Jista' l-Ministru jispjega x'sar mill-pjan li kien qed jiġi miftiehem mill-Kunsill Lokali Rabat u l-Ministeru ftit snin ilu, biex mezzi tat-trasport goffi (coaches) jipparkjaw fi Triq l-Infetti taħt l-Imdina minflok fejn il-Villa Rumana waqt li jkunu qed jistennew turisti jżuru r-Rabat u l-Imdina, biex jonqos l-inkonvenjent kemm lir-residenti kif ukoll il-viżwal tal-lokalità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi ricentement il-parking tal-coaches fiz-zona tar-Roman Villa gie ri-organizzat u jidher li s-sistema qieghda tahdem b’mod efficjenti.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hux se tkun qed tiġi impjegata ma’ Infrastructure Malta? Jekk iva, x’se jkun ir-rwol tagħha u kemm se tkun ir-remunerazzjoni tagħha? Kif intgħażlet din il-persuna peress li ma kien hemm l-ebda sejħa pubblika?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata ġiet trasferita fuq il-kotba ta’ Infrastructure Malta minn entità oħra tal-Gvern u tokkupa kariga maniġerjali fl-istess livell tal-kariga oriġinali li kellha fl-entità indikata.
AIR MALTA — Ħaddiema trasferiti ma’ entitajiet taħt il-Ministeru responsabbli mit-Trasport
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ nies li kienu jaħdmu mal-Air Malta u li ġew trasferiti f’entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru responsabbli mit-Trasport? Fejn ġew impjegati; x’inhi l-kariga li ngħataw; x’inhi l-iskala; kemm hu s-salarju tagħhom u kemm fadlilhom snin servizz sakemm jiġu għall-età tal-irtirar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – Entitajiet – Nies fit-tmexxija li waslu biex jirtiraw
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kemm hemm nies li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta CEOs jew Heads li waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw l-entità tibqa’ għaddejja mingħajr ebda skossi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru ma hemm l-ebda CEO jew Head li waslu għall-età tal-irtirar.
Entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru – advisors impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista għal kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm huwa l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex huma biss it-toroq ta’ biswit l-istadium ġewwa Ta’ Qali li huma mdawla? Jaf il-Ministru li ż-żona minn fejn il-mini aircraft field sal-bidu ta’ Ta Qali, li hija żona frekwentata minn persuni li jmorru jimxu jew jiġġoggjaw, hija kompletament mudlama? Meta ser tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Fid-dawl tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1460, fejn intqal li x-xogħlijiet fuq il-promenade tal-Imsida ser jitlestew sal-aħħar ta’ Awwissu u fid-dawl tal-fatt li dawn għadhom ’il bogħod milli jitlestew, jista’ l-Ministru jispjega għaliex dawn ix-xogħlijiet għadhom ma tlestewx u meta jantiċipa issa li ser jitlestew?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett jinsab fi stadju avvanzat iżda kien hemm problemi loġistiċi min-naħa tal-kuntrattur fejn jidħlu provisti tal-materjal tal-pavimentar peress li dan qed jinġieb kollu minn barra minn Malta, kif ukoll nuqqas ta’ riżorsi umani. Barra minn hekk ix-xogħol ta’ pavimentar fuq il-parti viċin l-islipway, twaqqaf għal 15-il ġurnata minn nofs Settembru sal-bidu t’Ottubru biex jingħata ċans lis-sidien ta’ bċejjeċ tal-baħar jużaw l-islipway ħalli jtellgħu d-dgħajjes tagħhom għax-xitwa.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju tinsab Triq il-Mandraġġ, Birgu billi jidher li x-xogħol jinsab wieqaf?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta lestiet madwar tliet kwarti tal-proġett ta’ €5 miljun biex tagħti ħajja ġdida lill-mollijiet fl-inħawi ta’ Sally Port, il-Birgu, bi prominade ġdid li se jkompli jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera.
Ix-xogħlijiet, li bdew ftit aktar minn sena ilu, issa qed jidħlu fl-aħħar fażijiet tagħhom. It-tisħiħ u l-bini mill-ġdid tal-pedamenti tal-mollijiet, li kienu tkissru bil-maltemp, dalwaqt ikunu lesti. Bħalissa l-ħaddiema qed ilestu l-burdura ta’ barra tal-moll (cope beam) u bdew jibnu l-passaġġi, punti ta’ qsim pedonali, bankini u konok għall-arbuxelli u pjanti oħrajn li se jkomplu jsebbħu l-passaġġi tal-prominad ġdid.
Għaddej ukoll il-bini mill-ġdid ta’ żewġ skali u ta’ moll żgħir li jużaw is-sajjieda u d-dilettanti tad-dgħajjes f’dawn l-inħawi. Beda jasal ukoll fuq il-post il-ġebel tal-qawwi li qed jinqata’ minn barriera lokali biex fil-jiem li ġejjin jibda x-xogħol tal-pavimentar tal-bankini ġodda man-naħa tas-swar.
