Għawdex — Linji gwida fir-rigward tal-agro-turiżmu
Question
Peress li huwa fatt li t-turiżmu f'Għawdex huwa staġjonali u jekk irridu li ngħelbu din l-istaġjonalità hemm bżonn li noħolqu iktar niċeċ turistiċi f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li tinħoloq policy u jsiru linji gwida fir-rigward tal-agro-turiżmu u jingħataw inċentivi għal dawk il-proġetti ta' żvilupp sostenibbli li jsiru f'Għawdex bi skop ta' agro-turiżmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għawdex għandu potenzjal li jidħol fin-niċċa ta’ turiżmu rurali. Il-gvern fil-politika tiegħu nazzjonali għat-turiżmu jagħraf u qed jaħdem sabiex Għawdex jiġi żvilluppat fi gżira ekoloġika. F’dan il-qafas, Għawdex għandha tiġi rreklamata għall-esperjenza rurali li tista’ toffri. Ninsab infurmat li hemm entitajiet differenti li qed jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw dawn il-linji gwida.
JRS — lectures lis-Suldati, suldata casual, u casual officers
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid fuq liema kriterji ġew mogħtija ċ-ċertifikati mil-JRS lis-suldati u lis-suldati casual u lill-casual officers li attendew għal-lectures mogħtija mill-JRS? Min ħallas ta' dawn il-lectures il-Gvern Malti jew l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-sena li għaddiet is-Servizz ta’ Detenzjoni, wara diskussjonijiet mal-JRS, UNHCR u Red Cross, embarka fuq programm ta’ taħriġ. It-taħriġ ġie koordinat mill-JRS li applika għal fondi mill-UE biex dan it-taħriġ seta’ jiġi organizzat fuq perjodu ta’ tnax-il xahar. Il-programm kien immirat li jipprovdi taħriġ speċifikat lill-membri kollha tas-Servizz ta’ Detenzjoni, inklużi suldati u Uffiċjali Temporanji Servizz tad-Detenzjoni, u kull minn attendih ġie mogħti ċertifikat.
Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — full development permit għal-akwarju
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlametari 6054 u jikkonferma jekk l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu għandhiex il-full development permit għall-bini ta' akkwarju pubbliku u attrazzjoni marittima fil-Qawra? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess u tal-pjanti approvati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proġett tal-akkwarju pubbliku hu attrazzjoni marittima fil-Qawra għandu Full Development Permit (PA 2256/07).
L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu ħarġet sejħa għall-kumpaniji li huma interessati jissottomettu offerta għal dan il-proġett. L-offerta trid issir fuq bażi ta’
Design Build and Operate
li tfisser li kumpaniji jridu jħejju pjanti ġodda. Dawn il-pjanti jridu jsegwu il-kundizzjonijiet tal-
Qawra Coast Development Brief
maħruġ mill-MEPA u l-kundizzjonijiet li hemm fil-
Full Development Permit.
Wara li jintrebaħ il-kuntratt, il-pjanti jridu jiġu sottomessi lill-MEPA sabiex issir emenda għall-
Full Development Permit.
Għaldaqstant ma nħossx li hu relevanti li l-pjanti eżistenti jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5965 u jgħid kemm kienu t-turisti u n-numru ta' tourist nights f'Malta mis-snin 1980 sal-lum kull sena separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant iżda li tmur lura sa mill-1966.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi ttieħdu u qed jittieħdu mill-Awtorità ta Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabiex ikunu protetti l-fdalijiet u s-sit li fuqu qed jinbena sptar privat ġdid f'Bulebel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn riċerka li kient ġabret il-MEPA fl-2000 għall-inventarju nazzjonali tal-wirt kulturali immobbli, kellha tgħarrif li fl-1965/6, waqt li kien qed jinbena ċentru għad-distribuzzjoni tal-ħalib fis-sit in kwestjoni, instabu tliet oqbra tal-perjodu Puniku (daqs 2500 sena ilu). Fuq bażi ta’ din l-informazzjoni fl-Outline Development Permit PA1873/01, il-MEPA għamlet kundizzjoni numru 3 fejn speċifikament talbet illi x-xogħlijiet għandhom ikunu moniterjati flimkien mad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
B’konformita ma’ din ir-rakkomandazzjoni meta nħareġ il-permess PA3472/07 għat-twaqqiegħ tal-bini eżistenti kif ukoll l-iskavar għall-livelli ta’
basements
, il-kundizzjoni numru (4) kienet tispeċifika illi x-xogħlijiet kollha għandhom jiġu spezzjonati minn persuna mħarrġa fl-arkeoloġija. Il-kundizzjonijiet kienu jeħtieġu wkol li l-applikant jagħmel tajjeb b’Garanzija Bankarja li tammonta għal €60,000, sabiex jiġi assigurat li dawn il-kundizzjonijiet jiġu osservati.
