Istallar ta' antenni u appart ta' telekomunikazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6582 u jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' permessi u DNOs fir-rigward istallar ta' antenni u apparat ieħor ta' telekomunikazzjoni kemm fiss kif ukoll ċellulari f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u kemm ġew iritirati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6582.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għad fadal persuni li huma impjegati maċ-Ċivil li meta jispiċċaw bl-età huma ntitolati għas-somma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi hemm 2,393 impjegat fis-Servizz Pubbliku li meta jirtiraw huma ntitolati għall-pensjoni tat-Teżor, skond l-Ordinanza tal-Pensjonijiet.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex se jippromwovi l-kunċett ta' teleworking għal ħaddiema nisa maċ-Ċivil li jkunu saru ommijiet? Kemm hemm ħaddiema taċ-Ċivil li jibbenefikaw mit-teleworking?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-prinċipju, is-sistema tat-teleworking tapplika għall-ħaddiema tal-Gvern kollha sakemm ix-xogħol ikun adattat għat-teleworking. Meta ġiet introdotta s-sistema tat-teleworking inħarġu guidelines estensivi biex jaffiċilitaw id-dħul ta’ din is-sistema fid-dipartimenti u fost l-impjegati kollha, inklużi l-ommijiet u l-missirijiet il-ġodda.
Is-sistema tat-
teleworking
hija meqjusa li hija għodda importanti fost id-diversi miżuri favur il-familja (fosthom l-
maternity leave
, il-
leave
għall-adozzjoni, il-
leave
għall-
fostering
, il-
leave
għall-ġenituri, il-
career break
, ix-xogħol fuq sigħat imnaqqsa, il-
leave
ta’ responsabbilità, u l-
flexitime
) li l-ħaddiema fis-servizz pubbliku jistgħu jagħmlu użu minnhom biex jgħinuhom ilaħħqu bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja. Is-Servizz Pubbliku jippromwovi dawn il-miżuri kollha sabiex l-impjegati jkunu jistgħu jutilizzaw il-miżuri li l-iktar jgħoddu għaċ-ċirkostanzi tagħhom.
Bħalissa hemm madwar mija u sbatax (117) impjegat fis-servizz pubbliku li jaħdmu bit-
teleworking
. Mija u sebgħa (107) huma nisa u għaxra (10) huma rġiel.
Bħala persentaġġ mill-art kollha Maltija u Għawdxija, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm art (i) xagħri (ii) saqwi (iii) żviluppat? Kemm tikkompara din ir-rata ma' għaxar snin, 20 sena u 30 sena ilu?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Group 4 - xogħol klerikali
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6632 u jgħid jekk hemmx ħaddiema tal-Group 4 jagħmlu xogħol klerikali fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk fl-affermattiv, kemm jitħallsu fis-siegħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rata li biha l-MEPA qiegħda tħallas lil G4S għas-servizz klerikali li qed jofrulha hi ta’ 5.18 Euro kull siegħa (excl VAT).
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Annual Report
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ir-rapport annwali tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar 2008 għadu ma ġiex ippubblikat u mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra? Jidhirlu li dan qed imur kontra l-legal frameworks kif ipprovdut mid-Development Planning Act li jirrigwarda financial reporting tal-Awtorità?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu taħrikiet fuq kontravenzjonijiet taħt LN344/05 (Littering Act) xahar b’xahar minn Jannar 2006 sa Frar 2009 maqsumin f’kemm minn dawn inħarġu mill-Gwardjani Lokali, mill-Pulizija u Inspectors tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm minn dawn it-taħrikiet ġew imħallsa mill-ewwel? Kemm minnhom ġew ikkontestati fit-tribunal lokali u t-taħrika ġiet ikkonfermata u tħallset? Kemm minn dawk li ġew ikkonfermati għadhom ma tħallsux?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6431 u 5528, u jgħid jekk il-Gvern jikkonsidrax proposta konkreta għal servizz ta’ l-ajru bejn Malta u Għawdex li tkun tinkludi sussidju mill-Gvern taħt public service contract? Jekk iva, hemm xi sejħa miftuħa bħalissa għal proposta bħal din? Jekk m’hemmx, meta mistenni li jkun hemm sejħa?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Applikazzjonijiet pendenti - żona ODZ
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħalissa fl-inħawi meqjusa bħala outside development zone? Kif inhuma maqsuma dawn l-applikazzjonijiet, maqsuma skond il-lokalitajiet differenti, madwar Malta u Għawdex?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tiġi tiswa lil Gvern biex joħroġ il-Gazzetta tal-Gvern printjata? Kemm tinxtara din il-gazzetta? Kemm isir qliegħ jew telf fuq l-istess gazzetta? Hemm il-ħsieb li tibda ssir anke issa li għandna E-Government?
