American University of Malta – boroż ta’ studju mogħtija
Question
Skont il-konċessjoni enfitewtika mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u ċjoè l-artikolu 16.2, li l-enfitewta huwa obbligat jagħti boroż ta’ studju, għal liema l-Gvern huwa intitolat jagħżel il-korsijiet u l-istudenti, jista’ l-Ministru jgħid kemm il-borża ta’ studju ngħataw sa issa mill-American University of Malta lill-Gvern u jgħid kemm-il persuna applikat u n-nazzjonalità tagħhom, kemm-il student ingħata tali borża ta’ studju u liema kors qiegħed isegwi, meta bdew tali kors u jekk għadhomx qegħdin isewgu l-istudju mibdi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sejħa għall-applikazzjonijiet għal boroż ta’ studju, intlaqgħu 21 applikazzjoni li ġejjin minn Malta, l-Pakistan, il-Ghana, it-Tuneżija, l-Etjopja, il-Libja, il-Fillandja, il-Filippini u l-Bulgarija. Fuq il-bażi tal-gwida u tal-eliġibilità tas-sejħa, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xoghol ippropona ħdax-il kandidat, li d-dettalji tagħhom għaddew lill-entità msemmija biex isegwu l-kors Masters in Business Administration fil-livell 7 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiċi. Mill-informazzjoni li għandi, filwaqt li uħud minn dawn l-istudenti eventwalment għażlu alternattivi oħra li kellhom, oħrajn għadhom qed isegwu l-istudju tagħhom fl-Universita' Amerikana f'Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta biħsiebu l-Gvern jiftaħ iċ-Ċentru tal-Impjiegi għall-Immigranti, kif kien ħabbar fl-2015 u jgħid f’liema lokalità se ssir?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru tal-Impjiegi għall-Immigranti ilu miftuħ minn Mejju 2017 u jinsab fil-lokalità tal-Marsa.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet infetħu skejjel fl-aħħar ħames snin u jgħid kif inhi definita l-art (jiġifieri jekk hux Żona ta’ Żvilupp, ODZ, Strategic Open Gap, eċċ.) li fuqha hija mibnija kull skola u l-faċilitajiet rispettivi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub dwar skejjel li nfetħu bejn l-2013 u l-2017, kif ukoll tagħrif dwar l-artijiet li ntużaw, hu kif muri fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista tinkludi wkoll skejjel b'kunċett ġdid li nfetħu f'binjiet li diġa` kienu jeżistu qabel.
Attachments:PQ 2726 - Skejjel u faċilitajiet - art.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet huwa ppjanat li se jinfetħu skejjel fil-ħames snin li ġejjin u jgħid kif inhi definita l-art (jiġifieri jekk hux Żona ta’ Żvilupp, ODZ, Strategic Open Gap, eċċ) li fuqha se tinbena kull skola u l-faċilitajiet rispettivi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-programm li tfassal mill-Ministeru u li bħalissa qegħdin nimxu fuqu flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (Foundation for Tomorrow’s Schools), l-iskejjel li huma ppjanati li jinfetħu fil-ħames snin li ġejjin u tagħrif dwar l-artijiet li ser jintużaw għal dawn il-faċilitajiet, hu kif muri fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 2727 - Skejjel li huma ppjanati li jinfetħu fil-ħames snin li ġejjin.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' persuni li jaħdmu f’pajjiżna kemm fuq bażi full-time kif ukoll fuq bażi part-time, fil-31 ta' Diċembru sa mis-sena 2010 sas-sena 2017?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, l-għadd ta’ persuni jaħdmu f’Malta u Għawdex fuq bażi full time u part time bħala xogħol ewlieni tagħhom fl-aħħar ta’ Diċembru għas-snin 2010 sal-2016 u Ġunju 2017 (l-aħħar ċifra ppubblikata), huwa kif se nsemmi:
Full Time
Part Time bħala xogħol ewlieni
Diċembru 2010
147,814
26,961
Diċembru 2011
150,809
28,400
Diċembru 2012
154,046
30,297
Diċembru 2013
159,272
31,317
Diċembru 2014
166,368
33,179
Diċembru 2015
174,967
33,263
Diċembru 2016
184,180
34,938
Ġunju 2017
191,378
35,671
Peress li l-Gvern, ftit taż-żmien ilu ffirma l-ftehim kollettiv mal-union tal-għalliema, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim kollettiv jew inkella jagħti aktar dettalji ta' dan il-ftehim?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim mitlub mill-Onor. Interpellant.
