Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-perit (ditta ta' periti) inkarigata mill-pjanti/designs kif ukoll mix-xogħol li beda fl-aħħar ġimgħat ġewwa Kemmuna? Jista’ jgħid kif intgħażlu meta ntgħażlu u kemm tħallas s’issa l-perit (ditta ta' Periti) inkarigati minn dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-periti imqabbda mill-Ministeru huma tad-ditta tal-periti William Lewis. Dawn intgħażlu abbażi tal-esperjenza tagħhom f’dawn it-tip ta’ xogħlijiet ta’ natura sensittiva fis-sena 2020 u s’issa tħallset s-somma ta’ € 3,650.00.
Ministeru għal Għawdex — Impjegati fi gradi tekniċi u industrijali tas-Servizz Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-gradi tekniċi u industrijali tas-Servizz Pubbliku skont il-grad fil-Ministeru tiegħu? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? Kemm hemm impjegati li mhumiex fil-gradi ġenerali tas-Servizz Pubbliku u qed jagħmlu xogħol tas-Servizz Ġenerali? Fejn hu l-post tax-xogħol tagħhom? X'xogħol qed jagħmlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex — Ġbid ta’ videos live u xogħol ta’ editing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min qed jiġbed il-videos live u jagħmel ix-xogħol ta’ editing tal-filmati li qed jidhru fuq il-mezzi soċjali, tax-xogħol li jkun qed isir mill-Ministeru għal Għawdex? Kif intgħażel, kemm-il siegħa xogħol għamel s’issa, mil-liema xahar u sena beda jsir dan il-ġbid ta’ videos u xi kwalifiċi u esperjenza għandha dan il-persuna fuq il-ġbid u editing ta' videos?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ħadd ma ntagħżel għall- videos live tax-xogħlijiet. L-imsemmija videos live jittieħdu minn mobile phone konvenzjonali li jista’ jagħmlu kulħadd permezz tal-apps tal-midja soċjali.
Jista' l-Ministru jispjega kif fin-nota 13 tal-Audited Accounts tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd għas-sena 2019, hemm imniżżel illi l-"Operating lease rentals payable" kien jammonta għal €855,417 mentri fin-nota 21 hemm imniżżel illi l-kumpanija ħalset €825,000 bħala "Lease rentals charged by related parties”? X'inhuma dawn il-kirjiet u lil min jitħallsu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-“Operating lease rentals payable” li hemm imnizzel f’nota 13 tal-Audit Accounts tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd għas-sena 2019 li jammontaw għal €855,417 huma kif jidru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Fir-rigward tal-“Lease rentals charged by related parties” li hemm imnizzel f’nota 21 li jammontaw għal €825,000 jirreferu għall-kirja tat-Terminals tal-iMġarr, iċ-Ċirkewwa u l-mollijiet imħallsa lill-Authority for Transport in Malta.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex fin-nota 21 tal-Audited Accounts tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd għas-sena 2019, hemm imniżżel illi l-Gvern impona €72,304 f'imgħax? Għaliex il-Gvern qed jesiġi mgħax mill-kumpanija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawk huma bank charges u mhux imgħaxijiet.
Ministeru għal Għawdex – senior management – transport allowance
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm uffiċjali mis-senior management tal-Ministeru għal Għawdex inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, qegħdin jirċievu Transport Allowance? Jista’ jgħid ukoll il-pożizzjoni ta’ kull uffiċjal, kif ukoll id-data li beda jirċievi tali allowance u x' inhu l-ammont fi flus li jingħataw kull sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 20433 - Ministeru għal Għawdex – senior management – transport allowance.pdf
Binjiet tal-Aurora Theatre jew Soċjetà Filarmonika Leone — spiża
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bi break down tal-ispiża u kif ukoll b'indikazzjoni lil min saru l-ħlasijiet għall-bini tal-Aurora Theatre jew is-Soċjetà Filarmonika Leone u l-madwar ġie attrezzat u beda jintuża ukoll biex tingħata t-tilqim kontra l-COVID-19?
Response (CAMILLERI, CLINT)
“Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa u FMS evalwaw numru ta postijiet sabiex potenzjalment jiġu konvertiti għall-ċentru ta’ vaċċinajzzoni ewlieni għall-poplu Għawdxi.
