Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b'diżabilità — Ħlas dovut mill-kumpaniji mhux konformi mal-kwota tat-2%

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22022, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qegħdin jittieħdu sabiex jinġabru l-fondi li suppost tħallsu mill-kumpaniji li ma kinux konformi mal-kwota ta' 2% tal-impjegati li għandhom ikunu persuni b'diżabilità, għas-sena 2023, hekk kif iktar min-nofs il-kumpaniji kienu għadhom ma għamlux il-ħlas dovut sal-aħħar ta' Settembru 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-15 ta’ Novembru, 100 kumpanija oħra irregolarizzat il-pożizzjoni tagħha. Bħalissa, Jobsplus qiegħda tiddiskuti mal-uffiċċju legali tagħha biex jinħarġu ittri, bħala l-aħħar avviż lil 321 kumpanija jew grupp ta’ kumpaniji li għadhom ma ħallsux il-pagament dovut.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Newtralità tal-karbonju - Tnaqqis fl-emmissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fil-Ministeru biex jiġi żgurat tnaqqis fl-emissjonijiet sabiex tintlaħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050? Jista’ jgħid ukoll kif qed jiġu rreġistrati l-emissjonijiet fil-Ministeru u jipprovdi rendikont ta' dawn l-emissjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lil Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22256.

San Ġiljan — Għassa tal-Pulizija - Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan matul din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul din is-sena, sal-aħħar ta’ Ottubru 2024 daħlu 4,853 rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.

Tas-Sliema — Għassa tal-Pulizija - Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema matul din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2024 daħlu 3,135 rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema.

Kummissarju tal-Pulizija — Training Allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta bdiet tingħata t-Training Allowance ta’ €2,500 lill-Kummissarju tal-Pulizija preżenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Dan huwa l-Gvern li bil-fatti ta aktar drittijiet u kundizzjonijiet lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija wara li ġie iffirmat ftehim settorali fis-sena 2018 u ieħor fis-sena 2023. Għaldaqstant ir-ranks kollha tal-Korp tal-Pulizija gawdew minn titjib fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom. Dan b’differenza għal li kien jiġri qabel. Fejn fost l-oħrajn, membri tal-Korp tal-Pulizija kienu jintbagħtu għax-xogħol, u ma jitħallsux ta’ xogħolhom, mingħajr ebda dinjità jew rispett. Dan l-eżerċizzju sar ukoll mal-membri kollha tal-Korpi Dixxiplinati li wkoll gawdew minn ftehim kollettiv ġdid. Riċentament reġa’ kien hemm titjib fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-Korp tal-Pulizija permezz ta’ ftehim settorali ġdid li ġie ffirmat bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-Korp. Il-ftehim settorali jfisser żidiet fil-pagi u allowances fost benefiċċji oħra bħal progress iżjed mgħaġġel fl-iskali. Il-ftehim jirrikonoxxi wkoll li l-ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija jiltaqgħu ma’ bosta xenarji imprevedibbli. L-Onor. Interpellant qiegħed jistaqsi dwar Training Allowance. Dan huwa hekk kif provdut fit-tweġiba Parlamentari numru 21730, introdott fis-sena 2023 u japplika għall-Assistenti Kummissarji, Deputati Kummissarji u Kummissarju. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru, li għaliex verament nemmnu fid-drittijiet tal-ħaddiema kollha, fl-aħħar erba’ snin għalaq aktar minn 19-il ftehim ma’ ħaddiema varji fis-settur, li jinkludu t-tieni ftehim settorali li kien iffirmat mal-Unions li jirrappreżentaw lill-Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Dawn il-ftehimiet fissru pagi aqwa u kundizzjonijiet aħjar għall-Korpi Dixxiplinati, wara snin twal taħt amministrazzjoni preċedenti li ħalliethom mhux biss mingħajr kundizzjonijiet bażiċi – li ma titħallasx għas-sigħat li taħdem - iżda mingħajr ftehim settorali adegwat. Għalhekk, dan juri iswed fuq l-abjad, li kien dan il-Gvern li ta lura d-dinjità u r-rispett li jixraq lil dawk li jilbsu l-uniformi. Infurmat ukoll illi fil-każ tal-Korp tal-Pulizija, il-ftehim settorali jkopri sal-iskala (5) ħamsa tal-Iskeda tal-Gradi tas-Servizz Pubbliku, jiġifieri sar-rank ta’ Supretendent. Kull pakkett finanzjarju jinħadem u jkun approvat minn strutturi ċentrali apposta u għalhekk infurmat illi għall-ogħla ranks tal-Korp tal-Pulizija nbniet struttura ta’ kundizzjonijiet li tkompli ma’ dik tal-ftehim settorali u li tmexxa mill-istess Awtorità kompetenti li mexxiet il-ftehim settorali. Dan kollu hu spjegat f’Mistoqsija Parlamentari numru 21730. Infurmat ukoll li kwalunkwe aġġustamenti fis-salarji fil-gradi ta' fuq tal-Korp tal-Pulizija jżommu r-relattività bejn l-imsemmija gradi u bejn il-kundizzjonijiet tal-Kummissarju u dak tad-Deputati Kummissarji u tal-Assistenti Kummissarji, illum id-differenza fis-salarju, hija anqas minn dik li kienet qabel daħlu fis-seħħ dawn l-aġġustamenti.

