Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nisa Tqal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2991 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2801, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati abbużi u attakki vjolenti fuq nisa tqal fl-2015 u fl-2016?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda konsulent.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali - konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat għall-Akkomodazzjoni Soċjali jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari 1095.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva - konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari 1095.

Family Clinics: Incredible Years Parenting Programme

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3874, jista’ l-Ministru jindika aktar dwar fiex jikkonsisti l-intervent terapewtiku li huwa bbażat fuq l-Incredible Years Parenting Programme? X’għandu wieħed jagħmel biex jingħata dan is-servizz mogħti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Incredible Years Parenting Programme, li jiġi offrut mill-Home Based Therapeutic Services(HBTS), huwa programm illi jgħin lill-familji vulnerabbli, jaddottaw trobbija pożittiva meta jkunu qed irabbu lil uliedhom. Hekk kif l-bżonnijet tat-tfal ivarjaw skont l-eta` tagħhom, l-programm jaddatta skont dawn in-neċessitajiet. Il-programm joffri bejn wieħed u ieħor, 18-il sezzjoni u juża diversi metodi biex jgħin lill-ġenituri jitgħallmu aktar dwar trobbija pożittiva, fosthom role plays u diskussjonijiet ibbażati fuq video clips. Il-ġenituri jingħatalhom tgħarif bil-miktub dwar x’ikunu iddiskutew u anke` jkunu mħeġġa jieħdu sehem f’attivitatjiet speċifiċi mat-tfal tagħhom bejn sezzjoni u oħra. Dan il-programm bħalissa qed jingħata lill-familji li jkunu ġew referuti minn servizzi oħra tal-Fondazzjoni, b’mod partikolari miċ- Child Protection Services , u Looked After Children . Minħabba d-diffikultajiet illi l-familji vulnerabbli jkunu qed jgħaddu minnhom, u d-diffikulta` li dawn il-familji jsibu sabiex jattendu għall-appuntamenti barra mid-dar tagħhom, dan il-program jiffokka fuq l-individwu u jaħdem mal-familji ġewwa d-dar tagħhom.

Djar Residenzjali tal-Anzjani — attivitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’attivitajiet ġew organizzati f’kull Residenza tal-Anzjani tal-Istat matul is-sena l-oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul is-sena 2017, ġew organizzati diversi attivitajiet għall-anzjani, kemm ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, kif ukoll fir-Residenzi tal-Anzjani tal-Istat, fosthom; - attivitajiet organizzati mill-Active Ageing Unit tad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`, bħal sezzjonijiet ta’ crafts u qari ta’ kotba; - attivitajiet ta’ tagħlim fit-tul illi jinkludi sessjonijiet ta’ tisjir; - sessjoniet fiżiċi; - ħruġ darbtejn fil-ġimgħa; dawn jinkludu ħruġ kulturali u ħruġ ta’ rikreazzjoni - ċelebrazzjonijiet spiritwali; - attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira, tal-Milied u festi oħra; - attivitajiet oħra skont it-talba tar-residenti bħal dawk tas-sajd u logħob tal-boċċi; Residenza San Vincenz de Paule: - Attivitajiet Teatrali - ċelebrazzjonijiet spiritwali; - festini okkażjonali, bħal tal-karnival u tal-festa tal-maħbubin; - festini marbuta mal-festa ta’ Jum l-Omm u Jum il-Missier; - kunċerti mużikali; - barbeques; - festi tar-raħal; - ikliet barra mir-Residenza; - ħarġiet kulturali - diskussjonijiet u laqgħat - sessjonijiet ta’ logħob, kompetizzjonijiet u żfin

Servizzi lill-individwi li jispiċċaw minn Helen Keller Resource Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qegħdin jingħataw lil dawk li jispiċċaw mill-Helen Keller Resource Centre u jekk hemmx il-ħsieb li hekk kif San Miguel Resource Centre jiġi trasferit f’post ieħor, il-fond kif armat bħalissa jintuża għal persuni li jkunu ‘l fuq mill-età biex jattendu f’Resource Centres oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Aġenzija SAPPORT tara li l-klijenti li kienu qed jibbenefikaw mis-servizzi mgħotija miċ-Ċentru ta’ Riżorsi Helen Keller, ikunu eleġibbli għal servizzi oħra mgħotija mill-istess Aġenzija. Servizz importanti li dawn l-klijenti qed ikunu eleġibbli għalih huwa s-Servizz Star 25, illi jikkonsisti f’interventi speċjalizzati għall-ħtiġijiet diversi u differenti tal-persuni b’diżabilità. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, ċ-Ċentru San Miguel ma jaqax taħt ir-responsabbilta` ta’ dan il-Ministeru, u għaldaqshekk ma nistax ngħati l-informazzjoni f’dan ir-rigward.