Wara spezzjonijiet li saru f’numru ta postijiet sabiex potenzjalment jintużaw għal dan il-għan, ġie deċiż li jintuża il-Gozo Conference and Expo Centre li kien ideali minħabba id-daqs tiegħu sabiex jilqa’ fih numru ta’ persuni f’salt, ix-xogħlijiet minimi li kien hemm neċessarji sabiex jiġi kkonvertit għal dan il-għan, kif ukoll għall-fatt importanti li dan jinsab fiċ-ċentru t’Għawdex, biswit l-akbar parkeġġ f’Għawdex. Apparti dan, il-post ġie aċċessibli ukoll għall-persuni li għandhom problemi ta’ mobbilita’.
Il-ħlas li qed jsir huwa ta’ €240 kuljum lill-għaqda volontarja Soċjeta Filarmonika Leone VO/0326 liema servizzi jinkludu l-użu esklussiv tas-sala kif ukoll l-aċċessi mit-triq, l-użu ta’ faċilitajiet anċellari, provvista ta’ dawl u ilma inkluż l-użu kontiwnu tal-arja kundizzjunata waqt il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru u l-użu tal-internet.
Ma sar l-ebda ħlas għall- ‘bini’ tat-Teatru Awrora, liema Teatru infurmat li inbena madwar 50 sena ilu.
Sal-lum, f’Għawdex ingħataw 23,627 tilqima, fejn 12,293 minnhom ingħataw propju minn dan iċ-ċentru.
Dan il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli sabiex il-poplu Għawdxi u Malti jiġi mlaqqam mill-aktar fiss ħalli nħarsu s-saħħa tal-poplu u niżguraw li l-ekonomija terġa tirpilja.”
Ministeru għal Għawdex — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20491 u jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bordijiet, li jirregolaw l-entitajiet governattivi indikati fl-emendi fl-Att VII tal-2015, attwalment kollha għandhom membru li hu/i persuna b’diżabilità, għajr wieħed. F’dan il-każ, mhux isir użu mill-pożizzjoni ta’ membru li żdiedet bl-emendi fil-Liġi sakemm tinstab persuna idonea li tkun tista’ tokkupa r-rwol.
Inżid li l-Liġi msemmija ma tobbligax li l-membru b’diżabilità jkun fuq bord bħala “rappreżentant għall-persuni b’diżabilità”, kif qed jindika l-istess interpellant.
Ma’ dan irid jingħad ukoll li hemm għadd ta’ bordijiet, kumitati, fora u forom oħrajn ta’ tmexxija li għandhom fi ħdanhom membri li huma persuni b’diżabilità, avolja ma jaqgħux taħt l-emendi fl-Att imsemmi aktar ’il fuq.
Ministeru għal Għawdex – Intervention Unit — promotions
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18389 li ngħatat fit-2 ta' Frar 2021, jista’ l-Ministru jgħid jekk żdiedux ħaddiema ġodda fis-sezzjoni tal-Intervention Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u jekk iva, xi grad huma dawn il-ħaddiema u kemm ilhom jaħdmu mas-Servizz Pubbliku? Jista’ jgħid kemm hu t-total ta' ħaddiema f'din is-sezzjoni u għal kull wieħed u waħda mill-ħaddiema li jaħdmu ma’ din is-sezzjoni, jista’ jgħid ukoll kemm ilhom jaħdmu mas-Servizz Pubbliku u xi grad huma, kif ukoll jgħid fiex tikkonsisti l-ispeċjalizzazzjoni min għandu l-promozzjoni ta' tradesman?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent in-numru ta’ impjegati fl-Intervention Unit huwa dak ta’ 16. Il-ħaddiem li ġie deployed fil-Unit dan l-aħħar ilu jaqdi dmirijietu fil-grad ta’ Tradesman għal dawn l-aħħar erba’ snin. Is-snin ta’ servizz tal-bqija tal-ħaddiema li lkoll huma mpjegati mas-Servizz Pubbliku, jvarja minn 40 sena għal 4 snin. Il-gradi huma Chief Scientific Officer, Senior Principal, Customer Care Official, Supervisors, Tradesmen u Labourers. Il-promozzjonijet fil-grad ta’ Tradesman huma plumbers, mechanic, welder u stone mason.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' Villa Lauri f'Birkirkara li kien tħabbar f'Jannar 2019 u jgħid jekk tlestewx ix-xogħlijiet infrastrutturali kollha u jekk le x'fadal issir u meta hi ppjanata li tkun lesta minn kollox din il-binja u għalhekk tkun tista' tibda tilqa’ fiha istudenti li jkunu qed jistudjaw f'Malta u familji Għawdxin li jkunu qed jagħmlu trattamenti ġewwa l-isptar f'Malta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li x-xogħol strutturali ta’ Villa Lauri f’Birkirkara tlesta f’Diċembru li għadda. Bħalissa qed issir l-evalwazzjoni tal-offerti għal xogħlijiet ta’ M&Es u Finishes, u qed isir l-abbozz ta’ tender biex tinxtara l-għamara u l-appliances. Dan il-proġett mistenni jkun lest sa nofs is-sena 2022 u jibda jilqa’ fih l-istudenti li jkunu qed jistudjaw f'Malta kif ukoll familji Għawdxin li jkunu qed jagħmlu trattamenti ġewwa l-isptar f'Malta fit-tielet kwart tas-sena 2022.
