Legislature:
Category:
Reset
Active:

Student Visa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21177 u jgħid kemm-il student ingħata student-visa minn Jannar sa Awwissu 2024? Jista’ jgħid minn liema pajjiż kien ġej u għal kemm żmien ingħatat il-visa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għal risposta ta' mistoqsija parlamentari 20905.

Għases tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn għases tal-pulizija f’Malta u liema huma? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma miftuħin 24/7 u liema huma?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 21530, ninsab infurmat li fl-istorja riċenti tal-Korp, illum hija l-aktar darba li għandu premises mifuħa madwar il-pajjiż. F’Malta u Għawdex għandu 28 għassa tal-Pulizija miftuħa 24/7. Filwaqt li għaddej xogħol ta’ rinnovar f’numru ta’ għases li għal snin twal tħallew fi stat ħażin kif ġie spjegjat f’mistoqsija parlamentari 21625, għases sekondarji li tradizzjonalment kienu jkunu magħluqa jew miftuħin darba kultant, ikkonvertejna numru sabiħ minnhom bħala uffiċini tal-community policing fosthom f’Santa Venera, is-Swieqi, il-Floriana, Marsaxlokk u San Ġwann ma’ diversi oħrajn. Kif rifless fl-istħarriġ tal-NSO, fl-aħħar snin permezz tal-Pulizija tad-Distrett u tal-community policing saħħaħna r-relazzjoni tagħna maċ-ċittadini u għalhekk mhux biss intlaqa’ tajjeb mill-komunitajiet tagħna iżda ħalla wkoll impatt pożittiv fuq is-soċjetà tagħna. Illum għandna 130 uffiċjal tal-community policing, minn erba’ pulizija fil-Mellieħa fl-2019, li juri l-impenn li l-Pulizija jkunu eqreb lejn il-komunitajiet dan filwaqt li issa qegħdin nintroduċu wkoll il-Police Patrol and Community Support Officers li huwa in linja ma’ dak li jridu n-nies, hekk kif l-istħarriġ tal-NSO juri li 80% tal-poplu Malti u Għawdxi jippreferi jara aktar Pulizija fit-toroq. Ħidma bl-għan li naraw li nibqgħu nżommu lil pajjiżna fost l-aktar pajjiżi siguri fid-dinja.

Qrati tal-Ġustizzja – Uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex il-Qrati tal-Ġustizzja jkollhom uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12043 u 18983 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-Advisory Cost. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għal fjuri kemm għal-funerali kif ukoll għal okkażjonijiet oħra hija koperta mill-Line Item 22 Materials and Supplies fl-Estimi Finazjarji tal- Ministru għall-Intern, is-Sigurta’ u x-Xogħol li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm korrew persuni fuq il-post tax-xogħol fl-2020, 2021, 2022, 2023 u 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u għal kull sena jgħid f'liema settur kienu jaħdmu dawn il-persuni? Jista’ jgħid ukoll jekk Jobsplus iżżommx statistika ta' dawk li jkunu korrew fuq il-post tax-xogħol? Tinżamm informazzjoni dwar kemm minn dawn il-persuni jirritornaw għax-xogħol?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Direct Orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Novembru 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22563.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Public Service Expo 2024 – Stands

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19989, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq l-istess Public Service Expo 2024 minn kull entità u/jew aġenzija li taqa’ taħt l-istess Ministeru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab informat illi t-tweġibiet mogħtija lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 19989 hi komprensiva għall-entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.

TCNs — Blue papers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu 'blue papers' lil third country nationals bħala cab drivers/xufiera mill-1 ta' Lulju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li statistika marbuta mal-impjiegi tinħareġ skont il-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi (ISCO-08). Din il-klassifika toħroġ mill-Kummissjoni Ewropea(2009/824/KE). Infurmat li n-numru ta' TCNs reġistrati ma Jobsplus fid-19 ta' Novembru 2024 huwa ta’ 3171 full time, 1056 part time għal total ta' 4227 u dan ikkumparat mat-30 ta’ Ġunju tas-sena 2024 li n-numru ta' TCNs reġistrati ma’ Jobsplus kien ta’ 4024 full time u 1233 part time għal total ta' 5257. Infurmat li bħal kull ħaddiem ieħor TCN, dawk li japplikaw għal change of employer, change of designation u renewal jiġu provduti interim receipt, li hija magħrufa bħala 'blue paper'. Din il-proċedura ilha fis-seħħ għal ħafna snin. Dan id-dokument ikun revokat meta tittieħed id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

TCNs – Part-time Cab Drivers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati third country nationals bħala cab drivers fuq bażi part-time mill-1 ta' Lulju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23857.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet — Bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-sena 2023 u Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant, qiegħda titpoġġa fuq il Mejda tal-Kamra.

