Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm deffiena jaħdmu maċ-Ċimiterji tal-Gvern?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi fiċ-Ċimiterji tal-Gvern hemm erba` deffiena li jaħdmu fi ħdan it-Taqsima Regolatorja tad-dfin tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni għandhom il-Continuous Glucose Monitor preżentement? Jista’ jgħid ukoll kemm iktar persuni mistennija jingħataw dan is-servizz matul din is-sena u jagħti breakdown tal-etajiet differenti ta’ dawn il-persuni li qegħdin igawdu minn dan is-servizz?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Għall-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26474.
Il-Gvern għandu l-ħsieb li jkompli jwessa’ l-kriterji ta’ eliġibilità sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena, jiġu milħuqa mal-500 pazjent ieħor.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Vjaġġi uffiċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt vjaġġi uffiċjali barra l-pajjiż qattx kien akkumpanjat minn familjari tiegħu jew ta’ xi membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid:
(a) F'liema vjaġġi l-Ministru u/jew il-kontinġent tiegħu kienu akkumpanjati minn familjari tagħhom?
(b) Min kienu dawn il-familjari għal kull vjaġġ?
(ċ) Kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljett tal-ajru, akkomodazzjoni, trasport, ikel, xorb u spejjeż oħra, separatament, għal kull membru tal-kontinġent f'kull vjaġġ li fih kien hemm ukoll membru/i tal-familja tal-Ministru u/jew tal-kontinġent uffiċjali tiegħu?
(d) Jekk l-ispejjeż ta' kull membru tal-familja tal-Ministru u/jew tal-membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu tħallsux minn fondi pubbliċi jew minn fondi personali, u jekk dawn tħallsu minn fondi personali jippreżenta l-irċevuti uffiċjali ta' dawn l-ispejjeż?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm drabi fejn kont akkumpanjat minn familjari tiegħi waqt vjaġġi uffiċjali.
Sptar San Luqa — Tindif u l-manutenzjoni tas-soqfa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25523 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22860, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-eżitu tal-ispezzjonijiet tax-xogħlijiet ta’ tindif u l-manutenzjoni tas-soqfa tal-Isptar San Luqa u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport relattiv?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ispezzjonijiet mill-esperti għadhom għaddejjin u fuq il-konklużjonijiet li jsiru tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-avviżi tal-Gvern jiġu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.
Birkirkara — Ċentru tas-Saħħa - Xogħlijiet strutturali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27241 u jagħti lista tax-xogħlijiet strutturali li saru fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara bejn l-2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll meta saru dawn ix-xogħlijiet?
Birkirkara — Ċentru tas-Saħħa - Xogħlijiet strutturali - Diskrepanza fl-ispiża
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27242 u jispjega għaliex kien hemm diskrepanza fl-ispiża tax-xogħlijiet strutturali li saru fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara minn kumpanija partikolari, meta kien mistenni li jintefqu €264,000 u minflok intefqu madwar nofs miljun ewro?
Ħal Qormi — Ċentru tas-Saħħa - Xogħlijiet strutturali - Diskrepanza fl-ispiża
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27243 u jispjega għaliex kien hemm diskrepanza fl-ispiża tax-xogħlijiet strutturali li saru fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi minn kumpanija partikolari, meta kien mistenni li jintefqu €56,000 (kwotazzjoni) u minflok intefqu mal-miljun ewro, jiġifieri kważi 18-il darba aktar?
Birkirkara u Ħal Qormi — Ċentri tas-Saħħa - Diskrepanza fl-ispiża fuq xogħlijiet - Investigazzjoni interna
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27244 u jippubblika l-investigazzjoni interna li saret fuq id-diskrepanza fl-ispiża fuq xogħlijiet li saru fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Birkirkara u ta’ Ħal Qormi?
Birkirkara u Ħal Qormi — Ċentri tas-Saħħa - Diskrepanza fl-ispiża fuq xogħlijiet - investigazzjoni interna
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27245 u jgħid x’nuqqasijiet instabu mill-investigazzjoni interna li saret rigward id-diskrepanza ta’ miljuni fl-ispiża fuq xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni li saru fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Birkirkara u ta’ Ħal Qormi?
San Pawl il-Baħar/Buġibba — Vannijiet tal-POYC ipparkjati matul il-lejl
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex vannijiet kbar tal-POYC ikunu pparkjati għal iljieli sħaħ fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar/Buġibba? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn il-vannijiet ikunx fihom mediċini?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li s-servizz tat-trasport u ġarr tal-mediċini tal-POYC huwa rregolat minn kuntratt li jispeċifika li dan is-servizz għandu jingħata sa mhux aktar tard mis-7:00 PM. Wara dan il-ħin, ir-responsabbiltà tal-vetturi taqa’ taħt il-kuntrattur rispettiv.
Wieħed irid jinnota li l-kuntrattur għandu diversi vetturi fil-flotta tiegħu u l-ebda vettura minnhom li tintuża għall-POYC ma fiha xi indikazzjoni, marka jew logo, li turi li tappartjeni għall-POYC.
Barra minn hekk, il-POYC għandha rotot fissi, skedati matul il-ġimgħa fejn l-konsenji tal-mediċini jiġu esegwiti kollha sal-aħħar tal-ġurnata. Għalhekk, l-ebda mediċina ma titħalla fil-vetturi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21193 jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fir-rigward tal-ftuħ tal-Paola Hub?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, l-FMS nidiet proċess separat biex jiġu ngaġġati diversi kuntratturi u hekk jinġiebu ċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa għall-ftuħ taċ-Ċentru Reġjonali ta’ Raħal il-Ġdid. B’riżultat ta’ dan, bdew xogħolijiet fuq il-post biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti u jiġi żgurat li l-faċilità tkun konformi mal-istandards kollha applikabbli.
Ħal Qormi u Birkirkara — Ċentri tas-Saħħa - Diskrepanza fl-ispiża fuq xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar wara li tlestiet l-investigazzjoni marbuta mad-diskrepanza ta’ miljuni fl-ispiża fuq rinnovazzjoni taċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi u ta’ Birkirkara?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Birkirkara u Ħal Qormi — Ċentri tas-Saħħa - Direct orders għax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista tad-direct orders (valur u l-kumpaniji li lilhom ingħataw) li nħarġu biex saret ir-rinnovazzjoni taċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Birkirkara u ta’ Ħal Qormi?
Ħal Qormi — Ċentru tas-Saħħa - –Kwotazzjoni minn Kuntrattur għal xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li kuntrattur bagħat kwotazzjoni għax-xogħol li kien ser isir fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi ħames xhur qabel ma ħarġet is-sejħa għall-kompetituri l-oħrajn?
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Nefqa fuq reklamar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27143 u 27429 u jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.