B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4550, jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proġett “Car Parks” li saret referenza għaliha fit-tweġiba għal dik il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li attwalment il-Gvern qed jaħdem fuq diversi proġetti ta’ ħolqien ta’ parkeġġi ġodda f’lokalitajiet differenti f’pajjiżna. Fosthom hemm il-proġett tal-parkeġġ il-ġdid f’Marsaxlokk lix-xogħol fuqu jinsab fi stadju avvanzat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4550, jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proġett “Transport Links” li saret referenza għaliha fit-tweġiba għal dik il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li attwalment il-Gvern qed jaħdem fuq il-proġett ta’ trasport alternattiv bil-baħar li mistenni jgħaqqad flimkien il-Belt Valletta mal-arterji ewlenin. Dan il-proġett mhux biss se jnaqqas il-volum tat-traffiku iżda se jnaqqas ukoll il-livelli tat-tniġġiż fl-arja. Dan il-proġett kiseb l-appoġġ tal-UNESCO li saħqet li dan il-proġett mhu se jkun ta’ l-ebda theddida għall-wirt storiku u arkitettoniku tal-Belt Valletta.
Projects Malta Ltd – Proġett Riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4550, jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proġett “Riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk” li saret referenza għaliha fit-tweġiba għal dik il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan ta’ dan il-proġett hu biex jissebbaħ il-villaġġ pittoresk ta’ Marsaxlokk u sabiex dan isir post aħjar għall-benefiċċju tar-residenti kif ukoll għat-turisti li jżuruh. Fl-ewwel fażi tlestew żewġ toroq u qed isir xogħol fuq parkeġġ ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn Tour Operators (outgoing) Għawdxin liċenzjati? Jista' jgħid min huma dawn it-tour operators u kemm minnhom huma covered mill-Insolvency Fund?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat mill-Awtorità għat-Turiżmu li f’Għawdex għandha 3 tour operators (outgoing) liċenzjati. Minn dawn tnejn huma koperti mill-fond għall-Insolvenza.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ proġetti li wettqet jew ħadmet fuqhom Projects Plus Ltd minn mindu twaqqfet sal-ġurnata ta’ din il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Din hija l-lista mitluba:
· Corradino Rugby Complex
· Birżebbuġa Regeneration Masterplan
· Birzebbuġa Multi-storey Car Park (Freeport)
· Freeport Social Responsibility Project
· Barts Medical School – Malta Enterprise Project
· St. Luke’s Hospital and Gozo General Hospital
· Marsaxlokk Regeneration
· Mrieħel Embellishment
Projects Plus Ltd – Persuni li jaħdmu fil-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħaddem persuni magħha, direttament jew indirettament, il-kumpanija Projects Plus Ltd li taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-kumpanija msemmija timpjega 20 persuna magħha.
Projects Plus Ltd – proċedura ta’ għażla ta’ ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid b’liema proċedura ntgħażlu l-persuni li jaħdmu ma’ Projects Plus Ltd?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 2 persuni ġew detailed mis-servizz pubbliku, 3 persuni ġew redeployed minn ma’ kumpanija tal-Gvern, persuna waħda hija mislufa minn entita’ tal-Gvern u 14-il persuna ġew impjegat bil-proċess indikat taħt il-proċeduri tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentatment hemm Commercial & General Consultant, Advisorfuq PPPs u Legal Advisor ingaġġati mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi.
Projects Malta Ltd – CEO – kundizzjonijiet tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-CEO ta’ Projects Malta Ltd, inkluż salarju u perkaċċi oħra marbuta mal-ingaġġ tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ta’ impjieg tal-persuna msemmija huwa soġġett għal kundizzjoni li torbot lill-partijiet b’obbligu ta’ kunfidenzjalità reċiproka.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ proġetti li wettqet jew ħadmet fuqhom Projects Malta Ltd minn mindu twaqqfet sal-ġurnata ta’ din il-mistoqsija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-era ta’ tkabbir ekonomiku li pajjiżna għaddej minnu bħalissa, Projects Malta għaddejja b’diversi xogħlijiet fuq proġetti varji f’setturi differenti bħal:
· ITS
· Mtarfa International School
· Bajjiet
· Car Parks
· Transport Links
· Riġenerazzjoni ta’ M’Xlokk
· Gozo & St Luke’s Healthcare Concession
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jmexxu l-entità pubblika Projects Plus Ltd? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-ingaġġ tagħhom, inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ ingaġġ tagħhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4548 u 4549.
