Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ftuħ taċ-ċentri tas-saħħa 24/7

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan li fil-futur qarib jibdew jinfetħu aktar ċentri tas-saħħa 24/7 u li jkun hemm preżenti tobba 24/7? Liema huma u minn meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel 6 xhur tas-sena 2023 se jinfetaħ Ċentru Vincent Moran ġewwa Raħal Ġdid u dan se jagħti servizz 24/7.

National Mental Health Strategy 2020-2030 — proġett ta’ sptar ġdid

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema stadju wasal il-proġett ta’ sptar ġdid ta’ 120 sodda qrib l-Isptar Mater Dei għat-terapija akuta fil-qasam tas-saħħa mentali li kien imwiegħed fil-punt 4.4.4 tan-National Mental Health Strategy 2020-2030 mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Awissu ta’ din is-sena ġie awarded il-kuntratt għat-tfassil tat-tender tal-isptar akut tal-psikjatrija. L-art fejn se jinbena dan l-isptar diġa għaddiet mill-Lands Department għad- Dipartiment tas-Saħħa.

Formolarju tal-mediċini – żieda ta’ mediċini li jintużaw fil-qasam tal-psikjatrija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il mediċina li tintuża fil-qasam tal-psikjatrija ġiet miżjuda fil-formolarju tal-Gvern wara l-wegħda li saret fid-19 ta’ Ottubru 2020 mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa? Jista’ jagħti lista ta’ dawn il-medicini?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi zewg mediċini ġodda għall-uzu fil-qasam tal-psikjatrija bħalissa qegħdin fil-proċess biex joħrog it-tender.

Mediċina Xeralto

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-pazjenti kollha li huma ordnati li jieħdu l-mediċina Xeralto minħabba xi kundizzjoni li għandhom, ikunu jistgħu jieħdu din il-mediċina b’xejn, irrispettivament mid-doża li jridu jieħdu? S’issa kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jieħdu din il-mediċina bla ħlas? X’inhi r-raġuni għala mhux il-pazjenti kollha li huma ordnati jieħdu din il-mediċina qegħdin jingħataw din il-mediċina bla ħlas? Kemm hu n-numru ta’ persuni li talbu li jingħataw din il-mediċina bla ħlas iżda din mhux tingħatalhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 4081 persuna li qed jieħdu din il-mediċina bla ħlas. Kull min hu intitolat għal din il-mediċina skont l-iskeda V jista jgawdi min din il-mediċina mingħajr ħlas.

Mediċina Golexin Implant 3.6mg

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2520 fejn ġie kkonfermat li bħalissa l-prodott imsemmi huwa disponibbli, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għal liema perjodi ma kienx disponibbli u jekk kienx hemm pazjenti li ġew milquta min-nuqqas tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 2520.

Infermiera minn pajjiżi barra mill-UE — nazzjonalità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi n-nazzjonalità tal-infermiera li ġejjin minn barra mill-UE u li ħallew pajjiżna minn Jannar 2020 sa Settembru 2022? (persentaġġi minn kull pajjiż)

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 2800 u 2802.

Servizz Pubbliku – Infermiera li reġgħu ġew ingaġġati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm infermiera li reġgħu ġew ingaġġati fis-Servizz Pubbliku minn Jannar 2020? Kemm minn dawn huma ta' nazzjonalità barra mill-UE?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mis-sena 2020 reġgħu ġew ingaġġati wara li kienu telqu s-servizz 38 infermiera li 5 minnhom huma ta' nazzjonalità barra mill-UE

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?

Response (FEARNE, CHRIS)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Carers full-time ma’ familjari b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali – kumpens monetarju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid hux qed jingħata kumpens monetarju lil familjari li jagħżlu li jkunu carers full-time ma’ familjari li jbatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali u liema kundizzjonijiet huma eliġibbli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuna tista' tapplika għal Carer's allowance jekk tkun mingħajr xogħol u tieħu ħsieb qarib. L-allowance tal-carer's tiġi deċi¿a minn bord multi-dixxiplinarju li jivvaluta kull applikazzjoni skont il-punteġġi tal-valutazzjoni medika tal-Indiċi Barthel jew il-Mini-Mental State Examination.

