Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-Master Plan tal-Pjazza tax-Xagħra u l-madwar, u jgħid jekk irċeviex xi tip ta' informazzjoni mingħand il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, peress li fil-laqgħat tal-kunsill qed jingħad li dan qed isir u jitmexxa mill-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jagħti timeframes ta’ x'inhu ppjanat li jsir fuq dan il-Master Plan u meta hu ppjanat li jitlesta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'bajjiet ġewwa Għawdex sarilhom sand renourishment qabel u matul is-Sajf 2020 u x'bajjiet hemm ippjanati li jsirilhom sand renourishment qabel u matul is-Sajf 2021 ġewwa Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sajf 2020 ma sar l-ebda sand renourishment.
Port tal-Imġarr Għawdex – proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari 18101 u jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta' Lourdes f'Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr) u jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan l-imsemmi proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Reġistru Pubbliku u uffiċini oħra ta’ Identity Malta – binja ġdida
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikun lest il-bini l-ġdid fejn ser ikun hemm ir-Reġistru Pubbliku u uffiċini oħra ta' Identity Malta? Jista' jispjega għaliex ir-Reġistru tal-Artijiet mhux ser ikun f'din il-binja? Kemm ilha mikrija din il-binja, kemm ser iddum din il-kirja u kemm hu l-ammont ta' kera fis-sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħda ssir l-evalwazzjoni ta’ sejħiet għall-offerti li ħarġu biex isir ix-xogħol meħtieġ fil-bini l-ġdid fejn ser ikun hemm ir-Reġistru Pubbliku, l-Uffiċċju tal-Civil Registry u Data Inputting u l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern. L-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet se jkabbar l-operat tiegħu f’Għawdex u għalhekk se jimpjega aktar nies miegħu. Dan kien ifisser li l-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet se jkollu bżonn aktar spazju u għalhekk ħarġet sejħa għall-offerti separata sabiex tinstab propjeta` li tkun tista’ takkomoda dan l-uffiċċju. Il-binja li se takkomoda r-Reġistru Pubbliku u l-uffiċini l-oħra msemmija aktar qabel bdiet tinkera b’effett mill-5 ta’ Frar 2021 għall-perjodu ta’ ħames snin għall-ammont ta’ €49,225 fis-sena. Sadanittant, ħarġet sejħa oħra għall-offerti biex tinstab propjeta` li takkomoda l-uffiċini l-oħra ta’ Identity Malta. F’din il-binja mistennija jiġu akkomodati l-eResidence Unit, l-uffiċċju tal-Passaporti u l-uffiċċju tal-Karta tal-Identità.
Xewkija – Ċimiterju Santa Marta – manutenzjoni u tiswija tal-ħitan
Question
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20832, jista' l-Ministru jgħid meta ser issir manutenzjoni tal-ħitan taċ-Ċimiterju tar-Rabat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol rigward dan il-proġett huwa mistenni li jinbeda fix-xhur li ġejjin
Ministeru għal Għawdex — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20905, peress li l-mistoqsija u r-risposta oriġinali 16472 ma jagħtux rendikont ta' kif intnefqu l-fondi pubbliċi indikati fil-mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20905 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16472, jista’ l-Ministru jgħid, minħabba li l-flus mogħtija mill-Gozo Channel (€20,000) lill-Marigold Foundation huma fondi pubbliċi, dawn il-flus kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandix aktar x’inżid mat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 16472.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li huma stazzjonati f’Kemmuna u mil-liema dipartiment ġejjin dawn il-ħaddiema? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema f’Kemmuna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Kemmuna hemm ħmistax-il ħaddiem li ġejjin mis-sezzjoni tal-Indafa Pubblika taħt id-direttorat EkoGħawdex. Dawn huma assenjati għall-ġbir ta’ skart u ndafa ġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt l-Ministeru tieghu u li bħalissa qed jaħdmu permezz ta’ teleworking? Jista jekk kemm minnhom huma irgiel u kemm huma nisa u x' inhu il-grad taghhom fi' hdan il-Ministeru ghal-Ghawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, fil-Ministeru għal Għawdex hemm 189 ħaddiem fuq telework (41 raġel u 148 mara).
Apparti dan, infakkar lill-Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed isegwi d-Direttiva 13 u għalhekk kull fejn huwa possibbli l-uffiċjali qed jaħdmu mid-dar.
Ministeru għal Għawdex — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16472, jista’ l-Ministru jgħid, minħabba li l-flus mogħtija mill-Gozo Channel (€20,000) lill-Marigold Foundation huma fondi pubbliċi, dawn il-flus kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-PQ li għamlet hi stess bin-numru 16746.
