Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11045 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u jgħid kemm għandu jieħu flus f’arretrati l-Gvern sal-aħħar tas-sena l-oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Implimentazzjoni ta' Direttivi tal-UE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali matul is-sena 2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li ma kienx hemm direttivi li ġew trasposti fis-sena 2023 kif ukoll li m’hemmx direttivi li jridu jiġu trasposti matul is-sena 2023.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm u liema huma l-kunsilli lokali u reġjuni li għandhom Aġent Segretarju Eżekuttiv? Jista' jgħid ukoll kemm hemm u liema huma l-kunsilli lokali u reġjuni li għandhom Deputat Segretarju Eżekuttiv? F'kull każ kemm ilhom f'din is-sitwazzjoni l-kunsilli lokali/reġjuni affettwati u meta hu mistenni li jimtlew il-vakanzi f'dawn il-lokalitajiet/reġjuni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li fil-preżent hemm ħames (5) Kunilli Lokali li għandhom ingaġġati magħhom ‘Aġent Segretarju Eżekuttiv’ u dawn huma: il-Fontana, l-Għasri, il-Kalkara, San Ġiljan u Ta’ Xbiex.
Intant infurmat li hemm tmien (8) Kunsilli Lokali li fil-preżent għandhom ‘Deputat Segretarju Eżekuttiv’ ingaġġat magħhom u dawn huma: Il-Gżira, Ħal Luqa, il-Qrendi, Santa Luċija, Santa Venera, Tas-Sliema, Ħal Tarxien u x-Xewkija.
Finalment, filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t'hawn taħt, ninsab infurmat illi bħalissa għaddej proċess tal-għażla għall-kariga ta’ Segetarju Eżekuttiv mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u dan mistenni jissokta fil-ġranet illi ġejjin.
Kunsill Lokali
Data ta’ Bid
u ta’ Kariga tal-Aġent/Deputat Segretarju Eżekuttiv
Il-Fontana
It-Tnejn, 8 ta’ Mejju 2023
L-Ghasri
Il-Ġimgħa, 14 ta’ April 2023
Il-Kalkara
It-Tnejn, 31 ta’ Lulju 2023
San Ġilian
It-Tlieta, 25 ta’ Jannar 2022
Ta' Xbiex
L-Erbgħa, 2 ta’ Awwissu 2023
Il-Gżira
It-Tlieta, 15 ta’ Ottubru 2019
Ħal Luqa
Is-Sibt, 7 ta’ Mejju 2022
Il-Qrendi
L-Erbgħa, 7 ta’ Lulju 2021
Santa Luċija
It-Tnejn, 20 ta’ Novembru 2023
Santa Venera
It-Tnejn, 2 ta’ Lulju 2018
Tas-Sliema
Il-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru 2023
Ħal Tarxien
Il-Ħamis, 1 ta’ Ġunju 2023
Ix-Xewkija
It-Tnejn, 9 ta’ Ottubru 2023
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi għal restawr ta' postijiet storiċi qed jiġu evalwati preżentement? Kemm kien hemm kunsilli lokali li applikaw għal tali skemi?
Response (BONNICI, OWEN)
Informat illi l-iskema li biha d-diversi Kunsilli Lokali jipproponu fejn jixtiequ li d-Direttorat tar-Restawr u Preservazzjoni jagħmel restawr fil-lokalità tagħhom għas-sena li ġejja se tkun qed tiġi ċċirkolata mal-Kunsill Lokali fil-ġranet li ġejjin, bl-evalwazzjoni mistennija li ssir fi Frar tal-2024.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' postijiet li fihom kien isir id-dqiq (flour mills) madwar Malta u Għawdex, bħalma kien hemm fix-Xemxija (niżla lejn il-Mistra), l/o San Pawl il-Baħar, u l-Palma, l/o Mġarr? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-imtieħen għadhom taħt il-management tal-Gvern, kemm minnhom għaddew għand il-privat u kemm minnhom għaddew għand xi għaqda volontarja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’Malta u Għawdex insibu numru ta’ mtieħen li fihom kien isir id-dqiq (underground flour mills), inkluż:
- Xemxija (1)
- Mġarr (2) – Ta’ Mrejnu u San Martin
- Mellieħa (1)
- San Ġwann (1)
- Siġġiewi (Buskett) – (1 – double mill)
- Xlendi (Munxar) – (1)
- Xagħra (1) - Ta’ Kola
Infurmat illi s-Sovrintendenza m’għandhiex informazzjoni rigward min hu/huma s-sidien ta’ dawn l-imtieħen. Intant infurmat li Heritage Malta hi responsabbli mill-Mitħna ta’ Kola.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed joffri servizzi legali lill-LESA u x’inhuma l-kundizzjonijiet/remunerazzjoni li tingħata għall-għoti ta’ dawn is-servizzi legali?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13104 fejn ġejt infurmat li mis-sena 2023, il-bus shelters ġodda reġgħu waqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 363.79 ‘Ordni dwar delegazzjoni ta’ funzjoni lil Kunsilli Lokali (Bus Shelters)’, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru bus shelters għal kull lokalità separatament mill-bidu ta’ din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-informazzjoni rikjesta qed tinġabar.