Identity Malta — Vouchers ta’ €500

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il voucher ta' €500 kull wieħed ingħataw lill-impjegati ta' Identita' (dik li kienet Identity Malta) meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien is-CEO tagħha? Jista’ jgħid ukoll xi proċedura intużat mill-istess individwu biex kull impjegat ta' Identity Malta jsarraf il-voucher ta' €500 għand il-kumpanija li d-dettalji dwarha wkoll qed jingħataw separatament? Jista’ wkoll jagħti s-somma globali li ġiet minfuqa bl-għoti ta' dawn il-vouchers lill-impjegati kollha ta' Identity Malta meta dan l-istess individwu kien CEO hemm?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-għotja ta’ €500 voucher (uniform allowance) tingħata lil ħaddiema li ma jaqgħux taħt il-Ftehim Kollettiv li għandha l-Aġenzija, u li tali għotja hija skont il-proċedura mniżżla f’policy interna u li kienet daħlet fis-seħħ fis-snin bikrin tal-istess aġenzija. Dan l-ammont kien jingħata kull tliet snin sabiex ikopri gradi li ma kellhomx uniformi tal-Aġenzija. Infurmat li l-individwu indikat eżenta lilu nnifsu minnha.

Identità — Chief Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Chief Officer hemm f'Identità (dik li kienet Identity Malta) illum, kemm kien hemm erba’ snin ilu u x'inhu l-pakkett finanzjarju li effettivament jitħallas lilhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-2020 kien hemm tmien Chief Officers u bħalissa hemm disa’ Chief Officers fl-Aġenzija Identità.

Identità — Kiri ta’ kamra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallset flus Identità (dik li kienet Identity Malta) f'kiri ta' kamra fil-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal-laqgħat tagħha, minflok użat il-kmamar li għandha fis-sede tagħha bħala Identità, bejn l-2019 u l-2024? Jista’ wkoll jagħti d-dati ta' kull darba li l-uffiċjali ta' Identità użaw il-kamra f’din l-istess lukanda għal tali skop?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat lili saru tliet laqgħat organizzati mill-istess Aġenzija. Infurmat li dawn is-sessjonijiet saru bil-ħsieb li joħolqu ambjent miftuħ u kollaborattiv fejn impjegati mid-dipartimenti kollha tal-aġenzija kkontribwixxew b’mod attiv billi qasmu opinjonijiet, ideat u l-ħsibijiet tagħhom dwar l-operat ta’ din l-aġenzija. L-Aġenzija Identità temmen li dan l-approċċ huwa wieħed sahan u inklussiv, fejn perspettivi differenti jkunu kkunsidrati waqt it-teħid ta’ deċiżjonijiet. Dawn il-postijiet intgħażlu minħabba d-daqs ta’ parteċipanti u wara li l-Aġenzija tkun ġabret il-kwotazzjonijiet finanzjari neċessarji u tkun intgħażlet l-aktar waħda favorevoli. Infurmat illi kien hemm tlett istanzi fis-sena 2023, fejn l-ispejjez kienu ta’ €1,525.21, €790.55 u €1,487.33.

Identità — Festini u parties - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew flus il-festini u parties li Identità (dik li qabel kienet Identity Malta) organizzat, inkluż il-kiri għal DJs, bejn l-2019 u l-2024? Jista’ wkoll jagħti d-data ta' kull festin u fejn ġew organizzati u fuq liema bażi ntgħażlu tali postijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija tlaqqa’ lill-ħaddiema tagħha sabiex fil-preżenza tagħhom jitnieda r-Rapport Annwali tal-Aġenzija, u dan ikun imħabbar fi Stqarrija għall-Istampa, biex il-ħaddiema jingħataw rendikont tas-sena, filwaqt li tkun spjegata l-viżjoni u l-miri tal-aġenzija u tkun rikonoxxuta l-ħidma u l-kontribut tagħhom. Infurmat għalhekk, li f’Diċembru tas-sena 2022 saret laqgħa informattiva għall-ħaddiema, biex jingħataw rendikont tas-sena, filwaqt li tkun spjegata l-viżjoni u l-miri tal-aġenzija u tkun rikonoxxuta l-ħidma u l-kontribut tagħhom. Infurmat li għal din il-laqgħa, l-ispiża marbuta mal-catering u entertainment kienet ta’ €33 kull persuna. F’Ġunju 2023, ġie ppubblikat b’mod ufficjali r-rapport annwali tal-2022 u infurmat li l-ispiża marbuta mal-catering u entertainment kienet ta’ €74.81 kull persuna. F’Diċembru 2023, saret laqgħa informattiva għall-ħaddiema biex il-ħaddiema jingħataw rendikont tas-sena, filwaqt li tkun spjegata l-viżjoni u l-miri tal-aġenzija u tkun rikonoxxuta l-ħidma u l-kontribut tagħhom, u infurmat li l-ispiża marbuta ma’ catering u entertainment kienet ta’ €76.80 kull persuna. F’Ġunju 2024, ġie ppubblikat b’mod uffiċjali r-rapport annwali tal-2023 u infurmat li l-ispiża marbuta ma’ catering u entertainment kienet ta’ €59.40 kull persuna.