Fil-fatt, dawn il-kundizzjoni ġew rispettati mill-applikant u f’Ottubru 2008 il-MEPA kienet mgħarrfa mill-arkeologi appuntati biex jimmonitorjaw ix-xogħlijiet, illi kienu nstabu żewġ oqbra waqt li kien għaddej ix-xogħol. F’Ottubru u Novembru 2008, hekk kif tkompla x-xogħol, nstabu aktar oqbra u dan wera ċar illi s-sit kien ta’ importanza arkeoloġika konsiderevoli. Il-mod ta’ tħaffir ta’ blat irriżulta f’xi ħsara ta’ xi oqbra peress li kien qed jintuża makkinarju kbir. Għaldaqstant, fid-9 ta’ Diċembru 2008 il-MEPA ippublikat Ordni ta’ Emerġenza għall-Konservazzjoni skond kif provdut f’Artikolu 47 ta’ l-Att dwar l-Iżvilupp u l-Ippjanar, 1992 u għandha validita’ ta’ sitt xhur sabiex ikun jistaw isiru l-istudji u l-konsultazzjonijiet meħtieġa filwaqt li jitħarsu il-fdalijiet arkeoloġiċi misjuba. Din l-Ordni ma tippermetti l-ebda intervent li jista’ jirriżulta fi ħsara lill-fdalijiet misjuba, kif ukoll jobbliga lill-perit/applikant sabiex fi żmien tliett xhur (sad-9 ta’ Marzu 2009) jissottometti miżuri u disinji alternattivi lill-MEPA b’mod li l-oqbra jiġu konservati.
F’kommunikazzjoni lill-MEPA datata 13 ta’Jannar 2009 ll-perit informa lill-MEPA li mhux possibbli li jinbidlu l-pjanti, u b’konsegwenza l-oqbra għandhom jinqerdu.
Sa dan it-tant, saru tlett laqgħat bejn l-applikant u l-perit, il-MEPA u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali sabiex tinstab soluzzjoni li tikkonserva l-oqbra filwaqt li jkun jista’ jitkompla l-iżvilupp b’xi emendi. L-applikant qed jikkopera bis-sħiħ mal-MEPA u l-SWK.
S’issa, nstabu total ta’ tlettax-il qabar, li tnejn minnhom huma mkissra, seba’ għandhom xi ħsarat żgħar u erba’ huma intatti. Tnejn oħra kienu diġà ġew meqruda fl-1965/6. Mill oqbra misjuba, tnejn ġew investigati b’metodoloġija arkeoloġika u xjentifika. Jirriżulta li dawn iż-żewġ oqbra kienu diġà ġew misjuba fil-passat u l-fdalijiet ta’ ġo fihom mħarbta. Ma dan kollu, xorta waħda kien għad fihom fdalijiet umani artikolati kif ukoll bċejjeċ tal-fuħħar, fosthom lampi taż-żejt. Ħamsa oħra għadhom fi stat tajjeb u għadhom ma’ ġewx investigati xjentifikament, għalkemm investigazzjonijiet preliminari juru illi dawn l-oqbra għad fihom fdalijiet umani artikolati kif ukoll bċejjeċ tal-fuħħar varju. Din hi waħda mill-ikbar konċentrazzjonijiet t’oqbra Punici li nstabu barra miż-żona tar-Rabat/Mdina.
Barra min dawn l-oqbra, inkixfu għadd ta’ kanali tad-dwieli u elementi oħra mqatta’ fil-blat ta’ żmien ilu, filwaqt li ġie innutat li fil-qiegħ ta’ ħitan tas-sejjieħ adjaċenti mas-sit hemm ġebel kbir normalment assoċjat ma’ perjodu Klassiku (Puniko-Ruman).
Preżentament ix-xogħlijiet ta’ investigazzjoni għadhom għaddejjin mill-arkeoloġi bid-direzzjoni tas-Sovrintendent tal-Wirt Kulturali. Il-MEPA għada tistinka sabiex tinsab soluzzjoni denja u fl-iqsar żmien possibbli.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Talbiet għal revokar ta' permess
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal revokar ta' permess skond l-artiklu 39 A tad-Development Planning Act minħabba t-twaħħil tas-site notice f'post ħażin mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar stess?