Dawn il-mollijiet, b’tul ta’ madwar sitt grawnds tal-futbol (600 metru) jinsabu fiż-żona magħrufa bħala Sally Port jew “It-Toqba”, taħt is-swar tal-Birgu u mal-ġenb tax-xatt tal-Kalkara. Ħafna partijiet mill-istrutturi tagħhom kienu ġarbu ħsarat kbar bil-maltemp matul is-snin. Il-mollijiet komplew tfarrku fil-grigalata kbira ta’ Frar 2019. Uħud spiċċaw f’riskju li jċedu, b’periklu għall-pubbliku.
Infrastructure Malta bniet mill-ġdid il-partijiet li tkissru, filwaqt li permezz ta’ tim t’għaddasa, irranġat partijiet oħra mill-istrutturi tal-moll taħt l-ilma li ma kienx hemm għalfejn jinħattu kompletament. Għal dawn ix-xogħlijiet użat 6,720 tunnellata konkos ta’ kwalità ogħla li jiflaħ aktar għall-elementi tal-baħar, sabiex il-mollijiet ġodda jservu aktar fit-tul.
Fil-ġimgħat li għaddew l-aġenzija naddfet din iż-żona minn għadd ta’ bastimenti żgħar li kienu tħallew mitluqin fuq il-mollijiet matul is-snin. Fost dawn kien hemm żewġ ilzuz (luzzu) u kajjik antiki li fuq pariri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ser jinżammu biex fil-futur jiġu restawrati.
It-tisbiħ ta’ dawn il-mollijiet qed isir f’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li se tkompli ssebbaħ il-prominad bi ġnien bil-bandli u b’bankijiet, dwal dekorattivi u installazzjonijiet oħrajn għall-kumdità tal-pubbliku. Il-Korporazzjoni qed tagħmel tisbiħ simili ukoll max-Xatt tal-Kalkara, quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ din il-lokalità.
Il-prominad ġdid ta’ Sally Port jinfed ukoll mal-Waterfront tal-Birgu fuq in-naħa l-oħra ta’ Forti Sant Anġlu, biex b’hekk joħloq rotta għall-mixi mill-isbaħ li tieħdok min-naħa ta’ Bighi fil-Kalkara lejn il-marina tal-Birgu, l-inħawi tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, u tul ix-xatt tal-Isla sa ħdejn Boiler Wharf, taħt Ġnien il-Gardjola. Ix-xogħlijiet kollha mistennija jkunu lesti kmieni s-sena d-dieħla.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1488, jista’ l-Ministru jindika jekk ingħatax widen għat-talbiet tar-residenti ta’ Triq San Leonardu, Ħaż-Żabbar wara li saret it-triq u b’inkonvenjent għalihom tneħħa l-parkeġġ li kien hemm?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata seduta oħra.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – Segretarju Permanenti – pakkett finanzjarju u kwalifiki akkademiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tiegħu? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġiżlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bijografija tas-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid bil-wisa' massimu permissibbli ta’ triq biex din tkun two-way road? Jista’ jikkonferma li ma saret l-ebda talba mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex Triq Dun Franġisk Sciberras issir one way street?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skond il-Policy tal-Awtorita fil-każ ta’ aċċess lokali li jintuża minn inqas min 500 karozza fis-siegħa, mingħajr parkeġġ, it triq għandha tkun wiesgħa 6.00m. Fil-każ ta’ parkeġġ fuq naħa waħda, it-triq għandha tkun wiesgħa tal-inqas 8.00m, filwaqt li fil-każ ta’ parkeġġ fuq żewġ naħat il-minimu neċessarju huwa ta’ 10.0m.
Fir-rigward ta’ Triq Frangisk Sciberras, l-Awtorita’ tikkonferma li kellha talba għal ‘endorsement’ mill-Kunsill Lokali ta’ proposta għal ‘one way scheme’, li tinkludi din it-triq.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (FARRUGIA, AARON)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 65 ħaddiema fuq telework u m’hemm l-ebda haddiema li jahdmu bir-remote working fil-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta għandhiex il-ħsieb illi tasfalta Triq in-Nagħal il-Marsa u jekk iva, meta se jsir dan ix-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel ħames xhur tal-2022, ir-raba’ sena tal-programm nazzjonali għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 90 triq residenzjali li flimkien iġibu 19-il kilometru oħra ta’ toroq b’infrastruttura ta’ kwalità ogħla. Dan ifisser medja t’erba’ toroq fil-ġimgħa kif kienet fl-2021 li matulha l-aġenzija lestiet 220 triq residenzjali.
Infrastructure Malta tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li kompliet għaddejja bi proġetti kbar f’toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, ukoll b’ħidma ta’ titjib tat-toroq rurali u programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn.