Il-Ġgantija – applikazzjoni għall-permess ta’ bini
Question
Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet varji li qed isiru rigward il-pożizzjoni tal-awtoritajiet konċernati rigward l-applikazzjoni għall-permess tal-bini PA 570/21 ġewwa l-Buffer Zone tas-sit ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO tal-Ġgantija, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti kollha tal-Kumitat Tekniku Nazzjonali tal-Wirt Dinji rigward dan il-każ matul is-snin 2022 u 2023?
Response (BONNICI, OWEN)
Waqt li napprezza l-ispirtu li bih l-Onor. Interpellant qed titlob kopja ta' dawn il-minuti, irrid ninformaha li anke in linja ma' diversi risposti li ngħataw matul is-snin minn Ministri varji tad-diversi amministrazzjonijiet b'referenza għal talbiet li setgħu saru dwar pubblikazzjonijiet ta' minuti ta' Bordijiet varji (mhux neċessarjament dan il-kumitat) ir-risposti kienu fis-sens li n-natura ta' dan it-tagħrif mhijiex waħda pubblika.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ir-restawr fil-Mużew Marittimu u kemm fadallu biex ikun lest?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-proġett tal-Mużew Marittimu jinsab qrib it-tlestija tal-ewwel fażi tiegħu, liema fażi kienet kofinanzjata minn fondi Norvegiżi (EEA Funds). Il-ftuħ mill-ġdid ta’ din il-parti tal-Mużew Marittimu hu pjanat għall-ewwel kwart tas-sena 2024.
Intant infurmat, l-implimentazzjoni tal-fażijiet l-oħra li qed jiġu finanzjati minn fondi Nazzjonali, jinsabu fi stadju avvanzat ta' disinn.
Fid-dawl illi t-Torri tal-Kaptan f’San Pawl tat-Tarġa, l-ewwel fortifikazzjoni tal-Kavallieri barra n-naħat tal-port, huwa fil-periklu li jaqa’ u wkoll jagħmel parti mill-Inventarju Nazzjonali tal-Patrimonju Kulturali, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew deċiżjonijiet li jridu jiġu meħuda biex dan l-imsemmi torri jiġi ppriservat mill-elementi biex ma jkomplix jaqa’ u mbagħad jiġi kkonservat u rrestawrat ukoll?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi Heritage Malta għamlet talba formali sabiex it-Torri tal-Kaptan jgħaddi fil-kustodja tagħha, liema talba ġiet riferuta lill-Awtorità kkonċernata.
Saru wkoll taħditiet bejn Heritage Malta u l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar din il-binja.
Għar-rigward tal-bqija tal-proċess rigwardanti tali talba, nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Belt Valletta – Triq in-Nofsinhar — tiswijiet fiċ-ċangatura
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11148 jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet konċernati peress li s-sitwazzjoni fi Triq in-Nofsinhar, fil-Belt Valletta, mhijiex waħda feliċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li l-istess Kunsill ikkomunika dwar din it-triq ma’ Infrastructure Malta.
Iż-Żejtun — Kappella ta’ San Klement - Xogħlijiet ta’ restawr
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11290 jista’ l-Ministru jgħid kemm hija prevista li se tkun in-nefqa fuq ix-xogħlijiet li ser isiru fil-Kappella ta’ San Klement fiż-Żejtun?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-nefqa prevista għax-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ San Klement tammonta għal ċirca €68,000. Infurmat ukoll li din il-figura tkopri l-ispejjeż ta’ xiri tal-materjal u l-pagi tal-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni involuti fil-proġett.
