Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali – Servizz minn periti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-periti li taw servizzi lil kunsilli lokali mill-bidu tat-terminu tal-kunsill lokali u jgħid ukoll kif kienu ġew ingaġġati f’kull każ?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant tifhem li mistoqija parlamentari ta’ din ix-xorta li tkopri terminu ta’ żmien ta’ tletin sena tinvolvi ammont vast ħafna ta’ riżorsi u ħin, liema riżorsi u ħin jistgħu effetivament jiġu utilizzati b’mod ferm aktar produttiv. Għaldaqstant ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant tkun aktar speċifika fl-Interpellanza tagħha.

Marsaskala – Dawl fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba d-dawl fit-triq l-antika ta’ Marsaskala huwiex jinxtegħel regolarment, billi hemm ilmenti varji li ma huwiex u dan b’detriment għas-sewwieqa varji u dawk li jużawha?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali - Servizzi ta’ kumpanija privata

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, jgħid jekk xi entità fi ħdan id-dekasteru tagħha tatx xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, liema entità, meta u kemm swiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma ngħataw l-ebda forma ta’ kuntratt, jew ftehim ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija kkonċernata mill-entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu jew se jkunu qed jintefqu fl-2023? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u liema huma u jagħti break down tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Qala — Triq it-28 ta' April 1688 – Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12870, jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm huwa proġettat li ġie jiswa x-xogħol fuq Triq 28 ta' April 1688 fil-Qala, Għawdex u jekk għal dawn ix-xogħlijiet hux se jħallas il-Kunsill Lokali waħdu jew jekk hux se jħallas parti l-Kunsill u parti l-Ministeru u/jew entitajiet governattivi oħra? Jekk mhux il-Kunsill Lokali waħdu jista’ jgħid x'ser jitħallas minn entitajiet oħra governattivi skont il-Kunsill Lokali u kemm hu l-ammont li l-Kunsill għandu allokat għal dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsilli Lokali – Allokazzjoni għas-sena 2024

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser tkun l-allokazzjoni għal kull kunsill lokali għas-sena 2024 u jekk iż-żieda li ser jieħu kull kunsill hux ser tkun biżżejjed biex tkopri ż-żieda tal-għoli tal-ħajja kif ukoll l-għoli fil-prezzijiet tas-servizzi u materjal? Jista' jgħid ukoll matul dawn l-aħħar għaxar snin kemm kienet l-allokazzjoni ta' kull kunsill lokali maqsuma sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li t-tagħrif għadu qed jinġabar u dan minħabba li l-informazzjoni mitluba hi voluminuża.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Positions of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm-il persuna hemm ingaġġata fil-Ministeru tiegħu f’position of trust?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja, (persons of trust jew positions of trust), fil-Ministeru, hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħad-Dingli — Triq il-Kbira Sqaq Numru 4 – nuqqas ta' dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn m’hemmx dawl tat-triq fi Triq il-Kbira Sqaq Numru 4, f’Ħad-Dingli? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali Ħad-Dingli huwiex konxju ta’ dan in-nuqqas, li qiegħed jikkawża problemi lir-residenti li jgħixu f’dan l-isqaq u fil-madwar, u jekk allura ġiex diskuss waqt laqgħat tal-istess Kunsill Lokali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’azzjoni ttieħdet biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni u għalfejn ma wasslitx biex tissolva din l-iskumdità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli li l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ dawl fi ‘Triq il-Kbira, Sqaq Numru 4’ diġà kienet ġiet diskussa waqt laqgħa tal-istess Kunsill Lokali. Intant infurmat ukoll li dawn il-fanali twaħħlu matul il-ġimgħa li għaddiet, preċiżament nhar il-Erbgħa 29 ta’ Novembru 2023.

Raħal Ġdid – Ġnien Lorry Sant — Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2065, 5406 u 8488, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fi Ġnien Lorry Sant, f’Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid illi x-xogħlijiet fi Ġnien Lorry Sant waslu fi stadju avvanzat ħafna, tant illi nfurmat li l-inawgurazzjoni tal-Ġnien ser issir nhar l-Erbgħa 13 ta’ Diċembru.

Raħal Ġdid – Ġnien il-Mediterran — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlametari 13937.

