Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – Masterplan – tħejjija ta’ proġetti ta’ toroq

Question

B’referenza għall-Masterplan 2015 ta’ Transport Malta dwar it-tħejjija ta’ proġetti ta’ toroq li kienu mitluba mill-Unjoni Ewropea biex jingħataw fondi, b’mod partikolari għal paġna 225, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li t-triq arterjali ta’ Ħ’Attard li kienet fl-aħħar tal-lista issa hi prijorità tal-Ministeru biex issir minnufih? Xi studji kienu saru dak iż-żmien meta kienet qed tiġi ppreparata l-lista tat-toroq biex issir il-klassifikazzjoni ta’ prijorità li għandhom jingħataw? Dan għadu jgħodd?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità għall-Ippjanar – pjan lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġu riveduti l-pjani lokali mill-Awtorità għall-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti.

Awtorità għall-Ippjanar — sottomissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku lill-Awtorità għall-Ippjanar bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjani lokali mill-istess Awtorità?

Response (BORG, IAN)

L-Awtorità tal-Ippjanar wettqet numru kbir ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-pjani lokali u għalhekk huwa meħtieġ li l-Onor. Interpellant jindika għal liema konsultazzjoni u dwar liema pjan lokali qed jirreferi.

Transport Malta – Iż-Żejtun, Marsaxlokk u Marsaskala – pjanijiet għal irranġar ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq rurali fl-inħawi taż-Żejtun, Marsaxlokk u Marsaskala, li qegħdin fil-pjani ta’ Transport Malta jew tal-Aġenzija li qed tiġi mwaqqfa għat-toroq, biex jingħataw wiċċ ġdid minħabba li stat ħażin li jinsabu fih?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun – proċess ta’ tendering għal bini mill-ġdid tal-arterja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tat-tendering għall-bini mill-ġdid tal-arterja ewlenija li tgħaqqad Ħaż-Żabbar maż-Żejtun u meta huwa maħsub li jinbeda x-xogħol f’din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess sabiex tinbena mill-ġdid Triq Bormla, jew kif inhi magħrufa, it-Triq taċ-Ċawsli, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, beda f’Lulju li għadda, meta nħarġet is-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet meħtieġa. Wara li ntagħżlet l-aħjar offerta, wieħed mill-kuntratturi mhux magħżula appella d-deċiżjoni. Għalhekk, ix-xogħol għadu ma jistax jibda. Ninsab infurmat li s-smiegħ tal-appell mistenni jintemm dalwaqt, sabiex din it-triq ewlenija fin-naħa t’isfel tal-pajjiż tkun tista’ tinbena mill-ġdid mill-aktar fis.

Bajja ta’ San Ġorġ – użu ta’ art pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konċessjoni mogħtija lis-sidien tal-hotel li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-użu ta’ art pubblika (coastline) ġewwa l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-konċessjoni mogħtija lis-sidien tal-hotel li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-użu ta’ art pubblika (coastline) ġewwa l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville, hija aċċessibli għall-pubbliku u tista’ tinkiseb mingħand in-Nutar tal-Gvern. L-informazzjoni mitluba tinsab f’Att nru. 89, fl-atti tan-Nutar Vincent Miceli, datat 15 ta’ April 2005, kif ukoll permezz tal-Att nru. 77, fl-atti tan-Nutar Vincent Miceli, datat 10 ta’ Mejju 2006. Flimkien ma’ dan imsemmi, l-emfitewta ngħata encroachment permit fl-2012 biex jokkupa żewġ siti adjaċenti.

Bajja ta’ San Ġorġ – xogħlijiet — permessi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi li jirregolaw ix-xogħlijiet li saru, u li qed isiru mis-sidien tal-hotel li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq art pubblika fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini ma rċieva ebda dokumentazzjoni kif stipulat fl-Avviz Legali 72/2013 peress li l-imkien imsemmi m’għandu ebda proprjetà kontigwa* tmiss miegħu *proprjetà li tmiss mal-proprjeta’ li tmiss magħha

Għawdex – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-toroq f’Għawdex li hu maħsub li ser isir xogħol fuqhom u l-pjanijiet għal toroq ġodda, matul din is-sena u s-sena d-dieħla?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba moghtija ghall-mistoqsija parlamentari 5010.