Skema 'Komunitajiet iktar siguri u organizzati' — Kunsilli li applikaw
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-Kunsilli Lokali li applikaw għall-iskema 'Komunitajiet iktar siguri u organizzati' li kienet varata mill-Ministeru? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawk il-Kunsilli li applikaw kellhom it-talba tagħhom milqugħa u x'kienu l-inizjattivi approvati?
Response (BONNICI, OWEN)
L-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt:
Kunsill Lokali
X’kienet l-inizjattiva li ġiet approvata għal din l-Iskema?
Birkirkara
CCTV cameras - Ċentru Ċiviku
Ħal Lija
CCTV cameras - Ġnien Ċentru Rikreattiv
Pembroke
CCTV cameras fi Triq Alamein, Triq Giorgio Mitrovich u Triq Suffolk. Kampanja edukattiva
Swieqi
Sezzjonijiet Informattivi - Dealing with substance users (parents) & security at home
Il-Belt Valletta
CCTV cameras & fence fi Ġnien Hastings
Il-Birgu (Città Vittoriosa)
CCTV cameras f'diversi toroq u bollards
Fgura
2 e-bikes għall-użu tal-Pulizija tal-Komunità
Ħal Tarxien
CCTV cameras ġo diversi ġonna
Ħal Għaxaq
CCTV cameras ġo diversi toroq
Ħamrun
Kampanja ta' għarfien - pjattaformi diġitali
Santa Luċija
CCTV cameras fi Ġnien is-serenita'
Santa Venera
Tneħħija ta' oġġetti u irmunkar ta' vetturi
Ħaż-Żebbuġ (Città Rohan)
CCTV cameras & 2 e-bikes
Is-Siġġiewi (Città Ferdinand)
Xiri ta' scooters elettriċi
Ħad-Dingli
CCTV Cameras f'diversi spazji miftuħa
Il-Qrendi
CCTV Cameras fi Triq it-Tempesta u Misraħ San Mattew
Ir-Rabat
CCTV Cameras u tqassim ta' safety gadgets
Ħal Safi
CCTV Cameras fi Triq Menqa u Triq l-iskola
Ir-Rabat (Città Vittoria)
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
Il-Fontana
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
Għajnsielem
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
L-Għarb
CCTV cameras u boom barriers
L-Għasri
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
Ta' Kerċem/Santa Luċija
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
Il-Munxar/Xlendi
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
In-Nadur
CCTV Cameras f'ġonna u playingfield
Il-Qala
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
San Lawrenz
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
Ta' Sannat
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
Ix-Xewkija
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa
Iż-Żebbuġ
CCTV Cameras f'diversi toroq u spazji miftuħa u tabelli multi lingwali
San Gwann
CCTV cameras f'diversi zoni, e-bikes, leaflets & ourdoor signs fuq l-ġbir ta' skart
Ħ'Attard
CCTV cameras f'diversi ġonna
Ħal Balzan
CCTV cameras f'diversi toroq
Il-Mellieħa
CCTV cameras f'diversi toroq
L-Imġarr
CCTV cameras, e-bikes, tqassim ta' gadgets u twaħħil ta' barriers
Il-Mosta
Safety barriers u e-bike
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li kellhom jiġu minfuqa matul l-2020, 2021 u 2022 u ma ntefqux? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 7948 u 11305 dwar xogħol f’Bighi, fil-Kalkara, jista’ l-Ministru jgħid meta attwalment se jibda dan ix-xogħol u jekk huwiex previst li jsir tul din is-sena u qabel is-sajf li ġej?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta b’kollaborazzjoni ma Infrastructure Malta qed jaħdmu fuq pjan ħolistiku għaż-żona li ser ikun jinkludi l-bini ta' moll li ser iservi biex inaqqas l-erużjoni tal-blat u bħala passaġġ għat-tarf tal-peninsula, kif ukoll ser jinkludi li tinbena mill-ġdid is-selħa li hemm fil-blat u jintrabat il-blat li hu ta' riskju li jiġġaraf. Il-pjan ser jitwettaq f'fażijiet bl-ewwel fażi li jitneħħa l-materjal biex jitnaqqqas l-periklu għal ħaddiema mistenni jibda' fix-xhur li ġejjin. Bħalissa għaddejin studji ġeoloġiċi biex l-intervent isir bl-aktar mod għaqli possibli.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11306, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm progress fit-tiswija tal-iSmoking Room f’Bighi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-proċess ta’ evalwazzjoni li jwassal għall-award tal-kuntratt tax-xogħol ġie iffinalizzat. Intant infurmat li r-rapport tal-evalwazzjoni bħalissa jinsab għand id-DCC għall-konsidrerazzjoni tagħhom.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Nefqa fuq reklamar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12845 u jgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab informat li l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ma nefaq ebda ċenteżmu f’reklamar fuq is-sit soċjali Facebook.