Carers full-time ma’ familjari b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk familjari li jitilqu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb persuni li jbatu minn saħħa mentali jingħatawx xi tip ta’ stipendju jew inċentiv biex jagħmlu dan?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Carers li kienu impjegati qabel ma applikaw għall-Carer's Allowance huma intitolati għal krediti ta' Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jekk: hu/hi jkun ħallas total ta’ 156 kontribuzzjoni; u hu/hi jkun ħallas jew ġie kkreditat b’medja ta’ mill-inqas 20 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali fis-sena minn meta għalaq it-18-il sena

Persuni li jbatu minn saħħa mentali — Day care centres

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm jeżistu day care centres tal-Gvern għal persuni li jbatu minn saħħa mentali? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema li jagħtu terapija u x’tinvolvi bħala terapija? Jista’ jghid kemm-il klijent jattendi dawn id-day care centres?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dawn jissejħu Ċentri ta Riabilitazzjoni tas-Saħħa Mentali u m’għadhomx jissejħu Day Care Centres. Hemm ħames Rehabilitation Centres. Persuni li bbenefikaw minn diversi programmi tal-occupational therapy bejn Jannar u Awissu 2022 kienu 658. Hemm 6 Occupational Therapists (FTE) u 10 careworkers (FTE). It-terapija li tingħatha hi terapija klinika u professjonali ta’ Occupational Therapy .

Saħħa mentali — Outreach nurses

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm jeżistu outreach nurses fis-settur tas-saħħa mentali, kemm għandhom pazjenti mniżżlin magħhom u liema partijiet ta’ Malta u Ghawdex huma koperti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-Settur tas-saħħa mentali hemm 25 Outreach nurses u total ta’ 397 każ. Dawn ikopru Malta kollha minn tliet timijiet li jinsabu fi tliet reġjuni differenti

Transcranial Magnetic Stimulation Machine

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-settur tas-saħħa pubbliku għandux Transcranial Magnetic Stimulation (TMS) machine u jekk hux qed tintuża? Jista’ jgħid kif isiru l-appuntamenti u kemm-il appuntament isir ta’ kuljum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-settur tas-saħħa pubblika għandu apparat ta Transcranial Magnetic Stimulation (TMS). Din il-magna tintuża biex jiġu trattati pazjenti li jbatu minn kondiżżjonijet bħal depression u “obsessive compulsive disorder”, għal dawk li jkunu reżistenti għat-trattament ta’ mediċina u terapija. Mill-1 ta’ Jannar 2022 sa l-aħħar ta’ Settembru 2022, saru b’kollox 2859 sessjoni ta’ trattament u 600 sessjoni ta’ valutazzjoni.

Donaturi tal-organi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala donaturi tal-organi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-lum hemm 26929 persuna rreġistrati bħala donaturi tal-organi.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — infiq f’reklamar fuq media

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed impoggi fuq il-medja tal-kamra rendikont ta kemm tħallsu flus mill-Ministeru għas-Saħħa mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet.

Crohn’s Disease — Pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti rreġistrati li jbatu bil-Crohn’s Disease?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi il-Crohn’s Disease u l-kundizzjoni tal- Ulcerative Colitis li kienu u¿ati qabel fil-Lista Formularja tal-Gvern, issa huma elenkati taħt kundizzjoni waħda, li hija ‘Mard Infjammatorju tal-Musrana u hemm 2543 pazjenti rreġistrati li jbatu b’dawn il-kundizzjonijiet.

Ulcerative Colitis – Pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti rreġistrati li jbatu bl-Ulcerative Colitis?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 2770

Mediċina għal Inflammatory Bowel Disease

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika liema mediċini msejħa Biologics qed jingħataw għal mard tal-Inflammatory Bowel Disease?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-prezent hemm zewġ medicini bijologiċi fuq il-formularju tal-gvern li jingħataw għall-mard infjammatorju tal-musrana u dawn huma Infliximab u Adalimumab.

Infermiera u Nutrionist iddedikati fuq pazjenti li jbatu mill-Inflammatory Bowel Disease

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jkun hemm infermiera u nutrionist iddedikati għal pazjenti li jbatu mill-Inflammatory Bowel Disease?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in- Nutritionists mhumiex il-professjonisti involuti. Huwa d-Dietician li jieħu t-tmexxija f’kundizzjonijiet bħal dawn. MDH hemm Dietician li l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu hija l-Gastroenteroloġija, u jagħti servizz lil individwi b’kundizzjonijiet bħal dawn. Hemm ukoll Senior Practice Nurse li jispeċjalizza fil-Gastroenteroloġija .

Servizz Pubbliku – infermiera li rriżenjaw

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm irriżenjaw infermiera kull sena mis-Servizz Pubbliku minn Jannar 2020 sa Settembru 2022?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fiż-żmien stipulat minnu, ħallew pajjiżna 185 infermiera minn pajjiżi terzi.