Fid-dawl tal-għadd ta' ilmenti ta' residenti tal-Għargħur dwar kif tnaqqas sostanzjalment is-servizz tat-trasport pubbliku lejn u mill-Għargħur, jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux isiru konsultazzjonijiet mal-Arriva biex ikun hemm l-istess frekwenza, konvenjenza u puntwalità li r-residenti tar-raħal kienu mdorrija u moqdija bihom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rreferejt t-talba tiegħu lil Transport Malta.
Jista' l-Ministru jara li jsiru traffic lights fil-Gudja bypass Gudja fejn sar stage tal-Arriva minħabba l-periklu kbir li qed jkun hemm minħabba t-traffiku u l-karozzi dejjem għaddejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti għal dawn ix-xogħlijiet ħarġet u qed tiġi aġġudikata. Ix-xogħol ikun jista' jinbeda wara li jitlesta dan il-proċess.
San Pawl il-Baħar — ftehim dwar rotot li jgħaddu minn Triq Toni Bajjada
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-Arriva, biex ikun hemm almenu rotta waħda ta' karozzi tal-linja li jgħaddu minn Triq Toni Bajjada, San Pawl il-Baħar, fid-direzzjoni ta' Bugibba/Qawra?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31079.
Madankollu, ninsab infurmat li l-passiġġieri li jkunu jridu jirkbu mill-inħawi ta’ Triq Toni Bajada jistgħu jirkbu jew ir-rotta 41 minn Triq il-Mosta jew inkella jirkbu r-rotta 31 hi u dieħla l-venda ta’ Buġibba minn fejn Tlajjet il-Bognor.
San Pawl il-Baħar — tibdil fir-rotot li jgħaddu minn Triq Ġulju
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma r-rotot tal-karozzi tal-linja li qed jgħaddu minn Triq il-Ġilju, San Pawl il-Baħar, billi dawn il-karozzi qed jikkawżaw danni lit-triq tant li partijiet sostanzjali minnha tkissru matul l-aħħar xhur? Jista' l-Ministeru jassigura li din it-triq ma tibqax titkisser b'dan il-mod konsegwenza ta' dan is-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn Triq Ġulju jgħaddu r-rotot hekk kif gej:
Rotta 31
Rotta 12
Rotta X3
Rotta 221
Rotta 223
Rotta 401
Infurmat ukoll li Transport Malta se tinvestiga x’tip ta’ ħsarat qed isiru u x’inhi l-kawża.
Xemxija — limiti tal-Fekruna - tiswija fuq it-triq
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-telgħa tax-Xemxija, qabel id-daħla lejn l-inħawi magħrufa bħala tal-Fekruna, issir it-tiswija neċessarja tal-istess triq li ġralha ħafna ħsara matul dawn l-aħħar jiem?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li saru interventi biex tissewwa ħsara f’din il-parti tat-triq.
rotta għat-trasport pubbliku Birkirkara via Valletta
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex possibbli li tinħoloq rotta għat-trasport pubbliku Birkirkara via Valletta u lura li titlaq minn dik li kienet qabel il-venda tal-karozza tal-linja 71 u cioè li tgħaddi minn Birkirkara l-parti ta’ Fleur De Lys, Santa Venera, Ħamrun, Blata l-Bajda u tibqa' sejra l-Belt Valletta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.31079.
Jista' l-Ministru jara li r-residenti fl-inħawi Ta' Giorni, San Ġiljan jiġu provduti bis-servizz tat-trasport pubbliku li qabel kienet magħrufa bħala numru 42?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-inħawi Ta’ Ġiorni huma servuti bir-rotta 24 liema rotta għandha konnesjoni diretta lejn il-Belt Valletta. L-istess inħawi huma servuti wkoll bir-rotta 110 li tgħaqqad Ta’ Ġiorni max-Xatt tas-Sliema, l-Gżira l-inħawi tal-polyclinic, Mater Dei, l-Universita’, Swatar, Ta’ Paris, Birkirkara / Fleur-de-lys u l-Marsa Park & Ride.