Irrid ngħid li l-entitajiet kulturali pubbliċi jagħmlu użu mir-riklami fuq is-siti soċjali facebook biex jilħqu iktar udjenzi.
In-nefqa tal-entitajiet rispettivi hi kif ġej: Arkivji Nazzjonali €206.53, Ewropa Kreattiva €1,267, Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali €73, MICAS €3,352.96, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta €24,643.43, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta €5,183.55, it-Teatru Manoel €5,745.95, Patrimonju Malta (Heritage Malta) €5,725, il-Kunsill Malti għall-Arti €1,532.57, Fondazzjoni Ċentru tal-Kreattività €8,143.30 u Festivals Malta €11,473.52.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ restawr se jsir f’Villa Portelli u f’Villa Gwardamanġa u għal xiex ser jintużaw dawn iż-żewġ vilel wara li jitlestew? Jekk għal viżitaturi, x’ser tkun it-targeted audience ta’ dawn iż-żewġ vilel separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm ser tkun in-nefqa pproġettata ta’ restawr mill-bidu sat-tmiem ta’ dan il-proġett taż-żewġ vilel separatament? Min hu responsabbli għax-xogħol li qed isir jew se jsir ġewwa Villa Gwardamanġia u ġewwa Villa Portelli u kemm hu ż-żmien stipulat minn meta beda jew ser jibda, sa meta jispiċċa ż-żmien tax-xogħlijiet f’dawn iż-żewġ vilel?
Response (BONNICI, OWEN)
Nagħmilha ċara li aħna ma naqblux ma’ dak li trid l-Onor. Interpellant, cjoè li dawn iż-żewġ siti jgħaddu għand il-privat u li l-Gvern jagħti flus lill-privat biex imexxi dawn iż-żewġ siti.
Aħna rridu li l-Gvern jagħti flus lil Heritage Malta sabiex dawn l-assi storiċi jkunu tal-poplu Malti u Għawdxi u jservu ta’ attrazzjoni turistika importanti ħafna.
Din hi distinzjoni ċara bejn il-viżjoni tagħna u dak li trid li jsir l-Onor Interpellant.
Irrid ngħid li ninsab infurmat li f’Villa Portelli u Villa Gwardamangia huwa pjanat li jsir restawr minn nies professjonali fi ħdan Heritage Malta kif ukoll minn kuntratturi li għandhom esperjenza f’xogħol bħal dan. Huwa pjanat li wara li jitlesta x-xogħol meħtieg fuq iż-żewġ siti msemmija, dawn jiġu miftuħa għat-tgawdija tal-pubbliku. Infurmat li t-target audience għal dawn iż-żewġ siti huma l-pubbliku ġenerali, komunità lokali u turisti.
Intant infurmat li għadhom qed isiru l-istudji meħtieġa rigward in-nefqa globali għal dawn iż-żewġ siti.
Finalment infurmat ukoll li minn meta Heritage Malta ingħatat r-responsabbiltà ta’ dawn iż-żewġ siti, beda x-xogħol ta’ konsolidazzjoni u l-istudji tekniċi kollha meħtieġa. Minħabba l-ħtiega ta’ ħruġ ta’ tenders u l-proċess kollu relatat mal-istess tfassil u aġġudikazzjoni tat-tenders, it-tul ta’ żmien marbut mat-tlestija ta’ dawn iż-żewġ proġetti se jiġi indikat fi stadju ulterjuri.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11344 dwar xogħlijiet fil-Joanna Gardens, ġewwa Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-istima oriġinali u kemm attwalment ser jitħallas għall-istess xogħlijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi preżentement m’hemm l-ebda fattura mħallsa fir-rigward ta’ dan il-proġett.
Intant infurmat li l-ammont oriġinali tat-tender kien ta’ €42,880.25 (VAT eskluż).