Għawdex — Kunsilli lokali - devoluzzjoni tal-proprjetà pubblika
Question
Jista' l-Prim Ministru jinforma lil-Kamra kemm-il devoluzzjoni tal-proprjetà pubblika ingħataw lill-kunsilli lokali f'Malta u f'Għawdex? Kemm minn dawn ingħataw lill-kunsilli lokali f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista li turi id-devoluzzjonijiet ta’ proprjetà li saru lill-Kunsilli Lokali mit-twaqqif tagħhom sallum.
Bugibba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar — toroq b'wiċċ ġdid
Question
Filwaqt li wieħed japprezza l-investiment li mistenni jsir fl-inħawi ta' Bugibba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar biex dawn l-inħawi jingħataw dehra isbaħ, jista' l-Prim Ministru jaċċerta li l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta tingħaqad mal-kunsill lokali biex numru ta' toroq, inkluż dawk li żgur ma jistgħux isiru mill-fondi tal-kunsill lokali, fil-fatt jingħataw wiċċ ġdid sa qabel is-sajf li ġej?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorità tat-Turiżmu m’għandhiex budget dedikat għall-kisi tat-toroq u xogħol ieħor relatat u għalhekk ma naħsibx li ser ikun possibbli li jsir ftehim ta’ koperazzjoni f’dan il-qasam.
Madankollu, jekk hemm oqsma oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-MTA u l-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar jixtieq xi forma ta’ ftehim ta’ koperazzjoni fuqhom, ma nara xejn ħażin anzi inħeġġeġ sabiex iż-żewġ partijiet jibdew diskussjonijiet dwarhom immedjatament.
Finalment, l-iskop tagħna lkoll huwa li nagħtu l-aħjar servizz u prodott kemm lil Maltin kif ukoll lit-turisti li jżuru lil dawn il-gżejjer.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq attivitajiet kulturali u turistiċi imtella' separatament fil-Birgu, Bormla, Isla u Kalkara mill-ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mis-sena 2000 sal-lum, sena b'sena?
Bormla, Isla, Birgu u Kalkara — Proġetti ta' akkomodazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il survey arkeoloġiku sar f'Bormla, Isla, Birgu u Kalkara qabel ma nħarġu permessi għat-twaqqiegħ u bini mill-ġdid ta' proġetti ta' akkomodazzjoni bejn is-sena 2000 u llum? Jista' jgħid ukoll jekk f 'kull każ sarx environmental impact assessment minħabba li ż-żona hi ta' importanza storika u arkeoloġika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dak li għandu x'jaqsam ma’ proġetti ta' akkomodazzjoni qatt ma sar stħarriġ arkeoloġiku f'Bormla, Isla, Birgu u Kalkara, la f'dawn l-aħħar snin u lanqas qabel. L-informazzjoni dwar sejbiet arkeoloġiċi f'dawn l-inħawi hija skarsa ħafna u investigazzjonijiet arkeoloġiċi jkunu ġustifikati biss jekk ikun hemm dokumentazzjoni jew suspett informat dwar xi fdalijiet fl-inħawi.
Madankollu, l-MEPA għamlet żoni ta'
constraints
madwar il-Birgu kollu, u qiegħ il-baħar tal-Port il-Kbir peress li f'dawn iż-żoni kienu dokumentati bi preċiżjoni varja xi fdalijiet arkeoloġiċi li illum huma mgħottija bil-bini jew taħt il-baħar, kif ukoll it-tarf ta' Bighi fejn kienu nstabu lapidi ta' oqbra Eġizzjani (illum fil-British Museum). Żoni ta'
constraints
arkeoloġiċi oħra jinkludu kmamar mqatta’ fil-blat u dekorati fl-Isla u qabar viċin Dock Nru. 5. L-uniku sit arkeoloġiku li wieħed jista’ jara huma
cart-ruts
fil Kalkara barra ż-żona ta' l-iżvilupp.
Barra minn hekk, fil bidu tas snin 2000, il-MEPA obligat li jsiru investigazzjonijiet arkeoloġiċi fuq l-art u taħt il-baħar fil-proġett tal-Marina tal-Birgu fejn ġew dokumentati fdalijiet mill-epoka medjevali sal-lum, u l-bċejjeċ li ittellgħu min qiegħ il-baħar illum huma esposti fil-Mużew Marittimu fil-Birgu. Ftit snin ilu saru skavi arkeoloġiċi biex jinstab il-pedament ta' l-arloġġ tal-Birgu. Fil-proġett tal-Forti Sant’Anġlu saru diversi kontrolli arkeoloġiċi waqt ir-restwar u xogħol ieħor. Kull min għandu nformazzjoni dwar fdalkijiet arkeoloġiċi huwa obbligat bil-liġi li jinforma l-awtoritajiet konċernati minnufih sabiex dawn ikunu jistgħu jaġixxu.
