Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — benefiċċji u għajnuna finanzjarja li ngħatat għall-produzzjoni ta’ films lokali

Question

Jista’ l-Ministru jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Irziezet tal-baqar tal-ħalib liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 808, u jgħid kemm hawn irziezet liċenzjati tal-baqar tal-ħalib f'Malta kif ukoll f’Għawdex? F’liema lokalità jinsabu dawn l-irziezet? Kemm-il baqra hemm f’kull razzett? Kemm jipprovdu ħalib fix-xahar, razzett b’razzett, mill-2019 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Malta u f’Għawdex hawn 272 razzett li huwa reġistrat mad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja biex iżomm il-bovini li minnhom 221 jinsabu f’Malta u 51 jinsabu f’Għawdex. Ħa npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi f’liema lokalità jinsabu dawn l-irziezet u l-ammont ta’ baqar li hemm f’kull razzett. Dan id-Direttorat ma jkollux id-dettalji ta’ kemm jiġi prodott ħalib f’Malta u Għawdex.

Korsijiet ta’ veterinarji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 800 dwar in-nuqqas ta’ veterinarji f’pajjiżna, speċjalment għall-bżonnijiet li jkollhom minn żmien għall-ieħor ir-raħħala, jista’ l-Ministru jżomm mal-wegħda li għamel f'diversi diskorsi li għamel fil-Parlament u jara li anke jekk dawn mhux finanzjarjament vijabbli li jsiru f’pajjiżna, il-Gvern jikkontribwixxi finanzjarjament biex l-Università ta’ Malta tibda tagħmel dawn il-korsijiet ta’ veterinarji hawn Malta stess? Meta dawn il-korsijiet ta' veterinarji ser jibdew isiru hawn Malta? Meta l-istudenti interessati ser ikunu jistgħu japplikaw biex jibdew jattendu dawn il-korsijiet?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nikkonferma r-risposta li diġà ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 800 u ma hemmx xi nżid ma' din it-twegiba. Għal aktar dettalji, din il-mistoqsija għandha tiġi referuta lill-Ministru kkonċernat.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati jaħdmu fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali? Jista’ jgħid ukoll f’liema tip ta’ rwol dawn jaħdmu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta' impjegati li jaħdmu fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali huwa ta' 45 li jinkudu li rwol ta' Direttur, Assitent Direttur, Senior Manager, Maniġer 1, Assistent Maniġer, Skrivan, Uffiċjal RSSL, Uffiċjal ERL, Labourer, Senior Operative, Uffiċjal għall-ħarsien ta' l-annimali, Nursing aid, Uffiċjal ERL, Senior Operative, Senior Clerk, Veterinarju, VSO (Uffiċjal ta' appoġġ għall-veterinarju), AVSO (Assistent Uffiċjal ta' appoġġ għall- veterinarju), Uffiċjal ERL, Senior operative, Carer (Ħaddiem tal-komunita’) u Labourer.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Għammieri – annimali taħt kenn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm annimali bħalissa li qed jingħataw kenn ġewwa l-Għammieri taħt id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali? Jista’ jgħid x'inhuma dawn l-annimali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm madwar 150 qattus u 55 kelb li qed jingħataw kenn ġewwa l-Għammieri taħt il-kura tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – annimali addottati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, kemm saru adozzjonijiet ta' annimali mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali u x' kienu dawn l-annimali għal dawn l-aħħar 3 snin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Annimali rikoverati fl-isptar tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm annimali bħalissa li huma rikoverati ġewwa l-isptar tal-annimali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 4 annimali li huma taħt il-kustodju tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li qed jiġu rikoverati fl-isptar APH.

Riforma fil-Qasam tar-Raba’ – White Paper

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikunu diskussi s-sottomissjonijiet mill-publiku fuq il-White Paper dwar ir-Riforma fil-Qasam tar-Raba’? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser issir laqgħa pubblika f’dan is-sens? Dawn is-sottomissjonijiet ser jitressqu quddiem il-Parlament għad-diskussjoni peress illi din ir-riforma ser taffettwa b'mod dirett is-sikurezza tal-ikel f’pajjiżna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà indikajt fir-risposta għall-PQ 2965, l-ewwel proposta tinkludi t-twaqqif ta’ Awtorità responsabbli minn dan il-qasam u li din ser tkun qed tiġi fdata sabiex timplimenta din ir-riforma. Niġbed l-attenzjoni li fil-konsultazzjoni pubblika, diġà ngħata ċ-ċans għal diskussjoni permezz ta’ diversi laqgħat. Fil-Parlament ser inkunu qed nippreżentaw dawk il-liġijiet jew emendi li ser ikunu meħtieġa sabiex il-proposti tar-riforma jkunu implimentati.

Riforma fil-Qasam tar-Raba’ – proċess ta’ evalwazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 2967, fejn saret referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 2965, jista’ l-Ministru jgħid min qed jipprepara dan il-proċess ta' evalwazzjoni u x'esperjenza għandu fil-qasam tal-evalwazzjoni peress li fir-risposta tiegħu dan ma kienx indikat?

Response (REFALO, ANTON)

Wara li għalqet il-konsultazzjoni pubblika fit-8 ta’ Novembru, id-Direttorat tal-Agrikoltura beda jevalwa s-sottomissjonijiet u qed iħejji rapport. Kif irreferejt fir-risposta għall-PQ 2965, l-ewwel proposta tinkludi t-twaqqif ta’ Awtorità responsabbli minn dan il-qasam u li din ser tkun qed tiġi fdata sabiex timplimenta din ir-riforma.

