Legislature:
Category:
Reset
Active:

Statementing Moderating Panel — każijiet ta' tfal b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm każi pendenti ta' tfal b'diżabilità minn Għawdex li jridu jiġu proċessati mill-Istatementing Moderating Panel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5521.

Foundation for tomorrow schools — xogħol tal-aluminium

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex wara li sar ix-xogħol tal-aluminium minn kuntrattur mqabbad mill-Foundation for Tomorrow Schools fuq l-iskola ta' Ħad-Dingli kellha tintervjeni it-TSB biex tirranġa ix-xogħol kollu diffettuż li sar? Kemm sewa dan il-kuntratt? Tista' tgħid jekk hux ser issir xi indagazzjoni biex tistabilixxi x'wassal għal dan? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ir-rapport tal-indagazzjoni hekk kif dan ikun konkluż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li x-xogħol tal-aluminium imsemmi ma kienx xogħol li għamlet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Ix-xogħol li sar mit-TSB fuq l-aluminium ta’ din l-iskola kien jinvolvi spiża ta’ 20 Ewro u kien minimu għall-aħħar.

Vjaġġi minn impjegati tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħidilna kemm saru kilometri ta' ivjaġġar minn impjegati tal-Gvern li huma intitolati li jkollhom il-log book u b'numru fiss ta' kilometri li jistgħu jitħallsu tagħhom, kull xahar, matul dawn l-aħħar ħames snin xahar b'xahar? X'inhi r-rata tal-ħlas? Min jiffissa din ir-rata ta' kilometri għal kull persuna u fuq liema bażi? Kemm kien il-ħlas globali xahar b'xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, bl-eċċezzjoni ta’ dak li jirrigwarda l-MCAST, li ma laħqetx tasal fil-ħin.

baġit għal skopijiet ta' safar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm alloka fondi mill-baġit għal skopijiet ta' safar kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha matul dawn l-aħħar tliet snin? Min għamel użu minn dawn il-fondi minn kull dipartiment persuna b'persuna, u sena b'sena? Fejn kienet kull mawra? Kemm damet kull mawra? Kemm swiet kull mawra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Fondi għall-IT fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħidilna għaliex il-planning miltub mill-MITTS biex jingħataw fondi lid-Direttorati tal-Edukazzjoni ghal skopijiet ta' IT fl-iskejjel qed jiġi rifjutat lilha? Min huwa d-Direttur jew l-entità konċernata li qed tirrifjuta li tagħmel dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta’ Riżorsi ta’ l-iSkejjel mhux konxju li hemm xi Direttur jew entita’ li qed jirrifjutaw li jagħtu lill-MITTS il-planning mitlub minnha biex jingħataw fondi lid-Direttorat ta’ l-Edukazzjoni għal skopijiet ta’ IT fl-iskejjel.

Periti mal-Foundationa for Tomorrow School

Question

Tista' l-Ministru tgħidilna kemm huma u min huma l-periti li għandha impjegati magħha l-Foundation for Tomorrow School? Liema skejjel jaqgħu taħt kull perit? X'xogħol sar minn kull perit matul dawn l-aħħar ħames snin skola b'skola? X'inhu s-salarju ta' kull perit li hemm mal-Foundation for Tomorrow Schools sew dawk li huma full time u wkoll dawk li huma part time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.

Technical services branch u gardening section — Overtime

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari rigward l-overtime magħmul mit-taqsimiet tat-technical services branch u l-gardening section matul is-sajf li għadda, ingħatat l-impressjoni li ma kienx hemm preferenzi fil-għoti ta' dan l-overtime. Tista' l-Ministru tagħti lista tan-nies li ma ingħatawx l-overtime? Mil-liema trades kienu kull wieħed? X'kienet r-raġuni li dawn l-individwi ma ingħatawx il-possibilità li jagħmlu overtime?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-nies mit-taqsimiet imsemmija mill-Onor Interpellant li ma ħadmux sahra matul is-sajf li għadda huma kif ġej: Numru Sengħa 3 Aluminium 12 Carpentry 5 Drainage 11 Electrical 31 Gardener 13 Masonry 3 Membrane 20 Painting 9 Plumber 12 Welder Ma jidhirlix li nagħti l-ismijiet tal-persuni konċernati. Kienu bosta r-ragunijiet għalfejn dawn il-ħaddiema ma ħadmux sahra, fosthom kien hemm min irrifjuta li jagħmel sahra kif ukoll li kien hemm xogħol li għalih ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ sahra.