Vetturi li huma proprjetà tal-Ministeru għal Għawdex li għandhom l-isticker tal-logo Proġett Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid sena b'sena min ta approvazzjoni u kemm ġew jiswew l-istickers bil-logo ta' 'Proġett Għawdex' li saru fuq diversi vetturi proprjetà tal-Ministeru għal Għawdex f'dawn l-aħħar tliet snin u nofs? Jista’ jgħid kemm hemm ħsieb li jintefqu flus matul is-sena 2021 biex iktar vetturi proprjetà tal-Ministeru għal Għawdex ikollhom fuqhom l-istickers il-logo ta' Proġett Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2018 kienet intefqet is-somma ta’ € 1,327.50 fuq dawn l-istickers.
Ta’ Sannat – Triq it-Tabib Anton Tabone — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ħa jibda x-xogħol (xahar u sena) biex tinbena mill-ġdid parti minn Triq it-Tabib Anton Tabone (imsejħa wkoll bħala l-Qasam) li twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat, peress li din il-parti tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna u għal xi raġuni ma saritx mal-parti ta' fuq tal-istess triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin, wara li titlesta it-Triq ta’ Sannat.
Ministeru għal Għawdex — position of trust – persuni mlaqqma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, sal-15 ta’ Marzu kemm ġew imlaqqma persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru tiegħu jew f’xi entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, minbarra li dak li qed jitlob hu jikkostitwixxi għal tagħrif personali, il-Ministeru m’għamilx rakkomandazzjonijiet biex jitlaqqmu xi ħaddiema minn tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex jaħdmu ġewwa d-dry standing area ġewwa ż-Żewwieqa fil-Port tal-Imġarr u xi gradi huma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament ma hemmx ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex ġewwa d-dry standing area fiż-Żewwieqa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il twelid kien hemm f’Għawdex kull sena mis-sena 2016 sas-sena 2021? Jista’ jgħid minn dawn it-twelid kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li t-tnejn kienu ċittadini Maltin? Kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li huma t-tnejn ta’ ċittadinanza barranija u kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li wieħed jew waħda huma ċittadini Maltin u l-ġenitur l-ieħor huwa ċittadin barrani?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha tintalab lill-Ministeru kkonċernat.
Għajnsielem — Dar tal-Anzjani - postijiet ta' parkeġġi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ser ikollu postijiet ta' parkeġġi id-Dar tal-Anzjani f'Għajnsielem, Għawdex? Jista' jikkonferma li l-kuriduri ta' din id-dar huma dojoq u ma jippermettux li jgħaddi stretcher minn ġo fihom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Għawdex – Ċittaddella – rampa fi Pjazza Katidral — passi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jieħu u ħa l-Ministeru tiegħu biex issa li ġie stabbilit li r-rampa li saret fi Pjazza Katidral fiċ-Ċittadella f'Għawdex mhix skont il-guidelines Access for All tittranġa u tkun skont dawn il-guidelines? Ma jaħsibx il-Ministru li dan proġett tal-Gvern li huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea kellu jkun ta' eżempju kif ikun aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment għall-persuni bi problemi ta' mobilità?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rampa li hemm fil-Pjazza tal-Katidral fiċ-Ċittadella saret skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-permess approvat mill-MEPA tal-2011: PA00656/11. Infakkar li r-rampa msemmija ġiet imtawla skont il-permessi ndikati sabiex tkun aktar aċċessibbli, kemm għal vetturi li joffru servizzi kif ukoll mijiet ta’ viżitaturi li jżuru l-post. Nassigura li l-flus minfuqa minn fondi Ewropej ġew investiti bl-aħjar mod u x-xogħlijiet li saru għamlu liċ-Ċittadella fil-maġġoranza assoluta aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment għal persuni bi problemi ta’ mobilità.