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti ta' restawr inbdew f'Għawdex matul is-sena 2021 mill-Ministeru għal Għawdex u xi proġetti oħra ta' restawr hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2021?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li nbdew, jew huma ppjanati li jsiru matul din is-sena, huma: ir-restawr taż-żewġ niċeċ fid-daħla taċ-Ċitadella, ir-Rabat Għawdex; in-Niċċa tal-Madonna tas-Sellum, ix-Xagħra Għawdex; Pont ta’ Sdieri; u l-Akwedotti.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Għar ta' Calypso fix-Xagħra u jgħid x'tenders ħarġu s’issa u x’tip ta' xogħlijiet infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru fuq dan il-post u l-akkwati tiegħu matul din is-sena? Jista’ jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan il-proġett ferm importanti għal gżira Għawdxija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tenders għax-xogħlijiet infrastrutturali mistennija joħorġu hekk kif il-Ministeru għal Għawdex jottjeni l-permess mill-Awtorita’ tal-Ippjanar.
Ministeru għal Għawdex — Ingaġġ ta’ impjegati ġodda fis-settur pubbliku mill-Entitajiet u awtoritajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fis-settur pubbliku, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b'sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw f’din il-leġiżlatura għall-PQ’s 12908 u 18171.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet u għala Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, għadha ma saritx fiha zebra crossing kif ukoll is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li jifred karreġjata minn oħra? Jista’ jgħid meta ser isiru peress li hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-sinjali fit-toroq se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.
Ministeru għal Għawdex – lista ta’ kull direct order
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kull direct order, kienet ta’ liema valur kienet, li ta kull dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, matul is-sena 2020? Jista’ jgħid f’kull każ x’inxtara jew x’servizz ingħata, kif ukoll il-valur u min ġie mħallas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali informazzjoni tkun ippubblikata perjodikament fuq il-gazzetta tal-Gvern.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema trasferiti fil-kunvent ta’ Santu Wistin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ġimgħat kemm ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex ġew trasferiti ġewwa l-kunvent ta' Santu Wistin? Jista’ jgħid jekk din il-binja għandhiex il-faċilitajiet kollha ta’ sigurtà u aċċess skont il-liġi rikjesti mill-Health and Safety Authority? Jista’ jgħid jekk sarx accessibility audit ta' din il-binja mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u jekk iva, jista' jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 53 ħaddiem tal-Ministeru għal Għawdex li temporanjament ġew trasferiti f’parti mill-Kunvent ta’ Santu Wistin. Il-ħaddiema ġew trasferiti f’dan il-post għal perjodu temporanju biex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet ta’ rinovar fuq il-binja amministrattiva li tinkorpora l-Ministeru għal Għawdex. Permezz ta’ dan il-proġett il-binja kollha, għall-ewwel darba, se issir aċċessibli għal kulħadd skont il-liġi kif rikjest mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà.
Il-ħaddiema trasferiti temporanjament fil-Kunvent ta’ Santu Wistin jagħmlu xogħol ta’ back office u ma jarawx pubbliku. L-istess ħaddiema sa ftit ġimgħat ilu kienu jaħdmu f’parti mill-binja amministrattiva tal-Ministeru li bħalissa għadha mhix aċċessibbli. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li bosta minn dawn il-ħaddiema bħalissa qed jgħamlu l-parti l-kbira minn xogħolhom permezz ta’ telework.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament, min qed jamministra l-Bajja tar-Ramla l-Ħamra fil-preżent? Kif qed jiġu protetti s-sand dunes u t-trunċiera li jinsabu f'din il-bajja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex huwa responsabbli biss għall-bajja fejn jidħol immaniġjar tal-Bandiera l-Blu, tindif, u protezzjoni ġenerali. Għalhekk, billi l-mistoqsija tirrigwardja l-protezzjoni tal-għaram tar-ramel, u r-Ramla hija sit ta’ Natura 2000, nitlob lill-Interpellant jistaqsi lill-Ministeru kkonċernat.
Ix-Xewkija – Triq il-Mitħna – perit inkarigat mix-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kien il-Perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq il-Mitħna fix-Xewkija? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-Perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f’liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet, jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – lista ta’ esperti u konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-esperti u konsulenti li hu u l-Ministeru tiegħu u dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, kellhom matul is-sena 2020 u li għad għandhom fil-preżent? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista:
a. bl-ismijiet;
b. kemm qegħdin jitħallsu mill-istess Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu; u
c. jagħti l-informazzjoni dwar dawn l-esperti u konsulenti u ta’ xiex huma esperti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 19216.
Jista’ l-Ministru jelenka s-siti storiċi li hemm fuq Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hemmx siti minn dawn li huma devoluti u lil min huma devoluti? Jista’ jgħid x’qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex f’kull sit li hemm f’Kemmuna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat. Il-Ministeru għal Għawdex mhux għaddej b’xogħol strutturali u/jew ta’ restawr fuq siti storiċi f’Kemmuna.
Ministeru għal Għawdex — impjieg, tender jew direct order lill-persuna
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx xi impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 s’issa? Jekk iva, x’inhu l-irwol tagħha u kemm tħallset għal dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ma ngħatat l-ebda’ impjieg, tender jew direct order minn dan il-Ministeru mis-sena msemmija l’hawn.