Benefiċċji tal-mard

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi sabiex jikkunsidra li ladarba persuna, wara li tkun ingħatat (tħallset) il-benefiċċju soċjali tal-mard (fl-ewwel 15-il ġurnata full pay u fit-tieni 15-il ġurnata half pay) tibda terġa’ tirċievi l-għajnuna tal-benefiċċju tal-mard kemm-il darba tkun taħt medical supervision? (Din il-proposta qed issir sabiex dawk il-persuni li jkunu morda b’mard kroniku jew minħabba xi inċident, ma jispiċċawx bla ħlas meta jkunu f’pożizzjoni li minħabba l-mard ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol)

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-benefiċċju tal-mard huwa benefiċċju kontributorju li jitħallas mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u jista’ jibqa’ jitħallas sa 156 ġurnata, dejjem jekk il-bord mediku mwaqqaf taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li jeżamina lill-persuna marida f’intervalli determinati minnu, ikun tal-opinjoni li l-persuna għad mhux tajba għax-xogħol. Il-perjodu msemmi jista’ jibqa’ jiġġedded sa massimu ta’ 468 ġurnata fuq perjodu ta’ sentejn. Il-pagamenti tal-benefiċċju tal-mard, joħorġu mid-Dipartiment mir-raba’ ġurnata ta’ mard għal kull perjodu ta’ mard li jista’ jkun ikopri l-perjodu ta’ full jew half pay skont il-każ. Il-pagament ma jieqafx jekk il-persuna jispiċċalha l-half pay imma tkompli titħallas sa dak iż-żmien li jkun irid jaraha l-bord mediku tad-Dipartiment. Ma’ dan inżid li, persuna li tkun għaddejja minn sitwazzjoni kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, minbarra d-dritt għal benefiċċju tal-mard, jista’ jkollha dritt ukoll għall-Għajnuna Soċjali jekk tissodisfa t-test tal-mezzi.

Aġenzija Appoġġ – każijiet ġodda ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ġodda ta’ vjolenza domestika rrapportati lill-Aġenzija Appoġġ, sena b’sena bejn l-2008 u l-2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm dawn il-każijiet ġodda; 2008 2009 2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 Total 278 265 295 236 300 243 276 293 348 (Każijiet Ġodda ta’ Vjolenza Domestika rraportati lill-Aġenzija Appogg bejn l-2008 u l-2017) Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, l-istatistika tal-2017 qiegħda tiġi kkumpilata u tiġi ppublikata aktar tard din is-sena.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — ħaddiema b'diżabilità - ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2022 u jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm ilmenti (kemm jekk huma lmenti ġodda jew fis-seħħ mis-snin preċedenti) minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti n-numri għal kull dipartiment/entità (mingħajr ma jsemmi l-ismijiet tal-persuni)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, d-dipartimenti, entitajiet u awtoritaijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tal u Solidarjeta’ Soċjali, ma kelhomx ilmenti minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom.

Dar tal-Anzjani taż-Żejtun – bieb li jgħaqqad id-Day Centre mad-Dar tal-Anzjani

Question

Peress li wasluli ħafna lmenti dwar bieb li hemm fid-Dar tal-Anzjani ż-Żejtun u li jgħaqqad id-Day Center mad-Dar tal-Anzjani, jista’ l-Ministru jieħu passi biex dan il-bieb jerġa’ jinfetaħ? Dan għaliex numru ta’ anzjani mid-Day Center qed ikollhom jgħaddu minn barra u jkunu esposti għax-xita, bard u iktar ‘il quddiem għax-xemx biex imorru l-home taż-Żejtun (biex jisimgħu quddies eċċ.) Jiena ġejt infurmat li dan il-bieb ingħalaq minħabba pazjenti li jsofru bl-Alzheimer, għaldaqstant ma jistgħux jittieħdu passi li l-bieb isirulu żewġ switches (kif hemm fis-swali dementia-friendly fir-Residenza San Vinċenz de Paul u Sptar Karen Grech) li allura ma jkunx jista’ jinfetaħ minn pazjenti li jbatu bl-Alzheimer imma jinfetaħ minn oħrajn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jħares u jittratta l-kura għall-anzjani bid-dimensja bħala prijorità. Għaldaqstant il-bieb li hemm fid-dar tal-anzjani taż-Żejtun li jgħati għad-Day Centre ġie magħluq biex tkun tista’ tiġi żviluppata żona sigura li tispeċċjalizza fil-kura tad-dimensja. Minħabba li d-Day Centre għandu bieb prinċipali ieħor, jagħmel sens illi anzjani li jużaw d-Day Centre ma jibqgħux jużaw din iż-żona bħala entratura biex b’hekk l-anzjani residenti f’din il-parti jirċievu l-kura li għandhom bżonn b’dinjità.