Projects Plus Ltd – CEO – kundizzjonijiet tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-CEO ta’ Projects Plus Ltd li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, inkluż salarju u perkaċċi oħra marbuta mal-ingaġġ tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ta’ mpjieg tal-persuna msemmija huwa soġġett għal kundizzjoni li torbot lill-partijiet b’obbligu ta’ kunfidenzjalità reċiproka.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ ingaġġ tas-CEO ta’ Projects Plus Ltd li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul in-negozjati li kellu mal-Vitals Global Healthcare, matul il-leġiżlatura li għaddiet, kienx involva lis-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru tiegħu ta’ dak iż-żmien, l-Onor. Chris Fearne?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati saru minn teams tekniċi. L-istakeholders prinċipali fil-Ministeru, kemm politiċi, tekniċi, amministrattivi, kienu jinżammu aġġornati bl-andament tan-negozjati, kif kien aġġornat ukoll il-Kabinett tal-Ministri li ta approvazzjoni aħħarija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx iltaqa’ mal-persuni tal-Vitals Global Healthcare qabel ma ħareġ it-tender?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm jiena bħala Ministru dak iż-żmien, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa dak iż-żmien, konna preżenti għal preżentazzjoni ta’ proposta għall-investiment fi strutturi fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex. Din il-preżentazzjoni saret lill-Malta Enterprise minn promoturi tal-proġett. Il-Gvern kien però iddeċieda li l-ħtiġijiet ta’ Malta huma differenti u għalhekk għandu jfittex proposti t’investiment differenti u aktar ħolistici li jmorru lil’ hinn mill-isptar t’Għawdex.
Il-Gvern ħareġ sejħa pubblika li kien qed ifittex investiment mhux biss għall-isptar t’Għawdex imma wkoll għall-isptar ta’ St Luke’s u Karin Grech sabiex jolqot il-ħtiġijiet tal-pajjiż.
Vitals Global Healthcare – Bord tal-Aġġudikazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kien kompost il-Bord tal-Aġġudikazzjoni li ddeċieda favur il-Vitals Global Healthcare? Jista’ jagħti d-dettalji tal-ismijiet, kif ukoll min ħatarhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Jekk bl-espressjoni “li ddeċieda favur” l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-Bord li evalwa l-offerti għat-tmexxija ta’ ċerti servizzi ta’ kura fl-isptarijiet, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord ta’ Evalwazzjoni kien kompost minn persuni maħtura mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Enerġija minn fost persuni b’esperjenza fil-qasam tal-proġetti pubbliċi u tas-saħħa, u li għandhom l-indipendenza tal-ġudizzju meħtieġa biex iwettqu dik il-funzjoni, u dan kif dejjem isir.
Peress li l-membri tal-Bord jaġixxu fil-mansjoni uffiċjali u mhux personali, il-Gvern ma jħossx li jkun korrett li d-data personali tal-individwi tiġi mxandra.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-Request for Proposals fis-settur tas-Saħħa li ħareġ il-Gvern fl-2015 u li eventwalment intrebaħ minn Vital Global Healthcare (VGH)?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokuemnt tas-sejħa għall-offerti kien disponibbli biss għal min wera interess, bl-akkwist tad-dokument relattiv soġġett għall-iffirmar ta’ non disclosure agreement minħabba n-natura sensittiva tal-informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jmexxu l-entità pubblika Projects Malta Ltd? X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-ingaġġ tagħhom, inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ ingaġġ tagħhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Projects Malta Ltd hija mmexxija minn Chairman Eżekuttiv li l-ingaġġ tiegħu huwa permezz ta’ kuntratt.