San Pawl il-Baħar — Triq San Publiju - linji tat-toroq ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar awtorizzax li jsiru linji tat-toroq ġodda fi Triq San Publju (fil-parti bejn Triq San Ġużepp u Triq San Franġisk), f'San Pawl il-Baħar, hekk kif jidher li ser isir xi xogħol jew proġett f'din iż-żona? Fiex jikkonsisti x-xogħol jew proġett li minħabba fih saru dawn il-linji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-linji tat-toroq ġodda kkonċernati saru bl-awtorizzazzjoni tal-istess Kunsill sabiex ikun jista’ jsir il-‘hoarding’ minħabba l-proġett ta’ tisbiħ fiż-żona.

Il-Ġgantija – applikazzjoni għall-permess ta’ bini

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13647, jista’ l-Ministru jindika taħt liema regolamenti jew liġi l-Minuti tal-Kumitat Tekniku Nazzjonali tal-Wirt Dinji huma allegatament ipprivileġġjati?

Response (BONNICI, OWEN)

Bl-istess mod li f'diversi tweġibiet li ngħataw matul is-snin minn Ministri varji tad-diversi amministrazzjonijiet b'referenza għal talbiet li setgħu saru dwar pubblikazzjonijiet ta' minuti ta' Bordijiet varji (mhux neċessarjament dan il-kumitat).

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Deputati tal-Oppożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma d-Deputati tal-Oppożizzjoni li huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess maġġoritarju u ta' kontroll, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn qegħdin iservu u l-kariga li jokkupaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13997.

San Pawl il-Baħar — Torri Wignacourt - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jsiru xi xogħlijiet fuq it-Torri ta' Wignacourt hekk kif partijiet minnu jinsabu fi stat ħażin ħafna, tant li waqa' xi ġebel mill-istess torri u hemm ukoll barrikati (barriers) tal-Pulizija fuq il-post?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-Torri ta’ Wignacourt huwa taħt il-kustodja tal-għaqda non-governattiva Din l-Art Ħelwa, u huwa mistenni li tali kustodja tiġi mġedda fil-jiem li ġejjin. Infurmat ukoll li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kkomunikat ma’ Din l-Art Ħelwa, fejn din l-istess għaqda kkonfermat li ma rċeviet l-ebda rapport ta’ ġebel jaqa’. Intant infurmat li l-għaqda kkonċernata kienet qed tagħmel manutenzjoni tas-sit.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Servizzi ta’ kumpanija privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fi ħdan id-dekasteru tiegħu tatx xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill- kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, liema entità, meta u kemm swiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-unika entità li ngħatat servizz mill-kumpanija kkonċernata hija Teatru Manoel u dan hekk kif żewġ impjeġati ngħataw ECDL Training Course. Infurmat li l-prezz totali kien ta’ €600 eskluż l-VAT għal kull persuna.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu matul l-2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tad-direct orders li ngħataw matul is-sena 2023 u jgħid ukoll l-ammonti mħallsa, is-servizz provdut jew mitlub, u lil min ingħataw dawn id-direct orders?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Rabat – Triq it-Tabija – Panelli solari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun qed issir manutenzjoni fuq il-pannelli solari li jinsabu fuq bankina fi Triq it-Tabija, fir-Rabat, peress li ilhom xhur twal ma jaħdmux u huma ta’ periklu minħabba li dawn jiżolqu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsill Lokali San Ġwann – Laqgħa ta’ konsultazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13089, fejn jingħad li l-laqgħa pubblika tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann saret għall-istakeholders kollha, u peress li din tmur kontra t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12592, fejn jingħad li din il-laqgħa saret għal dawk l-entitajiet li jinsabu fi Triq Felice Borg, Misraħ Lewża, Misraħ Lourdes u Triq in-Narċis u li l-istedina għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni tqassmet by hand, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-entitajiet indikati fil-mistoqsija 13089 kellhomx huma wkoll stedina mqassma lilhom by hand għal din il-konsultazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi kien hemm żewġ laqgħat ta’ konsultazzjoni, u ċjoè: i. waħda għall-pubbliku u l-istakeholders ġenerali. Din saret referenza għaliha fi tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13089. Din saret fl-Urban Valley Resort fit-23 ta’ Frar, 2023; u ii. laqgħa oħra li kienet miftuħa biss għall-ħwienet u entitajiet kummerċjali li jinsabu fi Triq Felice Borg, Triq Narċis, Misraħ Lewża u Misraħ Lourdes. Din saret fit-22 ta’ Frar 2023. Din saret referenza għaliha fi tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12592.