Għawdex — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku ġewwa Għawdex li fihom kien hemm persuni li sofrew ġrieħi matul is-sena 2024 u jaqsam din l-informazzjoni lokalità lokalità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li ġraw f’Għawdex u li fihom kien hemm persuni li sofrew ġrieħi matul is-sena 2024, kien kif jidher fit-tabella hawn taħt, maqsuma skond il-lokalita. Lokalità f’ Għawdex Numru ta’ persuni li sofrew ġrieħi Inċidenti li kienu fatali Żebbug 6 1 Victoria 32 Xewkija 23 Għajnsielem 13 Munxar 3 Xagħra 8 Qala 7 Nadur 10 Kerċem 2 Sannat 4 Għarb 4 San Lawrenz 1 Għasri 2 Fontana 1 Total 116 1

AFM — Promozzjonijiet ta’ fizzjali - Gazzetta tal-Gvern

Question

Filwaqt li ssir referenza għad-deċiżjonijiet tal-aħħar bord tal-inġustizzji fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta li ġew deċiżi fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2024, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-promozzjonijiet ta’ fizzjali kinux ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern - u jekk ikun il-każ, jipprovdi l-estratt ta’ dan - u jekk il-każ ikun fin-negattiv, jgħid għal liema raġuni ma kinux ippubblikati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Dan il-Gvern huwa impenjat li jsewwi inġustizzji li seħħew taħt Gvern preċedenti. Dan minbarra li tejjeb il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta, li għal snin twal kienu minsija. Infurmat illi saret komunikazzjoni ma’ kull uffiċjal jew eks uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta li ressaq ilment ta’ inġustizzja. Infurmat ukoll li abbażi tad-deċiżjoni fil-komunikazzjoni skont ir-rakkomandazzjoni tal-bord konċernat, apparti promozzjonijiet skont il-każi rispettivi, bdew jinħadmu wkoll l-allokazzjonijiet finanzjarji. Infurmat għalhekk li l-proċess ta’ pagamenti li qed imexxi s-servizz pubbliku u li wasal biex jiġi konkluż. Infurmat ukoll li ladarba dan il-proċess jkun konkluż, il-promozzjonijiet tal-uffiċjali kif irrakomandat mill-bord jiġu ppubblikati skont il-proċedura.