Investiment fis-sigurtà ta’ lokalitajiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13381 u l-lokalitajiet imsemmija fil-baġit għas-sena 2024 li fihom kellu jsir investiment fis-sigurtà, jista' l-Ministru jgħid x'investiment sar f'kull waħda minn dawn il-lokalitajiet? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx pjan li l-investiment fis-sigurtà jiġi estiż għal lokalitajiet oħra? Jekk iva, liema huma dawn il-lokalitajiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Bis-saħħa ta' deċiżjonijiet strateġiċi u investiment massiċ, inkluż dirett fil-ħaddiema, fl-aħħar snin Malta naqset ir-rata ta' kriminalità u nżammet f'livelli baxxi. Ninsab infurmat li fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi, bħalissa qed isir ix-xogħol preparatorju, inkluż dak infrastrutturali, sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jibda l-installar tal-ewwel kameras tas-sigurtà f’San Ġiljan (inkluż Paceville). Wara jsir wkoll l-installar f'San Pawl il-Baħar, il-Marsa u r-Raħal Ġdid. Barra minn hekk ħarġet is-sejħa, u s-sena d-dieħla, se jkunu impjegati ghal ewwel darba l-PolicePatrol and Community Support Officers (PPCSO) mad-Dipartiment tal-Pulizija, bil-għan li tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq. Dan se jwassal għal aktar tisħiħ tas-sigurtà pubblika permezz ta’ ingaġġ komunitarju viżibbli u aktar effettiv.

Kummissarju tal-Pulizija — Responsibility Allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta bdiet tingħata r-Responsibility Allowance ta’ €9,187 lill-Kummissarju tal-Pulizija preżenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Dan huwa l-Gvern li bil-fatti ta aktar drittijiet u kundizzjonijiet lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija wara li ġie iffirmat ftehim settorali fis-sena 2018 u ieħor fis-sena 2023. Għaldaqstant ir-ranks kollha tal-Korp tal-Pulizija gawdew minn titjib fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom. Dan b’differenza għal li kien jiġri qabel. Fejn fost l-oħrajn, membri tal-Korp tal-Pulizija kienu jintbagħtu għax-xogħol, u ma jitħallsux ta’ xogħolhom, mingħajr ebda dinjità jew rispett. Dan l-eżerċizzju sar ukoll mal-membri kollha tal-Korpi Dixxiplinati li wkoll gawdew minn ftehim kollettiv ġdid. Riċentament reġa’ kien hemm titjib fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-Korp tal-Pulizija permezz ta’ ftehim settorali ġdid li ġie ffirmat bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-Korp. Il-ftehim settorali jfisser żidiet fil-pagi u allowances fost benefiċċji oħra bħal progress iżjed mgħaġġel fl-iskali. Il-ftehim jirrikonoxxi wkoll li l-ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija jiltaqgħu ma’ bosta xenarji imprevedibbli. L-Onor. Interpellant qiegħed jistaqsi dwar Responsability Allowance. Dan huwa hekk kif provdut fit-tweġiba Parlamentari numru 21730, introdott fis-sena 2020 u japplika għall-Assistenti Kummissarji, Deputati Kummissarji u Kummissarju. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru, li għaliex verament nemmnu fid-drittijiet tal-ħaddiema kollha, fl-aħħar erba’ snin għalaq aktar minn 19-il ftehim ma’ ħaddiema varji fis-settur, li jinkludu t-tieni ftehim settorali li kien iffirmat mal-Unions li jirrappreżentaw lill-Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Dawn il-ftehimiet fissru pagi aqwa u kundizzjonijiet aħjar għall-Korpi Dixxiplinati, wara snin twal taħt amministrazzjoni preċedenti li ħalliethom mhux biss mingħajr kundizzjonijiet bażiċi – li ma titħallasx għas-sigħat li taħdem - iżda mingħajr ftehim settorali adegwat. Għalhekk, dan juri iswed fuq l-abjad, li kien dan il-Gvern li ta lura d-dinjità u r-rispett li jixraq lil dawk li jilbsu l-uniformi. Infurmat ukoll illi fil-każ tal-Korp tal-Pulizija, il-ftehim settorali jkopri sal-iskala (5) ħamsa tal-Iskeda tal-Gradi tas-Servizz Pubbliku, jiġifieri sar-rank ta’ Supretendent. Kull pakkett finanzjarju jinħadem u jkun approvat minn strutturi ċentrali apposta u għalhekk infurmat illi għall-ogħla ranks tal-Korp tal-Pulizija nbniet struttura ta’ kundizzjonijiet li tkompli ma’ dik tal-ftehim settorali u li tmexxa mill-istess Awtorità kompetenti li mexxiet il-ftehim settorali. Dan kollu hu spjegat f’Mistoqsija Parlamentari numru 21730. Infurmat ukoll li kwalunkwe aġġustamenti fis-salarji fil-gradi ta' fuq tal-Korp tal-Pulizija jżommu r-relattività bejn l-imsemmija gradi u bejn il-kundizzjonijiet tal-Kummissarju u dak tad-Deputati Kummissarji u tal-Assistenti Kummissarji, illum id-differenza fis-salarju, hija anqas minn dik li kienet qabel daħlu fis-seħħ dawn l-aġġustamenti.