Jista' jgħid kemm minn dawn it-talbiet li kienu tressqu quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ġew milqugħa u rifjutati abbażi ta' dan l-iżball?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm talba waħda għal revokar ta' permess skond l-artikolu 39 A tad-Development Planning Act minħabba t-twaħħil tas-site notice f'post ħażin. Dan kien il-permess PA 0230/08 li ġie irrevokat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar waqt il-Bord li nżamm nhar is-26 ta' Frar, 2009. Skond Artikolu 32(4) tad-Development Planning Act 'l-Awtorità għandha tkun responsabbli li twaħħal avviż fis-sit u l-applikant għandu jkun responsabbli li jisgura li l-avviż jibqa' mwaħħal għal perjodu ta' għoxrin jum mid-data li l-avviż jiġi hekk imwaħħal.'
Jikkonsidra l-Prim Ministru li jabolixxi t-taxxa l-ġdida li mill-1 ta' Jannar 2010 kull turist iħallas €0.50 għal kull lejl li joqgħod Malta? Jista' jgħid jekk jikkonsidrax ukoll li jerġa' jiftaħ l-uffiċni tal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu barra minn Malta?
Ħal Għaxaq — Triq it-Telleritu - Servizz tad-drenaġġ
Question
Peress li l-mistoqsija parlamentari 4469 għadha mhux imwieġba minkejja li għaddew tliet xhur, jista' l-Prim Ministru jagħti tweġieba għal din il-mistoqsija u jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq din is-sitwazzjoni?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6396 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid: Peress li r-residenti ta' Triq Lunzjata fir-Rabat, Għawdex qed jilmentaw minħabba rwejjaħ ikkaġunati minn rimi ta' skart u ħmieġ ieħor f'Wied il-Lunzjata, tara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat?
Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli — rapport fuq website tal-Ministeru tar-Riżorsi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huwa responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli? Jekk huwa responsabbli għal dan, għaliex ir-rapport u l-ħidma tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli jinsabu fuq il-website tal-Ministeru tar-Riżorsi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-responsabbilità għall-Iżvilupp Sostenibbli hija waħda li taqa’ f’idejn kulħadd f’dan il-pajjiż. Ir-responsabbilità ta’ koordinazzjoni taqa’ fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli qed tkun reveduta u aġġornata u għandha tkun ippubblikata fi żmien qasir. Id-dokument rivedut ser jitpoġġa fuq il-
website
tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. www.opm.gov.mt
Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont (breakdown) ta' kemm daħħal flus mill-multi tal-wardens fis-sena 2006, 2007? Jista' jagħti dan it-tagħrif ukoll għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 2008 u t-30 ta' Marzu 2008, bejn l-1 ta' April 2008 u l-31 ta' Diċembru 2008 u bejn l-1 ta' Jannar 2009 u t-28 ta' Frar 2009?
Kon-Katidral ta' San Ġwann — International Committee of Museums - fondazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6473 li saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport imħejji mill-International Committee of Museums fuq il-proġett propost mill-fondazzjoni għall-Katidral ta' San Ġwann li jirrigwarda l-istess kon-katidral?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rapport li qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa rapport ta’ NGO u għalhekk jidher li jkun aktar xieraq jekk l-Onorevoli Interpellant titlob kopja tiegħu lill-NGO li preparatu.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6537 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dwar l-emissjonjiiet mill-power station ta' Delimara matul is-sena 2008 u fis-sena 2009 sal-lum, partikolarment dwar particulate matter li spiss nirreferu għalih bħala trab fin?
Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Statement of Defence tal-4 ta' Awissu 2008 li Malta bagħtet lill-Unjoni Ewropea bi tweġiba għall-infringement 2006/2407 li jikkonċerna d-direttiva 2001/80/KE tal-Unjoni Ewropea dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar ta' kombustjoni u dan b'rabta ma' l-operazzjoni ta' l-impjant ta' l-istim Fazi Nru 1 tal-power station ta' Delimara u tal-power station tal-Marsa?
Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ — Administrative Assitants and Monitoring Officers
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6425, jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex fl-applikazzjonijiet ma kienx indikat li wieħed mill-Assistenti Amministrattivikellu jkun ibbażat f’Għawdex kif inhuma l-proċedura u l-prassi stabbiliti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru stess, sabiex ma jitħallewx barra milli japplikaw u ssir diskriminazzjoni kontra dawk l-Għawdxin li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux imorru jaħdmu Malta? Jista' jgħid kemm kien hemm residenti f’Għawdex li applikaw għall-pożizzjoni ta’ Assistent Amministrattiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma ndikatx fl-avviż li deher fil-gazzetti li wieħed mill-Administrative Assistants ser ikun ibbażat ġewwa Għawdex, minħabba li jista’ jkun hemm perjodi li jsir xogħol ġewwa Malta.
Kien hemm tliet persuni residenti f’Għawdex li ġew mitluba jattendu għall-intervista għall-
Administrative Assistant
fuq l-iskema
Employment Aid Programme
wara li bagħtu l-applikazzjoni tagħhom.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — appointments fil-gradi professjonali u tekniċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-appointments fil-gradi professjonali u tekniċi li ngħataw mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn Marzu 2008 sal-lum?
Bord ta' l-Appell dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta' Kwalifiki — Membri Maħtura
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3595 u jgħid min huma l-membri maħtura minnu fuq il-Bord tal-Appell dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki, meta nħatru u jekk għandhomx remunerazzjoni?
Jista’ għid jekk il-bord huwiex iffurmat kif tistipula l-liġi? Jista’ jikkonferma li ħadd fuq dan il-bord m'għandu konflitt ta’ interess u impediment li jkun fuqu kif stipulat bil-liġi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord tal-Appell dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta' Kwalifiki, hekk kif l-aħħar kostitwit għal terminu ta' tliet snin b'effett mit-30 ta' April 2004, kien magħmul minn:
Chairperson: Sur Paul A Attard
Membri: Dott Deborah Chetcuti
Dott Stephen Zammit
M'hemmx remunerazzjoni marbuta ma' dawn il-ħatriet.
Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3606, mogħtija fil-25 ta' Novembru 2008 mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport. Peress li r-revalwazzjoni msemmija għadha ma ntemmitx, għadhom ma nħarġux ħatriet b'konnessjoni mal-Bord tal-Appell dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta' Kwalifiki.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Nefqa globali fuq hospitality
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-hospitality tal-Ministeru, dipartimenti u dekasteri li jaqgħu taħtu matul l-2008 rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjoni għal-iżvilupp
Question
B'referenza għall-mistqosija parlamentari 4684 mogħtija fis-seduta 71 tal-15 ta' Jannar 2008, u b'xi mod partikulari għall-informazzjoni mogħtija fir-rigward tal-applikazzjoni għall-iżvilupp li dettalji tagħhom qed jinbagħtu separatament, jista' l-Prim Ministru jivverifika ma' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar id dettalji li qiegħdin ukoll jinbagħtu separatament?
Jista' f'dawn iċ-ċirkustanzi l-Prim Ministru jivverifika jekk hux il-każ li l-awtorità tara għandhiex x'iżżid mal-informazzjoni li ngħatat fis-seduta 71 sabiex l-istess Awtorità tassigura li jinħareġ il-permess li issa ilu dovut skond il-liġi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni PA 560/06 ġiet determinata mill-Awtorità u bħal issa qegħda pendenti fl-istadju ta' rikonsiderazzjoni. Oltre dan, l-Awtorità irrispondiet għall-ilmenti imressqa mill-applikant tramite risposta fl-Atti tal-Mandat ta' Inibizzjoni ta' l-istess applikant li jġib in-numru 1148/08 VDG. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-risposta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ipparteċipat fieri l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu matul l-2000 u l-2009 sal-lum biex tħeġġeġ t-turiżmu lejn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu mill-2000 sa l-2009 ipparteċipat f’bejn 60 u 70 fiera u esibizzjonijiet turistika fis-sena, prinċipalment fl-Ewropa minn fejn nirċievu iżjed minn 90 fil-mija tat-turisti li jżuruna, kif ukoll fi swieq ġodda u iżjed imbegħda bħall-Istati Uniti, Ġappun, Ċina, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Korea t’Isfel fost oħrajn.
Wara kull parteċipazzjoni ssir evalwazzjoni u abbażi tar-riżultati miksuba, l-informazzjoni li tiġi lura mill-aġenti Maltin u lukandiera kif ukoll minn żviluppi fis-swieq infushom, nippjanaw ’l quddiem.
Barra minn dawn l-Awtorità pparteċipat f’numru ta’ fieri iżgħar.