Il-Belt Valletta – vetturi kummerċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu vetturi kummerċjali fil-Belt Valletta matul is-snin 2015, 2016 u 2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numri ta’ vetturi kummerċjali li daħlu fil-Belt Valletta matul is-snin 2015, 2016 u 2017 kienu dawn li ġejjin: 2015: 452,222 2016: 491,564 2017: 457,230 Dawn in-numri jinkludu dħul ta’ aktar minn darba tal-istess vetturi fl-istess ġurnata. Għall-fini ta’ din ir-risposta, vetturi kummerċjali huma vetturi tal-ġarr tal-merkanzija żgħar, medji u kbar, inklużi vetturi bi skop speċjali, li l-ogħla massa permissibbli tagħhom tvarja bejn dawk ta’ mhux iżjed minn 3.5 tunnellati, ta’ aktar minn 3.5 tunnellati iżda ta’ mhux iżjed minn 12-il tunnellata, u ta’ aktar minn 12-il tunnellata.

Ħ’Attard – Triq iż-Żagħfran – parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5996 u jgħid jekk hijiex qed tiġi kkunsidrata li fiż-żona tal-Gold Market, fi Triq iż-Żagħfran, ġewwa Ħ'Attard ma jkunx hemm ipparkeġġar ta' vetturi fil-ħin li jinġemgħa t-traffiku? Jista’ jgħid x’miżuri qed jieħu bħalissa l-Gvern biex minn issa jitnaqqas it-traffiku? Jista’ jgħid jekk hux qed jintbagħtu pulizija tat-traffic, ħaddiema/uffiċjali ta’ Transport Malta jew wardens biex imexxu t-traffiku f’Ħ’Attard speċjalment ħdejn l-Attard Farm Supplies fi Triq l-Imdina u fi triq li minn Ħ’Attard tmur lejn Ħaż-Żebbuġ, fi Triq Nutar Zarb u fi Triq il-Linja kantuniera ma’ Triq il-Linja? Jista’ jgħid meta u x’ħin f’dan l-aħħar xahar kien qed ikun hemm uffiċjali ta' Transport Malta/Pulizija, fil-ħin li jinġemgħa t-traffiku speċjalment filgħodu fiż-żoni msemmija f’Ħ'Attard sabiex jiġu osservati t-traffic lights u jieħdu ħsieb il-flow tat-traffiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din iż-żona ilha tiġi diskussa sa mill-2016 b’soluzzjonijiet, uħud minnhom kif qiegħed jgħid l-istess Onorevoli Agius. Il- Kunsill Lokali ma kienx qed jaqbel kompletament mat-tibdiliet li kienet qed tissugerixxi Transport Malta, inkluż li jitneħħa l-parking kif indikat f’din l-istess Mistoqsija Parlamentari. Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda, jiġifieri jekk jintbagħtux Ufficjali fil-post, ninforma lill-Onor. Interpellant li tali responsabilità taqa f’idejn il-Pulizija tat-Traffiku u kull direzzjoni lill-UffiĊjali ta’ Transport Malta ukoll tingħata mill-Pulizija. Infurmat li meta taħt pressjoni qawwija ta’ traffiku, fuq il-post xi drabi ntbagħat mutur biex jgħin titaffa l-konġestjoni.

Nofsinhar ta’ Malta — Toroq - Irranġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq fin-Nofsinhar ta’ Malta hemm il-ħsieb li jiġu rranġati (resurfaced) jew magħmula mill-ġdid f’dawn is-sitt xhur li ġejjin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – social media advertising — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq social media advertising, però maqsuma skont Facebook, Instagram, YouTube, Twitter, Google eċċ, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba mi-21 ta’Ottubru 2017 sal-31 ta’ Mejju 2018 hija kif murija fit-tabella sussegwenti:- Nixtieq nghid wkoll li dettalji minn Marzu 2013 sa 20 ta' Ottubru 2017 - diġa ingħataw fuq PQ 252 f'Seduta 42. Dipartiment / Entita' / Agenzija: 21 ta' Ottubru 2017 - Dicembru 2017 * € Jannar - April 2018* € social media advertising Transport Malta 4311.85 0 Google 8739.83 940.33 FB Planning Authority 0.00 4410.00 FB MTIP 0.00 472.00 FB 06/06/2018 *Minn Marzu 2013 sa 20 ta' Ottubru 2017 - il-figuri/nefqa diġa ingħatat fuq PQ 252 f'Seduta 42