Għawdex – sit għal bini ta’ Djar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx identifikati siti ġewwa Għawdex fejn huwa ppjanat li jinbnew Djar għall-Anzjani? Jekk iva, fejn u meta saru l-applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan l-iżvilupp? Kemm hu mistenni li tkun tospita anzjani kull waħda minn dawn id-djar ippjanati għall-anzjani f’Għawdex?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

San Vincenz – pet therapy

Question

Filwaqt li jien naqbel mal-pet therapy, jista’ l-Ministru jinforma kemm qed jitħallas l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li qed jipprovdi pet therapy f’San Vinċenz? Kemm-il siegħa ta’ pet therapy qed jipprovdi u x’inhu l-ħlas li qed jingħata?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, ma sar l-ebda ftehim mal-individwu li kien imsemmi.

Għawdex – bini ta’ units tal-housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġu mibnija units tal-housing fl-erba’ snin li ġejjin f’Għawdex min-naħa tal-Gvern jew l-Awtorità għad-Djar u f’liema lokalità ġewwa Għawdex ser jinbnew dawn il-units u dan peress li fir-risposta parlamentari 3794 ma semma ebda raħal jew ammont ta’ units ġewwa Għawdex fejn hu maħsub li jinbnew akkomodazzjonijiet għal skop soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Ministeru għal Għawdex għaddej b’diskussjonijiet mal-awtoritajiet ikkonċernati għal proġett tal-housing soċjali f’Għawdex, filwaqt li numru t’appartamenti ser ikunu disponibbli f’Għawdex permezz tal-iskema ‘Nikru biex Nassistu’.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — ħlasijiet lill-persuna u/jew il-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-ħlasijiet li saru lill-persuna u/jew il-kumpanija, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet, kumpaniji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu mill-2013 sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Jista’ jgħid jekk dawn ingħatawx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Jista’ jaqsam il-ħlasijiet sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-uniku ħlas li sar lil din il-kumpanija kien fl-2018, u kien jirrigwarda artiklu informattiv dwar skema ‘mnedija fl-20 ta’ Frar u dwar kif tista’ tapplika. L-ispiża ta’ dan l-artiklu kienet ta’ €1,250.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — konsulenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2793, jista’ l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom (iżidhom fit-tabella li diġà tana) ta’ kull konsulent u l-iskop għal xiex inħatar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

San Vinċenz de Paul – Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li isimha qed jingħata separatament fl-1 ta’ Ġunju 2013 ġiet maħtura f'pożizzjoni ta' fiduċja fi rwol ta’ Kap Eżekuttiv fir-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paule, fejn din kienet ingħatat l-approvazzjoni biex tkompli tagħmel xogħol privat ta’ tabib u tmexxi l-klinika privata tagħha f'San Pawl il-Baħar u dan bi ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Etika li hemm fl-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, peress li din ir-Residenza sservi kemm bħala nursing home, kif ukoll bħala sptar, u għalhekk ix-xogħol privat ta' natura medika wassal biex joħloq kunflitt ta’ interess li jikkonfliġġi mal-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħha bħala Kap Eżekuttiv tar-residenza in kwestjoni? Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jieħu biex dan il-kunflitt u dan il-ksur tal-Kodiċi ta’ Etika jitwaqqaf?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet illi diġa kien hemm matul il-leġiżlatura preċedenti. Dawn it-tweġibiet ingħataw għall-mistoqsijiet parlamentari, 17325, 17326, 17327, 17518, 17519, u 19312.

Ċentri Leap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-profili li qed isiru mill-impjegati taċ-Ċentri Leap? Kemm minn dawn il-familji li sarilhom il-profil, għandhom xi persuna b’diżabilità u f’liema lokalitajiet joqogħdu dawn il-persuni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, mill-profiling ta’ persuni b’diżabilita` li sar mis-social mentors tal-proġett LEAP, fi ħdan l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, (FSWS), inġabret informazjoni dettaljata dwar 687 persuna b’diżabilita`. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-lokalitajiet li joqogħdu dawn il-persuni.