Bl-introduzzjoni ta’ dawn iż-żewġ rotot l-inħawi ta’ Ta’ Ġiorni għandhom aċċess għal tas-Sliema kif ukoll il-Marsa Park & Ride fejn qabel ma kienx hemm aċċess dirett. Ir-rotta 110 issa qed isservi l-inħawi ta’ Ta’ Paris kif ukoll l-istazzjon ġewwa Birkirkara.
Għawdex — Nadur - kwestjoni dwar ir-rotta tal-karozza tal-linja
Question
Peress li l-istudenti li huma residenti fin-Nadur, Għawdex qed jilmentaw li l-bus li tgħaddi min-Nadur għall-ħabta tat-8.15 ta' filgħodu li titlaq minn Għajnsielem, tgħaddi mill-Qala u finalment min-Nadur qed tkun diġà mimlija meta tasal in-Nadur u allura dawn l-istudenti mhux qed ikollhom wisa' fil-bus u b'hekk qed jaslu tard l-iskola, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata u riżolta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li f’Settembru 2011, meta bdiet is-sena skolastika, Transport Malta kienet rċeviet xi lmenti, li xi studenti min-Nadur ma kienux qed isibu karozzi tal-linja lejn ir-Rabat bejn is-7.00am u t-8.30am. Wara diskussjonijiet li saru, l-operatur tat-trasport pubbliku, beda joffri servizz żejjed li jitlaq fis-7.10am mill-Qala għan-Nadur u jibqa’ sejjer lejn ir-Rabat. Dan sabiex jakkomoda lill-istudenti tas-Sixth Form u tal-MCAST. Ninsab infurmat ukoll li minn dakinhar sal-lum qatt ma reġgħu waslu lmenti f’dan ir-rigward.
Peress li r-residenti ta' Triq San Blas in-Nadur li tiġi kantuniera ma' Triq Franġisk Attard qed jilmentaw għaliex it-traffiku qed jiżdied u l-vetturi jgħaddu b'veloċità kbira u qed ikunu kaġun ta' periklu, jista' l-Ministru jara li f 'din il-parti ta' Triq San Blas isiru humps?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma għandha l-ebda talba mill-Kunsill Lokali konċernat għal miżuri sabiex titnaqqas il-veloċità tas-sewqan.
Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31445 u jinvestiga l-ilment tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li minħabba li kien marid kellu jitfa' l-vettura fil-garaxx għal dawn l-aħħar snin u konsegwenza t'hekk weħel €2,600 multi extra mal-ħas tal-liċenzja? Jista' jikkonsidra li l-multi jkunu mnaqqsa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li, kif kien imħabbar fil-budget għal din is-sena, l-multa amministrattiva ta’ €2 kuljum (fir-rigward ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-liċenzji tal-vettura wara 90 ġurnata) m’għadhiex fis-seħħ, u l-ammont tal-multa amministrattiva tbidlet għal €10 fix-xahar.
Barra minn hekk, fid-diskors tal-istess budget, il-gvern kien ħabbar li se joħroġ skema fejn persuni li għandhom il-liċenzji tal-vetturi jew ħlasijiet amministrattivi b’lura, ikunu jistgħu jirregolariżżaw ruħhom. Fil-fatt, l-Avviż Legali nru 22 tas-sena 2012 ġie ppublikat.
L-iskema titlob li jekk persuna tixtieq li tħalli l-vettura fil-garaxx għandha tħallas nofs l-arretrati tal-liċenzja dovuti u l-ħlas tal-multa amministrattiva jitnaqqas għal €125. Il-ħlas ta’ċitazzjonijiet jew kontijiet pendenti għall-aċċess fil-Belt Valletta (CVA) iridu jinġabru kollha.