Bord li Jirregola l-Bini – ħatra ta’ sottokumitati

Question

Jista l-Ministru jgħid liema huma s-sottokumitati maħtura mill-Bord li Jirregola l-Bini skont dak li jipprovdi l-artikolu 3 (10) tal-Att dwar ir-Regolament tal-Bini (Kap. 513 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid għal kull sottokumitat, meta dan ġie maħtur, min huma l-membri tiegħu u x'rapporti tekniċi u/jew xi proċeduri identifikaw sabiex jiġu adottati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord li jirregola l-Bini ħatar diversi working groups/sottokumitati biex jindirizzaw diversi materji li kienu qed jiġu diskussi. Hawn taħt għandek il- membri u s-sena ta’ meta ġew maħtura s-sottokumitati u r rapport li saru jew li qed isiru kif mitlub. 2013 Masons working group Draft Legal notice presentat lill-BRO u l-Ministru għal approvazzjoni Membri - Perit Samuel Formosa, Perit Philip Grech, Perit Simone Vella Lenicker 2013 - 2014 BRB office and remuneration working group – riżolt Membri - Perit Samuel Formosa, Mr Anthony Camilleri 2014 NZEB working group Id-dokument intbgħat lill-Bord li Jirregola l-Bini. Ir-rapport kien konkluż u mibgħut lil Kummissjoni Ewropea. Membri - Perit Michelle Piccinino, Perit Simone Vella Lenicker, Ing Johann Psaila 2014 AC & Heating Inspections – Id-dokument intbgħat lill-Bord li Jirregola l-Bini. Ir-rapport konkluż u eventwalment inkluż fil-Published Revised Guidance F preżentat lill-BRO. Membri - Ing Johann Psaila u rapprezentatnti tal-BRO 2014 - 2015 LN 376/12 revision working group mal-BRO Abbozz tal-Avviż Legali preżentat lil BRO u l-Ministru għal approvazzjoni finali. Avviż Legali publikat riċentament LN 47 /18. Membri - Perit Samuel Formosa, Ing Johann Psaila, Perit Philip Grech 2014 - 2015 LN 72/13 revision working group mal-BRO Abbozz tal-Avviż Legali preżentat lil BRO u l-Ministru għal approvazzjoni finali. Membri - Perit Samuel Formosa, Mr Sandro Chetcuti 2014 - 2015 Technical Guidance F - revision working group mal-BRO Revised Guidance F prezentat lill-BRO Revised Technical Guidance F (Part 1, Part 2) maħruġ fl-2016. Membri – Ing. Johann Psaila, Perit Philip Grech and raprezentanti tal-BRO 2015 Technical Building System – sotto kumitat mal-BRO Minimum requirements for Technical Building Systems - għandu jkun maħruġ mal-Guidance of Technical F preżentat lill-BRO Revised Technical Guidance F (Part 1, Part 2) maħruġ fl-2016. Membri – Ing. Johann Psaila u rappreżentanti tal-BRO 2016 - 2017 Article 4 of EED Directive 2012 / 12 working group Ir-rapport preparat u mibgħut lil Ministru u l-EU Secretariat. Ir-rapport konluż u mibgħut lill-Kummissjoni tal-Unjonu Ewropea Membri - Perit Samuel Formosa, Ing. Johann Psaila 2017 - 2018 Article 5 of EED Directive 2012 / 12 working group flimkien ma’ professjonisti mill-Works Department – Implimentazzjoni tad-Direttiva fil-proċess Membri - Perit Samuel Formosa, Ing. Johann Psaila, Mr Emmanuel Zahra