Il-Pitkalija — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 610 u 1333, u jgħid jekk mill-1 ta’ Lulju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari żdidux ħaddiema mal-Gvern li jaħdmu fil-Pitkalija? Jekk fl-affermattiv, kemm żdiedu ħaddiema, f'liema grad u minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-ħaddiema?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sa mit-twaqqif tal-Pitkalija Ltd. fl-2020 kien hemm eżistenti numru ta’ ħaddiema tal-Gvern li eventwalment ġew detailed ukoll mal-Malta Food Agency fl-2021. Dawn huma hekk kif ġejjin: 19 Support Officers, 6 Assistant Coordinators, 4 Administrative Officers, 1 Inspecting Officer, 2 Coordinators, 1 Senior Coordinator, 1 Chief Officer. Ħaddiema b’reklutaġġ ma’ Pitkalija Ltd. fl-2020 u l-Malta Food Agency fl-2021 huma kif ġejjin: 16 Support Officers, 3 Senior Coordinator, 1 CEO, 1 Coordinator, 11 Administrative Officers, 2 Inspecting Officers, 1 Chief Officer. Dawn ġejjin mil-lokalitajiet ta’ Qormi, Xewkija, Siġġiewi, Pembroke, Qala, Żurrieq, Marsaxlokk, Sannat, Luqa, Ħamrun, Xagħra, Żabbar, Attard, Kerċem, San Pawl il-Baħar, Żebbuġ, Rabat, Birkirkara, Mosta, Balzan, Għarb, Żejtun, Għajnsielem, Swieqi, Attard, Fgura, Nadur, Baħar ic-Ċagħaq, Msida, Munxar, Mġarr, Valletta.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1765 u jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kwalifiki akkademiċi li qiegħed jirreferi għalihom huma MBA, LL.B, Dip. L.P., Dip. Not. Pub., LL.D.

Ta’ Qali – Pitkalija — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema investiment sar fil-Pitkalija ġewwa Ta' Qali, minn Jannar 2021 sal-ġurnata li qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet li saru? Liema xogħol ieħor hu mistenni li jsir matul is-sena d-dieħla, fl-istess pitkalija?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta li l-investimenti li saru fil- Pitkalija minn Jannar 2021 sal-lum huma dawn li ġejjin, installazjoni ta’ makkinarju ġdid, titjib ta’ faċilitajiet, titjib f’infrastruttura, titjib f’infrastruttura tal-IT u tagħmir ieħor. Għas-sena 2023 qed naħsbu li jsiru dawn l-investimenti bħal, makkinarju għall-ippakkjar tal-basal u l-patata (proċess ta’ klassifikazzjoni/gradazzjoni), provvista ġdida tan-netwerk għad-distribuzzjoni fl-istalls tal-Pitkalija, impjant tal-bojler fil-bini tal-ħasil tal-kannestri biex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku, titjib fil-PMMS u applikazzjonijiet tal-Artificial Intelligence.

Food Safety Agency – funzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2987, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-funzjoni tal-Food Safety Agency? Kemm tħaddem nies magħha din l-Aġenzija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum ma hemm imwaqqfa l-ebda Aġenzija għas-Sigurtà tal-Ikel, iżda Kummissjoni. Il-Food Safety Commission ġiet trasferita mill-MFH għall-Ministru li tiegħu jiena responsabbli f’April ta’ din is-sena, segwita minn pubblikazzjoni tal-Bord relevanti fil-Gazzetta tal-Gvern tas-26 ta’ Awwissu 2022. Il-funzjonijiet tal-Food Safety Commission huma elenkati fil-Kap. 449, Att dwar is-Sigurtà fl-Ikel, tat-13 ta' Settembru 2002.

Reklamar tal-prodott lokali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 819 u 2985, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-baġit għat-tieni nofs ta’ din is-sena f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reklamar tal-prodott lokali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Nies li tressqu l-Qorti fuq moħqrija tal-annimali

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jgħid x’kien in-numru ta' nies li tressqu l-Qorti (sena b'sena mill-2019 s’issa) fuq akkużi li għandhom rabta ma' moħqrija tal-annimali? Jista' jagħti rendikont ta' x'kienu dawn l-akkużi? Jista' jindika jekk dawn il-kawżi għadhomx pendenti jew jekk ġewx ġudikati u jekk ġew ġudikati, x'kienu s-sentenzi li ngħataw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ċimiterju tal-Annimali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3100 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2479, jista’ l-Ministru jgħid f’liema sena tal-leġiżlatura huwa previst li jitlesta u jibda jopera ċ-Ċimiterju tal-Annimali? Peress li mill-informazzjoni li ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 572 kien ippjanat li dan jitlesta sal-aħħar tas-sena 2022, jista’ jgħid jekk hemmx xi dewmien f’dan il-proġett? Jekk iva, jista’ jispjega r-raġuni għal dan id-dewmien?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, ladarba l-proġett qed jitwiegħed fil-manifest elettorali li se jkun qed isir f’din il-leġiżlatura, allura nserrħilha rasha li se jitwettaq. Aktar dettalji jkunu jistgħu jitħabbru ’l quddiem.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx barranin jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk iva, kemm hemm?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema barranin li qegħdin jaħdmu fil-Ministeru tiegħi jammonta għal 22.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – ex ħaddiema tal-Air Malta li qed jaħdmu fis-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ġew trasferiti impjegati li kienu jaħdmu mal-Air Malta u li issa qed jaħdmu mal-gvern/fis-settur pubbliku, f’entità jew dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jindika x’salarju għandhom dawn l-impjegati? Jista’ jindika wkoll il-livell ta’ edukazzjoni ta’ dawn l-impjegati?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-mistoqsija parlamentari 3391.