NCFHE — audit annwali mill-Università ta’ Clemson fuq l-American University of Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE) approvawx il-format u l-parametri tal-audit annwali li l-Università ta’ Clemson huma obbligati jwettqu fuq l-American University of Malta u jekk ġietx stabbilita data sabiex isir l-ewwel audit annwali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B’referenza għal din il-mistoqsija, l-NCFHE tikkonferma li l-AUM diġà ssottomettiet rapport preliminari mill-Università ta' Clemson; ir-rapport huwa skont il-parametri stabbiliti mill-NCFHE. L-ewwel rapport komplet annwali minn Clemson huwa mistenni iktar tard din is-sena.
NCFHE – spot-check fuq l-American University of Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE) wettqitx spot-checks fuq l-American University of Malta sa minn meta bdiet topera din l-Università u jekk għadha ma wettqitx tali spot-checks jekk għandhiex il-ħsieb li twettaq spot-check u meta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B’referenza għal din il-mistoqsija, l-NCFHE tikkonferma li għamlet spot-checks fuq l-AUM minn meta din bdiet topera.
NCFHE – Approvazzjoni għat-tkeċċija tal-istaff akkademiku tal-American University of Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE) tatx l-approvazzjoni tagħha għat-tkeċċija tal-membri tal-istaff akkademiku fl-American University of Malta, u jekk tat din l-approvazzjoni jista’ jagħti d-data ta’ meta ngħatat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kif stipulat fil-liċenzja mogħtija mill-NCFHE lill-Università Amerikana f’Malta, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tassigura li kull bidliet jew żidiet fl-istaff akkademiku jkunu jirrispettaw l-istandards ta’ kwalità mistennija mill-istituzzjoni edukattiva. Naturalment dan il-proċess ta’ evalwazzjoni u approvazzjoni sar qabel l-istaff akkademiku ġdid beda jwettaq id-dmirijiet tiegħu.
Inżid li din il-kundizzjoni m’hijiex prassi għall-istituzzjonijiet edukattivi kollha f’Malta iżda ġiet inkluża bħala kundizzjoni fil-liċenzja li ngħatat lilll-Università Amerikana f’Malta biex pajjiżna jkompli jilħaq standards dejjem ogħla fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarja.
NCFHE – tmexxija u operat ta’ Università minn kumpanija
Question
Skont il-kuntratt ta’ konċessjoni enfitewtika mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, din il-kumpanija hija obbligata twettaq proġett li jinkludi t-tmexxija u l-operat akkademiku ta’ Università. Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-liċenzja mogħtija min-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE) għat-tmexxija u l-operat ta’ din l-Università nħarġitx fuq din l-istess kumpanija, u jekk le jindika fuq liema soċjetà nħarġet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-liċenzja biex l-AUM topera bħala università ħarġet mill-NCFHE lil ‘American University of Malta’, taħt l-operat ta’ Sadeen Education Investment Ltd.
American University of Malta – twaqqif ta’ kulleġġi/fakultajiet minn kumpanija
Question
Skont il-kuntratt ta’ konċessjoni enfitewtika mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għat-twaqqif u l-operat tal-American University of Malta, din kellha twaqqaf mhux anqas minn ħames kulleġġi/fakultajiet. Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kulleġġi/fakultajiet li twaqqfu, u liema programmi ta’ studju qegħdin jiġu offruti għal din is-sena akkademika minn dawn il-kulleġġi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Għalkemm il-proġett jaħseb għal ħames kulleġġi sad-data tat-tlestija tiegħu, il-kuntratt li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant jistipula li jrid ikun hemm minimu ta’ żewġ kulleġġi fl-ewwel 25 xahar mill-ħruġ tal-permessi. Dan l-obbligu diġà ntlaħaq fl-ewwel sena akkademika tal-AUM bit-twaqqif tal-fakultà tal-Business Studies u tan-Natural Sciences and Technology. Il-programmi tal-AUM akkreditati mill-NCFHE huma:
1. B.A in Graphic Design and Animation
2. B.Sc in Game Development
3. B.Sc in Business Administration
4. B.Sc. in Accounting
5. B. Sc in Business and Finance
6. Master of Business Administration
7. PhD in Computer and Information Science
8. Doctorate in Business Administration
9. Doctorate in Business Administration in Finance
10. Doctorate in Business Administration in Accounting
Perijodu ta’ żmien mogħti lill-kumpanija għal tlestija ta’ proġett
Question
Skont il-kuntratt ta’ konċessjoni enfitewtika mogħtija lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u ċjoè fl-artikolu 12.3, il-Gvern seta’ jagħti perijodu ta’ sena grazzja, biex jitlesta l-proġett. Jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatax dan il-perijodu, u jekk sarux diskussjonijiet biex jiżdied iż-żmien, fejn l-istess kumpanija trid twettaq l-obbligi tagħha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-period of grace ma japplikax f'dan il-mument.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta' studenti li applikaw biex jistudjaw fl-iSkola Medika ta' Barts? Kemm minnhom huma Maltin u kemm huma barranin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla m’hiex f’pożizzjoni li tagħti informazzjoni dwar in-numru ta’ studenti f'kull istituzzjoni privata, inkluż din msemmija, għaliex din hija informazzjoni ta' entitajiet privati, għandha sensittività kummerċjali u hija miksuba b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta' studenti li applikaw biex jistudjaw fl-American University of Malta? Kemm minnhom huma Maltin u kemm huma barranin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla m’hiex f’pożizzjoni li tagħti informazzjoni dwar in-numru ta’ studenti f'kull istituzzjoni privata, inkluż din msemmija, għaliex din hija informazzjoni ta' entitajiet privati, għandha sensittività kummerċjali u hija miksuba b’mod kunfidenzjali.
Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – responsabilità politika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, fid-dawl tal-fatt li l-eks canvasser tiegħu, li ddaħħal jaħdem f’entità li taqa’ taħt ir-responsabilità ministerjali tiegħu, tressaq il-Qorti b’rabta ma’ każi ta’ tixħim u frodi fil-qadi ta’ dmirijietu fl-istess entità; u fid-dawl ta’ dak li dejjem sostna dwar responsabilità politika u dwar l-importanza li m’għandux ikun hemm liġi għall-allat u liġi għall-annimali, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jerfa’ responsabilità politika dwar dan il-każ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Dejjem erfajt ir-responsabbiltà politika u ħadt il-passi kollha meħtieġa biex ħadd, hu min hu, ma jkun 'il fuq mil-liġi kif spjegajt fl-istqarrija ministerjali li għamilt fis-seduta 458 tal-5 ta' Diċembru 2016.
Fil-fatt fis-16 ta' April 2016 jiena infurmajt lill-Kap Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien li “Treat him like any normal employee.” u “No one outside good governance regulations....”.
F’April stess tas-sena l-oħra għidtlu wkoll “Please understand that no one no one enjoys immunity or is untouchable....”.
F’Ġunju ta’ dik is-sena għidt lis-CEO “...we cannot have him run a parallel rogue operation that does not respect any procedures on how public money is spent...”
Fl-istess żmien ridt li ma jitħallsux irċevuti ssuspettati li huma falsifikati. F’Awwissu ordnajt investigazzjoni dwar dan. Malli ntemmet u rrikkmandat li jittieħdu passi rajt li jsir rapport lill-Pulizija dwar dan.
Fl-10 ta’ Settembru 2016 is-CEO ta’ dak iż-żmien qalli, wara li ħadt il-passi meħtieġa, “But Sir what you are doing NOW, after you have plenty of tangible evidence is what you will be judged upon...nobody thinks you were involved then...but now your duty is clear.”
Dan id-dmir wettaqtu. Malli kelli "tangible evidence" infurmajt lill-Pulizija, lill-Internal Audit and Investigations Department u lill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni b’dak li ġara u mpenjajt ruħi li nikkopera f’kull investigazzjoni li riedu jagħmlu.
B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 1638 jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex tinbena skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid fejn se tinbena din l-iskola u meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq l-istess skola? Saru applikazzjonijiet għal dan il-proġett mal-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li ntbagħat disinn propost bi pjanti lill-Awtorità tal-Ippjanar nhar it-Tnejn 4 ta’ Diċembru, 2017. L-iskola se tinbena bħala estensjoni mal-kumpless edukattiv fi Triq l-Ewropa, fir-Rabat, Għawdex. Ix-xogħol hu mistenni li jibda lejn l-aħħar tal-2018.
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Kunsill tal-Għaqdiet Volontarji li ġġudikaw min hu idoneju biex jingħata l-premju l-Voluntiera tas-Sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-membri tal-bord ta’ aġġudikazzjoni kienu:
Dott. Noel Camilleri
Sinj. Doris Bingley
Sur Trevor Fenech
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies jaħdmu bil-kuntratt?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni full time u part time bħala xogħol ewlieni b’kuntratt definit fl-aħħar ta’ April 2017 kien ta’ 34,090 persuna.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar figuri ppubblikati huma ta` April 2017.