Fiż-żona msemmija, tnedew valutazzjonijiet ta' l-impatti ambjentali (environmental impact assessments - EIA) għal dawn il-proġetti:
1. L-applikazzjoni għall-permess PA 8201/06 (Ir-riabilitazzjoni tal-Baċir Numru 1, li kien jinkludi fih żvilupp residenzjali). Dan il-proġett kien jikkwalifika għall-EIA kien jinkludi studji tal-arkeoloġija tas-sit u tal-madwar.
2. L-applikazzjoni għall-permess PA 4855/99 (L-iżvilupp ta'
yacht marina
fid-Daħla tat-Tarzna ġewwa l-Isla). Dan il-proġett kien jikkwalifika għall-EIA, li kien jinkludi studi tal-arkeoloġija fil-baħar.
Żviluppi oħra fl-inħawi ma kienux jikkwalifikaw għall-EIA skond il-kriterji legali eżistenti.
Istallar ta' antenni u appart ta' telekomunikazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' permessi u DNOs fir-rigward ta' istallar ta' antenni u apparat ieħor ta' telekomunikazzjoni kemm fiss kif ukoll ċellulari f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u kemm ġew iritirati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità rċeviet mija tnejn u tletin applikazzjoni (132) u disgħa u erbgħin (49) DNO għal installar t'antenni u apparat ieħor ta' telekominikazzjoni mis-sena 2004 sal-lum.
Mill-mija tnejn u tletin applikazzjoni ("full development"), mija u erbgħa (104) ġew aċċettati u ħamsa (5) rifjutati jew miċħuda waqt li tlettax (13) għadhom pendenti u għaxra (10) ġew irtirati.
Mid-disgħa u erbgħin (49) DNO, sitta u erbgħin (46) ġew aċċettati, tnejn (2) rifjutati u waħda (1) ġiet irtirata.
Ta' min jinnota li mis-seħħ ta' Avviż Legali numru 115/07, li daħal fis-seħħ fl-24 ta' April 2007, dan it-tip ta' żvilupp m'għandux bżonn l-ebda notifika jekk mhux qiegħed f'żona skedata.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta l-kliem "antenna", "antennae", "antenni", "telekomunikazzjoni", "telecommunication", "satellite", "satellita" u "satelliti".
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux il-promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta' Malta speċjalment meta l-promozzjonijiet tal-fizzjali ħarġu xi xhur ilu?
X'inhi r-raġuni li suldati li jaħdmu sigħat twal minħabba l-inkwiet li jinqala' mal-klandestini ma jitħallsux extra bħal casual officers li jaħdmu fl-istess xogħol?
X'inhi r-raġuni li l-fizzjali fil-Forzi Armati jitħallsu full incrementmal-ewwel jum li jieħdu l-promozzjoni u rank oħra li jieħdu xi promozzjonijiet jieħdu l-increments tagħhom fuq perijodu ta' numru ta' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-promozzjonijiet li jmiss fil Forzi Armati jinħarġu meta jintemm il-proċess amministrattiv stabbilit.
Ninsab infurmat li l-membri kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta sekondati mal-
Illegal Immigrant Detention Service
huma ntitolati għal allowance speċjali ta’ € 104.82 fix-xahar bħala kumpens għax-xogħol partikolari li jagħmlu. Barra minn dan, huma ntitolati wkoll għal ħlas doppju tal-Ħdud u għal ħlas bir-rata ta’ siegħa siegħa u nofs għal festi pubbliċi bħal membri l-oħra ta’ l-armata.
L-iskali tas-salarji tal-membri kollha tal-Forzi Armati huma bbazati fuq l-iskali 5 u 16 jinħtieġilhom jipprogressaw minn numru ta’
increments
sa ma jilħqu l-
full increment.
Mill-banda l-oħra, kif stipulat, il-fizzjali li qegħdin bejn skala 4 u 2 jitpoġġew fuq skala waħda li m’għandiex
increments.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm nefaq il-Gvern Malti (kollox inkluż) biex żamm, tema, ikkura, opera, nefaq fuq servizz tad-dawl u l-ilma, tiswijiet ta' toilets u showers, tiswija u tibdil ta' fryers u televisions, trasport, li jinkludu wkoll pagi ta' suldati, pulizija, casual officers, fizzjali u nurses mal-immigranti illegali mill-2002 sal-2008 sena b'sena? Min iħallas u f'liema proporzjon għal dan kollu?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — appointments fil-gradi professjonali u tekniċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-appointments fil-gradi professjonali u tekniċi li ngħataw mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn Marzu 2008 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-appointments fil-gradi professjonali u tekniċi li ngħataw mill-MEPA minn Marzu 2008 sal-5 ta' Marzu 2009.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Internal developments fl-Urban Conservations Areas
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew approvati proġetti jew żvilupp ta' Internal Developments mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-Urban Conservations Areas għal kull lokalità sa mit-twaqqif tal-awtorità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma għanda l-ebda metodu kif nistgħu niġbru l-informazzjoni mitluba.