Infurmat ukoll li fil-ġranet li ġejjin Transport Malta se tkun qegħda tinforma lis-sidien tal-vetturi kollha li għandhom dawn l-arretrati, inkluża l-persuna li d-dettalji tagħha ntbgħatu separatament, sabiex imorru l-uffiċju ta’ Transport Malta u jirregolariżżaw l-pożżizzjoni tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'servizz qed jiġi offrut mill-Arriva lir-residenti li joqogħdu ġewwa Wied il-Għajn fiż-żona magħrufa bħala s-Siberja? Hemm il-ħsieb li dan is-servizz jiġi mtejjeb speċjalment fejn għandha x'taqsam il-frekwenza tas-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli fi Transport Malta li jara li x-xogħol li jkun sar rigward road markings u traffic signs ikun sar fuq linji gwida internazzjonali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li minkejja li l-manutenzjoni tagħhom hi tal-kunsill lokali, Transport Malta se tintervjeni biex tagħmel manutenzjoni hi peress li din ma saritx mill-kunsill responsabbli? Jista' jgħid fuq liema kriterju jintgħażlu dawn t-toroq? Jista' jgħid kemm se jkun nefaq l-gvern bejn l-2008 u l-2012 fuq il-manutenzjoni ta' dawn t-tip ta toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Din is-sena Transport Malta se tintervjeni fuq 21 triq ta' dan it-tip (magħrufa bħala local roads of major importance) għal spiża ta' kważi €4,000,000 (Doc X) u bejn l-2008 u l-2012 se tkun interveniet fuq 68 triq għal total ta' €7.5 miljun circa (Doc Y). Dokument X u Dokument Y tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-liġijiet tagħna jagħmlu distinzjoni bejn liema toroq huma responsabilita' ta' Transport Malta u liema huma responsabilita' tal-Kunsill Lokali. Transport Malta hi responsabbli għal:
1. Toroq Arterjali Bini, rikostruzzjoni u manutenzjoni
2. Toroq Distributorji Bini, rikostruzzjoni u manutenzjoni
3. Toroq Residenzjali Bini u rikostruzzjoni
Il-Kunsilli Lokali huma responsabbli għal manutenzjoni tat-toroq residenzjali u b'dawn nifhmu kull triq mibnija li ma hix arterjali u distributorja anki jekk ikollha erba' lanes u tkun twila u wiesgħa.
Il-lista tat-toroq arterjali u distributorja tinsab fil-Pjan Strutturali tal-Gżejjer Maltin waqt li l-lista ta' toroq residenzjali ġodda tiżviluppa mal-iżvilupp tal-bini. Diġa rrispondejt PQ 31257, fejn spjegajt il-policy ta' Transport Malta f'dan ir-rigward.
Biex niġi għad-domanda tal-Onor. Interpellant, minkejja li l-manutenzjoni ta' toroq residenzjali mibnija hi tal-Kunsilli Lokali hemm ċertu toroq li għandhom importanza kbira għat-traffiku f'pajjiżna jew għaliex huma traffikużi ħafna jew għaliex iservu bħala link ewlieni bejn iċ-ċentri residenzjali/kummerċjali tal-bliet/rħula tagħna man-network arterjali u distributorji. Meta Transport Malta tara illi n-nuqqas ta' manutenzjoni li suppost issir mill-Kunsill Lokali tkun nieqsa u qed twassal għal problemi kbar ta' traffic flow, allura Transport Malta tintervjeni fil-limiti tal-budget li tingħata kull sena mill-Gvern.
Transport Malta — flus fuq toroq arterjali u distributorji
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jintefqu flus minn Transport Malta fuq toroq arterjali u distributorji fl-2012 u fuq liema toroq se jintnefqu? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 2008-2012?
Response (GATT, AUSTIN)
Fl-2012 hu mistenni li l-Gvern jonfoq €52,600,000 fuq il-bini mill-ġdid ta' sitt toroq arterjali u distributorji li jkun ifisser li mill-2008 il-gvern se jkun nefaq kważi €79,000,000 biex saru kważi 21 kilometru ta' toroq arterjali u distributorji.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dettaljata relattiva.