Imġarr — Roman Baths - Irranġar u ppreservar

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk sarx xi studji partikolari biex jiġi stabbilit x'xogħol għandu jsir biex ir-Roman Baths fl-inħawi tal-Imġarr fil-fatt jiġu rranġati u ppreservati b'mod li jistgħu jitgawdew minn kulħadd?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li Heritage Malta rebħet fondi mill-UNESCO sabiex tagħmel rapport intensiv fuq il-qagħda tal-konservazzjoni tal-mużajċi kollha ta’ Malta li ftit minnhom jinsabu wkoll fuq dan is-sit Ruman. Sa llum diġa’ tlestiet id-dokumentazzjoni fotografika (Rectified Photography) tas-sit kollu u beda x-xogħol ta’ conservation mapping tal-istat tal-mużajċi tad-Domus Romana fir-Rabat. Wara li dan jitlesta x-xogħol se jkompli fuq il-Banjijiet Rumani ta’ Għajn Tuffieħa. Dawn l-istudji wara jridu jiġu studjati mill-esperta Taljana li tqabbdet apposta sabiex jitnieda pjan ta’ xogħol li jiddetermina x’hemm bżonn bħala riżorsi sabiex il-proġett jkun jista’ jiġi ffinanzjat.

Heritage Malta — siti storiċi

Question

Tista' l-Ministru permezz ta' Heritage Malta, tagħti indikazzjoni ta' liema huma s-siti storiċi li xi għaqda jew individwi talbu biex jieħdu ħsiebhom u li jużawhom għal xi raġuni jew oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Heritage Malta ma rċeviet l-ebda talba.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Xiri ta' equipment

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus minn kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha għal xiri ta' equipment ġdid matul din is-sena, dipartiment b'dipartiment? Kemm intnefaq fuq kull oġġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Equipment li ġie ċċertifikat obsolete/unserviceable

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien l-equipment li ġie ċċertifikat obsolete jew unserviceable, minn kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha, matul dawn l-aħħar tliet snin, dipartiment b'dipartiment? X'isir minnhom dawn l-oġġetti? Hemm xi skema biex dawn l-oġġetti jinġabru mis-sezzjoni tal-Bulky Refuse tal-indafa pubblika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Improvements strutturali f'kull dipartiment

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'improvements strutturali, interni u esterni, saru minn kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha, matul dawn l-aħħar ħames snin dipartiment b'dipartiment? X'kienu dawn l-improvements wieħed b'wieħed? Kemm kienet in-nefqa f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li l-Mistoqsija tinvolvi l-ġbir ta’informazzjoni mill-firxa kollha tal-Ministeru tiegħi, dipartiment b’dipartiment, fuq perjodu ta’ l-aħħar ħames snin, u peress li ħafna mill-informazzjoni trid tinġabar b’mod manwali u tinvolvi ħafna xogħol, l-Interpellant jiġi mogħti t-tweġiba meta, fil-ġejjieni qrib, il-proċess tal-ġbir jintemm kollu.

Ġarr ta' żbir ta' siġar u skart ieħor

Question

Tista' l-Ministru tgħidilna liema kienu l-aġenziji li kienu mqabbdin sew mill-FTS u mid-Direttorati tal-Edukazzjoni matul dawn l-aħħar ħames snin biex iġorru żbir ta' siġar u skart ieħor? Kemm-il darba kull aġenzija kienet mqabbda xahar, xahar matul dawn l-aħħar ħames snin? Kemm-il trip għamlet kull aġenzija kull meta ġiet imqabbda? X'mezzi intużaw għal ġarr f'kull okkażjoni? Fejn kienu l-postijiet li minnhom dawn l-aġenziji intalbu jġorru l-iskart? Kemm tħallset kull aġenzija sew mill-FTS u mid-Direttorati tal-Edukazzjoni sena b'sena? Min jawtorizza dan il-ġarr?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan ix-xogħol sar fuq talba mid-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni kif wkoll mill-periti tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.

