur tal-2022, ir-raba’ sena tal-programm nazzjonali għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 90 triq residenzjali li flimkien iġibu 19-il kilometru oħra ta’ toroq b’infrastruttura ta’ kwalità ogħla. Dan ifisser medja t’erba’ toroq fil-ġimgħa kif kienet fl-2021 li matulha l-aġenzija lestiet 220 triq residenzjali. Infrastructure Malta tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li kompliet għaddejja bi proġetti kbar f’toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, ukoll b’ħidma ta’ titjib tat-toroq rurali u programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Fl-Imġarr l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq Ġnien id-Dwieli, triq ġdida fi Triq San Pietru, Triq Ras il-Ġebel,Triq Madre Tereża, Triq Xagħra tal-Knisja, Triq Dun Ġużepp Micallef, Triq San Filippu, Triq Barbara, Misraħ is-Sebbieħ, Triq Fisher, Triq il-Kbira, Triq l-Għansar, Triq il-Fuħħar l-Aħmar, Triq Profs David H Trump, triq ġdida fi Triq l-Alwiża, Triq l-Imġarr, Triq Sir Temi Zammit li fiha bniet ukoll roundabout ġdida, Triq Sentinarju, triq bla isem fil-limiti tal-Lippija, Triq Fomm ir-Riħ, Triq tat-Taqsisa, Triq tal-Ħaddedin, Trejqa tal-Qala, Triq Lazzru Pisani, Ta’ Ħalqun fl-inħawi Ta’ Santi, Trejqet it-Tafal ta’ San Ġwann, Triq Għajn Tuffieħa u Triq Binġemma. Bħalissa qed isiru xogħlijiet fi Triq iż-Żebbiegħ, Saqa in-Naħal u triq rurali ħdejn Ras il-Wied, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jinbdew xogħlijiet fi Triq l-Iskorvit, Sqaq Sant’Isidorju, Triq il-Konkors Teatrali, triq bla isem fi Triq Fomm ir-Riħ, it-triq li minn Għajn Tuffieħa twassal għax-Xemxija, sqaq fi Triq il-Wilga (Manikata), Triq is-Santi u s-sqaq ġo fiha, triq bla isem ħdejn Triq il-Palma u Trejqet Fidloqqom.

Fgura – problemi ta’ konġenstjoni tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk fil-lokalità tal-Fgura hemmx pjani, inkluż permezz ta’ studji relatati, biex jiġu indirizzati aħjar il-problemi ta’ konġestjoni ta’ traffiku li jinġabru f’diversi ħinijiet tal-ġurnata?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Imqabba – Twaħħil ta’ bus stop shelters fil-bypass

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jkunu qed jeħlu l-bus stop shelters li għandhom isiru fil-Bypass tal-Imqabba?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1854 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Iż-Żejtun – Misraħ ta’ Pizzuta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1178, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlestew it-toroq li ssemmew fl-aħħar paragrafu tat-tweġiba tiegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sitta mit-toroq li qed issir referenza għalihom jinsabu ħdejn xulxin fl-istess żona wara l-Knisja taż-Żejtun u jagħmlu parti minn proġett wieħed biex Infrastructure Malta tibnihom mill-ġdid f’daqqa. Triq San Profilju, Triq Santa Fawstina u Triq Beland tlestew, Triq San Ġużepp u Triq San Piju X waslu biex isirilhom wiċċ ġdid bl-asfalt u jkunu lesti fil-jiem li ġejjin, u warajhom ikun imiss Triq Santa Monika. Għaddej ukoll ix-xogħol fi Triq il-Ġiebja Rumana fejn bħalissa qed isiru xogħlijiet fuq il-bankini u s-servizzi taħt l-art.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — CEOs

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm direct orders ingħataw u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.