Jista' l-Ministru jirrapporta xi progress sar fuq il-wegħda li kienet saret is-sena l-oħra li Transport Malta kellha tibni 202 triq residenzjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dettaljata tal-progress li sar sa nofs Diċembru, nista' ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-aħħar informazzjoni li ngħatajt għad baqa' biss xi 20 triq mill-202 oriġinali li kellhom isiru li għadhom iridu jingħataw bit-tender. Hemm ukoll 23 triq oħra fejn qed niffaċċjaw problemi tekniċi biex Transport Malta tkun tista' toħroġ it-tender u allura - għajr għal dawn - ma jidher li hemm xejn xi jżomm li nżommu mal-wegħda li konna għamilna, li dawn it-toroq ikunu lesti sa nofs din is-sena.
Transport Malta — toroq residenzjali li għadhom qed jinbnew
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq residenzjali li qatt ma nbnew u li se jinbnew minn Transport Malta matul din is-sena u jgħid kemm se jiswew?
Response (GATT, AUSTIN)
F1-2012 Transport Malta sejra tibni 50 triq residenzjali oħra għal spiża totali ta' kwazi €2,000,000 liema toroq huma ndikati fil-lista annessa. Dawn it-toroq huma barra dawk it-20 triq li kienu fil-lista mħabbra fl-2011 u li skond PQ 31658 għadhom ma nbnewx u se jinbnew fl-2012.
Ħal Balzan — Triq il-Wied - xogħol ta' Tarmak/Patching/Manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jikkunsidra li jsir xogħol ta' tarmak u/jew patching u/jew manutenzjoni fi Triq il-Wied, Ħal Balzan peress li l-kunsill lokali jidher li m'għandux fondi biex jagħmilha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta, qabel ma bdew jinbnew il-bankini fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi, għamlitx impact assessments fuq:
[a] il-mixja tal-ilma tax-xita f'din it-triq li tilqa' fiha ilma li jkun gej minn Birkirkara, Santa Venera u l-Imrieħel u li jibqa' sejjer għall-wied;
[b] il-fatt li l-bankini jidhru li se jkunu maħruġin 'il barra u għaldaqstant jistgħu jaffettwaw lil dawk li bil-vetturi jkunu ġejjin minn Triq il-Kanun, Ħal Qormi għal ġo Triq il-Mitħna;
[ċ] il-volum u l-konġestjoni tat-traffiku, partikolarment fil-ħinijiet tax-xogħol; u
[d] l-operat tal-ħwienet tax-xogħol li hemm f'din it-triq?
Jekk Transport Malta għamlet dawn l-assessments x'irriżulta? Transport Malta ma' liema dipartimenti u/jew entitatjiet governattivi ikkordinat qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li jsiru dawn il-bankini kif qed isiru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ħal -Qormi — Triq il-Mitħna u Triq il-Wied - zebra cross fil-bidu ta' juction
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir wara t-talbiet li saru lil Transport Malta biex iż-zebra crossing li hemm fil-bidu tal-junction ta' Triq il-Mitħna u Triq il-Wied f'Ħal Qormi, ma tibqax tippreżenta l-periklu li tippreżenta biex persuni jaqsmu minn fuqha, u dan peress li qiegħda fil-bidu ta' din il-junction u l-vetturi li jduru fuq in-naħa tagħha jsibuha mill-ewwel ma' wiċċhom?
Jista' jara x'jista' jsir peress li din l-istess zebra crossing qed tkun kaġun ukoll li kull meta tagħmel ix-xita jinżamm ħafna ilma u sussegwentement toħloq inkonvenjent għal kulmin jgħaddi bil-mixi minn fuq il-bankini?
Jista' jgħid x'azzjoni se tittieħed biex jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet u fl-istess waqt ikun hemm alternattiva xierqa minn fejn jaqsmu n-nies?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta kitbet lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal - Qormi fit-23 t’Awwissu 2011, fejn ġie spjegat dak kollu li għandu jsir.
Jista' l-Ministru jara li tinħareġ il-liċenzja tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għamel il-kors u sab xogħol imma ma jistax jibda minħabba li ma ħarġitx il-liċenzja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma naħsibx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.