Persuni b'diżabilità — Tibdil fid-definizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tibdil kien hemm fid-definizzjoni ta' persuna b'diżabilità fir-rigward tar-reġistru tax-xogħol bejn is-sena 2012 u s-sena 2024, hekk kif l-ammont ta' persuni fir-reġistru tax-xogħol żdied sostanzjalment fil-perjodu msemmi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi, ma kien hemm l-ebda tibdil fid-definizzjoni ta' persuna b'diżabilità. Jobsplus timxi skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità - Artikolu 27 – Xogħol u impjieg. Fl-2015 saru emendi f’Att Dwar l-Impjieg ta’ Persuni b’Diżabilità fejn ġie msaħħaħ l-infurzar ta’ din il-liġi. Ġiet introdotta kontribuzzjoni pagabbli mill-kumpaniji li ma jkunux konformi mal-kwota ta' 2% tal-impjegati li għandhom diżabilità. Għal dan il-għan, bi ftehim mal-għaqdiet ta’ min iħaddem u l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’ Diżabilità, ir-Reġistri ta’ Jobsplus, kif ukoll dak tal-Kummissjoni beda jintuża biex tinħadem il-kwota. L-amministrazzjoni tal-infurzar ta’ din il-liġi għen biex l-ammont ta' persuni fir-reġistru tax-xogħol jirrifletti aħjar in-numru ta’ persuni b'diżabilità li qegħdin fis-suq tax-xogħol. Fl-istess ħin illum għandna 5,234 persuna b’diżabbiltà fid-dinja tax-xogħol b’kuntratt mal-1,699 persuna b'diżabilità fl-impjieg sal-aħħar ta’ Diċembru 2012.

Persuni b'diżabilità f’impjieg

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna b'diżabilità kellha impjieg fl-aħħar ta' Awwissu 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Ġunju 2024 in-numru ta’ persuni b'diżabilità fl-impjieg kien ta’ 5,234 dan meta kkumparat mal-1,699 persuna b'diżabilità fl-impjieg sal-aħħar ta’ Diċembru 2012.

Kaċċa fuq il-baħar — Persuni mingħajr liċenzji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21901 dwar kaċċa fuq il-baħar, jista’ l-Ministru jgħid matul l-2023, kemm kien hemm persuni li nqabdu jikkaċċjaw fuq il-baħar meta ma kellhomx liċenzja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2023 ma’ kien hemm l-ebda każ ta’ persuni li nqabdu jikkaċċjaw fuq il-baħar mingħajr liċenzja.

San Ġwann — Għassa tal-Pulizija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21882, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq l-Għassa tal-Pulizija f’San Ġwann huwiex lest? Jekk iva, jista’ jgħid meta din l-għassa ser tinfetaħ u jekk ser tinfetaħ, hux ser ikun hemm pulizija preżenti jew sempliċiment uffiċċju?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Hija ħasra li l-Onor. Interpellant jirreferi għal xogħol tal-Pulizija b'termini bħal 'sempliċiment uffiċċju'. Dan speċjalment meta l-Korp tal-Pulizija u ħafna ħaddiema fl-aħħar snin ħadmu biex tonqos ir-rata ta' kriminalità f'pajjiżna, anke grazzi għad-deċiżjonijiet li ttieħdu. Infurmat li x-xogħol f'San Ġwann huwa lest, u ser ikunu installati l-apparat teknoloġiku u computers fil-jiem li ġejjin.

Il-Gżira — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti update tal-istat li tinsab fih l-Għassa tal-Pulizija ġewwa l-Gżira fid-dawl li l-faċċata tagħha tqiegħdet barrier tal-ħadid bħala protezzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bħalissa fl-Għassa tal-Pulizija fil-Gżira għaddejjin xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija estensiva biex minnha jkun provdut servizz lill-pubbliku. Għal finijiet ta’ sigurtà, fil-lok tpoġġew barrieri tal-ħadid, biex temporanjament l-użu taż-żona quddiem l-għassa jiġi ristrett bħala protezzjoni u ħarsien tal-persuni.

Korp tal-Pulizija – Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-koordinament tat-taħriġ taħt il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) li kien isir mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati sa' tmiem is-sena 2022, tneħħa minn idejn l-Akkademja msemmija u beda' jitmexxa mill-Human Resources tal-Korp tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sa minn meta Malta kienet osservatur ta’ l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi CEPOL fis-sena 2002, wara li saret Membru tal-istess Aġenzija fis-sena 2006 u sal-ġurnata tal-lum, l-Akkademja tal-Forzi dixxiplinati qatt ma kienet responsabbli li tmexxi l-koordinament ta’ taħriġ ma din l-Aġenzija Ewropeja. Uffiċjali mit-taqsima tar-Riżorsi Umani fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija dejjem esegwew tali koordinament, relatat ma taħriġ għall-Pulizija u uffiċjali oħra tal-infurzar tal-liġi ma l-istess l-Aġenzija.