Bord li Jirregola l-Bini – Ħatra ta’ Kumitat tal-Appelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex mitlub mill-Bord li Jirregola l-Bini sabiex jaħtar Kumitat tal-Appelli skont dak li jipprovdi l-artikolu 10 tal-Att dwar ir-Regolament tal-Bini (Kap. 513 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jekk iva, jista' jgħid min huma l-membri tal-Kumitat tal-Appelli u jagħti għal kull wieħed minnhom id-data ta' meta ġie maħtur?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-artikolu 3(11) tal-Att dwar ir-Regolament tal-Bini jaqra kif ġej: 3(11) Jekk ikun hemm il-bżonn, il-Bord jista’ jitlob lill-Ministru jaħtar Kumitat tal-Appelli li jkun magħmul minn mhux inqas minn tlieta u mhux aktar minn ħames membri oħra, li wieħed minnhom ikun maħtur minn fost il-membri tal-Bord, li jkun Chairperson u li jippresjedi l-laqgħat tal-Kumitat. Il-membri tal-Kumitat tal-Appelli għandhom jinħatru mill-Ministru għal żmien ta’ tliet snin u jistgħu hekk jerġgħu jinħatru għal perjodi oħra hekk kif il-Ministru jista’ jqis li jkun xieraq. Għaldaqstant ninforma lil Onor. Interpellant li qatt ma saret din it-talba.

Ħ’Attard – Triq Tumas Chetcuti, Oliver Agius, u Ferdinand Inglott – emissjonijiet ta’ carbon monoxide

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-emissjonijiet ta' carbon monoxide f’Triq Ferdinand Inglott, Triq Tumas Chetcuti u Triq Oliver Agius, f’Ħ'Attard? Jista’ jippubblika l-istudji li saru?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema studji qed jirreferi.

Reġistrazzjoni tal-Artijiet f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1737 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: L-artijiet f'Malta u Għawdex għadhom mhux kollha rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku tal-Artijiet. Nifhem li mhijiex ħidma faċli, imma jekk kull biċċa art tkun reġistrata jkun ġie ssimplifikat proċess ta' riċerka burokratika u jiġu ffrankati ħafna flus lil terzi. X'inhi l-prijorità li għandu l-Gvern għal din il-ħidma f'din il-leġislatura? X'inhi l-istrateġija dwar dan ir-Reġistru? Hemm time frames? Kemm huma bħala persentaġġ dawk l-artijiet li huma rreġistrati? Kemm hemm impjegati li jaħdmu f'din it-taqsima proprju biex jirreġistraw l-art?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li jrid jingħad illi sest minn Malta u nofs minn Għawdex huwa ddikjarat bħala area ta’ reġistrazzjoni u għaldaqstant kull nutar li jippubblika kuntratti li fiha jkun hemm proprjeta’ li qiegħda f’dawn iż-żoni, ikun obbligat jirreġistra din il-proprjeta’. Minbarra l-proprjeta’ li hemm l-obbligu tar-registrazzjoni, ċioe dawk f’ żona ta’ reġistrazzjoni, qegħdin jiġu rreġistrati wkoll il-proprjetajiet li jappartjenu lill-Gvern kif ukoll il-proprjeta’ msemmija f’Kap. 358 (Att dwar Proprjeta ta’ Entitajiet Ekkleżjastiċi). Wara snin ta’ telqa, il-Gvern qiegħed fil-proċess li jirristruttura dan id-Dipartiment ħalli jkun il-mutur ewlieni fil-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ proprjeta’, għaldaqstant, fi żmien qarib, ħa ssir struttura ġdida kemm f’dak li jirrigwardja l-impjegati kif ukoll f’dak li jirrigwarda sistemi ta’ registrazzjoni. Id-Dipartimet qiegħed fil-proċess li jinħargu tenders permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex jinxtara hardware modern u ssir sistema kompjuterizzata ġdida, liema sistema hija ntenzjonata li tkun waħda paperless u liema tenders għandhom jinkludu wkoll ix-xogħol li għandu jsir sabiex ikun hemm it-transpożizzjoni u t-trasfermiment tal-parcels u d-data li hemm fuq is-sistema preżenti għal fuq is-sistema l-ġdida. Huwa maħsub li dan il-proċess ikun lest fl-aħħar tas-sena 2021. B‘din is-sistema l-ġdida, huwa antiċipat illi s-sistema għar-registrazzjoni tiġi faċilitata u titħaffef u allura tagħmilha possibbli li tkun miftuħa għall-interita’ ta’ Malta u Għawdex. Għalkemm il-liġi dwar ir-Registru tal-Artijiet daħlet fis-seħħ fl-1981, wasal iż-żmien li l-Gvern jagħti l-importanza xierqa lir-rwol li qiegħed jaqdi dan id-dipartiment b’ inizjattivi ġodda kif indikat f’ din ir-risposta u dan sabiex verament joffri servizzi aktar faċli u b’ anqas spejjeż, ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ propjeta bħal ma’ hemm f’ pajjizi oħra Ewropej. Fis-sistema preżenti, ġewwa Malta u Għawdex hemm total ta’ 60,727 parcels ta’ proprjeta’ rreġistrata, li komplessivament ikopru area ta’ 157.03 kilometri kwadri. Din id-data m’hix aċċessibbli mis-sistema preżenti imma ġiet kompilata permezz ta’ analiżi li saret f’Diċembru, 2017. In-numru totali ta’ impjegati fir-Reġistru tal-Artijiet huma 35, ċjoe’ 28 impjegat fl-uffiċċju ta’ Malta u 7 impjegati fl-uffiċċju ta’ Għawdex.