Fil-Marsa l-aġenzija għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kungress Marjan, Triq Dom Mintoff, Triq Diċembru 13, Triq Aldo Moro, Triq il-Ħaddiema, triq li twassal għall-fabbriki fil-qasam industrijali, Triq il-Marsa, Triq Nicolo Isouard, Triq Moll il-Braken, Il-Moll tal-Pont, Il-Moll tal-Ħatab, Triq il-Ġerrejja, Triq is-Serkin, Belt il-Ħażna, Triq Ġuże Flores, Triq il-Pitkali, Triq il-Biċċerija, Xatt iċ-Ċangaturi u bniet pont pedonali fi Triq it-Tiġrija.
Fil-Marsa l-aġenzija wettqet ukoll l-akbar proġett infrastrutturali li qatt sar fit-toroq ta’ pajjiżna, Marsa Junction Project b’investiment ta’ €70 miljun biex tnaqqas il-ħin fl-invvjaġġar b’79% u sa 70% mit-tniġġis tal-ajra fl-iżjed żona li minnha jivvjaġġaw persuni, tul ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta.
Fost proġetti oħrajn li għaddejjin bħalissa, Infrastructure Malta qed twettaq il-Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) li huwa investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun li jinkludi l-iżvilupp tat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port. B’dan il-proġett se jonqos b’90% t-tniġġis tal-ajra kkawżat minn dawn il-vapuri u b’hekk Infrastructure Malta qed tagħti arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.
It-triq indikata, Triq in-Nagħal, diġà hija ppjanata biex isiru xogħlijiet fiha mill-aġenzija fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-triq indikata bħala Tal-Barrani li tinsab però fuq il-parti ta’ ġewwa ta’ Ħal Tarxien, ser tiġi asfaltata mill-ġdid minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta diġà kellha ppjanat biex il-parti tat-triq indikata tiġi asfaltata mill-ġdid fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jara li jintbagħtu esperti tat-traffiku fi Triq Villabate (l-aħħar parti tal-Marsascala bypass) biex jesploraw x’jista’ jsir minħabba xi karozzi li joħorġu minn Triq San Ġużepp Ħaż-Żabbar qed jaqsmu lejn iż-Żejtun minnflok jinżlu lejn Wied il-Għajn u dan sabiex jiġu evitati inċidenti tat-traffiku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qiegħda f’diskussjonijiet ma’ uffiċjali ta’ Infrastructure Malta biex esperti jesploraw il-possibililtà ta’ intervent fit toroq imsemmija.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – infiq ta’ flus f’reklamar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tiegħu jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1312 dwar speed cameras, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-linji gwida li qiegħed jirreferi għalihom u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji msemmija għal kull speed camera? F’kull każ, jista’ jagħti tagħrif dwar liema kien l-avviz legali li permezz tiegħu kull speed camera ġiet stabbilita? Billi l-ispeed limits indikati fir-risposta huma kważi kollha differenti min-national speed limit ta’ 80 km fis-siegħa, jista’ jinforma lill-Kamra dwar kif daħlu fis-seħħ l-istess speed limits?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kopja tal-linji gwida msemmija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ispeed cameras huma regolati minn LS 65.11, artiklu 127. Il-limitu tal-velocità jiġi stabbilit skont il-ġeometrija tat-triq fl-istadju tat-tfassil tal-istess triq skont is-setgħat mogħtija lill-istess awtorità u regolati minn CAP 499 u CAP 65. Fil-linji gwida mehmuża wieħed jista` jsib skeda tal-limitu tal- velocità wara li saru s-surveys meħtieġa. Jista` jagħti l-każ li jkun hemm bdil fil-limitu tal- velocità wara ċertu żmien u dan wara li jsir assessjar mill-ġdid minħabba tibdil fit-triq bħal rikostruzzjoni jew bdil fl-allinjament. Ninforma wkoll li r-regolamenti jippermettu li l-limitu tal- velocità jkun differenti mill- velocità nazzjonali skont SL 65.11, artiklu 127 (2).
Attachments:1_Speed Management on Roads - Policy and Guidance PQ 2007.pdf
High Voltage Shore Connection System in the Grand Harbour — Kumpanija li rebħet it-tender
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1721, peress li l-mistoqsija ma kenitx qed titlob lista tar-rekwiżiti li talab it-tender, imma lista tat-tliet persuni, isem u kunjom, li llum qed jaġixxu bħala Key Experts (Team Leader, Resident Engineer u Electrical Engineer) fuq il-proġett, u x'kienu l-kwalifiċi u l-esperjenza li kull wieħed minnhom individwalment issottometta li għandu, jista' l-Ministru jippubblika dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-ismijiet li qed jagixxu bhala Key Expert huma dawn:
· Muhammad Abbesi - Team Leader (Project and Quality Assurance Manager):
· Suraj Koshy - Resident Engineer:
· Ing. Joseph Azzopardi Electrical Engineer
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra ir-risposta tabella bil kwalifici ta kull wiehed minnhom.