Dipartimenti fid-dekasteru tal-Edukazzjoni — xogħol tal aluminium

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet tal-aluminium matul dawn l-aħħar ħames snin fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha dipartiment b'dipartiment? X'kienu dawn ix-xogħlijiet dipartiment b'dipartiment? Kemm kienet in-nefqa f'kull każ għall kull proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Period Contracts

Question

Tista' l-Ministru tgħidilna liema kienu l-period contracts li ġew użati sew mill-FTS, TSB u d-Direttorati tal-Edukazzjoni matul dawn l-aħħar ħames snin sezzjoni b'sezzjoni, xahar b'xahar? Kemm kienet in-nefqa kull darba li ntużaw il-period contracts? Liema kienu l-kuntratturi li minn għandhom inxtraw l-affarijiet? Kemm intnefqu flus għand kull kuntrattur xahar b'xahar matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura Żgħażagħ u Sport — Awtoritajiet u aġenziji

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħha? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li bħalissa qed jiġu rikostitwiti jew riformati bosta mill-Bordijiet, ikun aħjar li t-tweġiba tingħata meta l-proċess jiġi fi tmiemu.

Imġarr- siti arkeoloġiċi — persuna biex tieħu ħsieb is-servizzi

Question

Tista' l-Ministru tara jekk hux possibbli li n-numru ta' siti arkeoloġiċi li hemm fl-inħawi tal-Imġarr ikollhom magħhom, kuljum, persuna li tieħu ħsieb dawn is-servizzi biex it-turisti, kif ukoll il-Maltin, ikunu jistgħu jżuru dawn l-istess siti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li wara studji dettaljati, ġie konkluż li l-istat ta’ konservazzjoni tat-tempji ta’ Skorba u Ta’ Ħaġrat ma jippermettix li jilqa’ fih nies kuljum minħabba l-fraġilita’ tal-art preistorika taż-żewġ tempji. Dan jista’ jsir darba fil-ġimgħa biss sabiex ma jsirx ħsara, u hekk qed isir. Bħalissa qed isiru studji fuq is-sit tal-banjijiet Rumani, u qabel dawn jiġu konklużi u s-sit jiġi kkonservat, dan ma jistax jinfetaħ għall-pubbliku.

Skejjel primarji — lezzjonijiet tal-Physical Education

Question

Tista' l-Ministru tara li fejn hu possibbli jinbnew spazji fl-iskejjel primarji sabiex jintużaw għal-lezzjonijiet tal-Physical Education peress li f'ħafna skejjel meta tkun ix-xita dan ma jkunux jistgħu jagħmluh minħabba li jintużaw il-btieħi, u dan meta l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku bażiku qiegħda dejjem tikber?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li bil-bini ta’ swali ġodda, li huma ‘multipurpose’, diġa qegħda tittieħed azzjoni li tippermetti li dawn il-postijiet ma jkunux limitati għall-‘plays’ jew ‘prize days’ biss. L-ispażji qegħdin jiġu użati biex isiru lezzjonijiet ta’ l-eżerċizzju fiżiku. Waqt li mhux kull skola għandha art li tippermetti l-bini ta’ din ix-xorta, jrid jingħad li saru diversi ‘refurbishments’ fl-iskejjel fejn inħolqu postijiet li jkunu jistgħu jakkomodaw lezzjonijiet ta’ l-eżerċizzju fiżiku meta t-temp ma jkunx favorevoli. Ta’ min isemmi wkoll li x-xogħolijiet tal-‘Multipurpose Hall’ f’Marsaxlokk ser titlesta ftit ġimgħat oħra, u din ukoll ser tkun tilqa’ diversi dixxiplini sportivi. Sar ħafna xogħol ta’ ‘upgrading’ anke f’areas li qegħdin jintużaw għall-eżerċizzju fiżiku w attivitajiet oħrajn.

Ġgantija — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fuq liema xogħlijet se tkun maqsuma n-nefqa ta’ €284,000 fuq il-proġett tal-Ġgantija fl-2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-nefqa għal din is-sena 2009 fuq il-proġett tal-European Regional Development Fund għat-Tempji tal-Ġgantija ser tilħaq is-somma ta’ madwar €284,000. Din ser tkun tikkonsisti f’xogħlijiet ta’ Project Management, li diġa’ bdew; xogħlijiet ta’ periti u disinni – li għalihom għadha kemm ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti; flimkien ma’ xiri ta’ art fl-inħawi ta’ l-istess Tempji.

Foundation for tomorrow schools — job description tal-general manager

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-job description tal-general manager tal-Foundation for Tomorrow Schools? Jekk jeżisti, min ifformula dan il-job description u min awtorizzah? X'inhu s-salarju marbut ma' din il-pożizzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-job description tal-General Manager tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada ġiet ifformulata miċ-Chairman tal-Fondazzjoni , b’awtorizzazzjoni tal-Board ta’ l-istess Fondazzjoni. Is-salarju marbut ma’ din il-pożizzjoni huwa ta’ €32,611.