Awtorità tal-Artijiet – negozjati ma’ lukanda

Question

B’referenza għal-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u n-negozjati li qed isiru mal-Awtorità tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu dawn in-negozjati? X’inhu l-eżitu ta’ dan il-ftehim? X’inhu l-gwadann pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-dawl tal-azzjonijiet meħudha fil-passat u fl-ambjent ekonomiku preżenti, l-Awtorita qiegħdha tevalwa d-diversi aspetti fl-interess tal-Gvern.

Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar- applikazzjonijiet għall-proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm u fiex jikkonsistu l-applikazzjonijiet għall-bini approvati jew pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar preżentement għaż-żona ta’ fejn qabel kien hemm iċ-Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar (biċ-ċentru indikat inkluż ukoll)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sabiex inkunu nistgħu nirrispondu din il-mistoqsija ikollna bżonn site-plantal-post in kwistjoni.

Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar – applikazzjoni għall-proġett

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti ppreżentati b’rabta mal-proġett li ser isir minflok il-bini li qabel kien iservi bħala ċentru tal-fieri fin-Naxxar u kif ukoll jgħid fiex waslet din l-istess applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6061 tal-istess Seduta.

In-Naxxar – Sqaq l-Imnieqa – xogħol ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni tant bżonnjuż fuq Sqaq l-Imnieqa fin-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija responsabilità tal-kunsill lokali ta’ din il-lokalità. Matul ix-xahar li għadda fil-Parlament bdejna d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta. Permezz ta’ din l-aġenzija, ser inwettqu l-pjan ta’ dan il-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż. B’mod gradwali, din l-aġenzija ser tkun qed tikkollabora mal-kunsilli lokali ħalli jinbnew mill-ġdid ukoll it-toroq residenzjali u toroq oħra li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-istess kunsilli lokali. Sfortunatament, fil-passat, dawn il-kunsilli lokali tgħabbew bir-responsabilità tal-manutenzjoni tat-toroq mingħajr ma ġew mgħejjuna bir-riżorsi tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex iwettqu dawn id-dmirijiet b’mod sħiħ. L-aġenzija ser tagħti wkoll priorità lil dawk it-toroq li baqgħu qatt ma ġew mibnija kif meħtieġ, biex dawn ukoll jiġu mibnija u miksija b’wiċċ ġdid kif meħtieġ. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jaħdem bla heda sabiex din l-aġenzija titwaqqaf mill-aktar fis. Permezz ta’ Infrastruttura Malta, pajji¿na ser ikollu ferm aktar riżorsi, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, prattiċi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq u standards ġodda ta’ sostenibilità u sigurtà, sabiex gradwalment niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità għolja, hekk kif jixraq lil Malta u Għawdex.