Uffiċċju tal-Prim Ministru — Nefqa kapitali f'Għawdex
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienet in-nefqa kapitali f’Għawdex kull sena mill-1999 sal-2008 tal-entitajiet Governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid din in-nefqa f’Għawdex kemm kienet bħala persentaġġ tan-nefqa totali tal-istess entitajiet? Jista’ jagħti l-istess tagħrif dwar in-nefqa rikorrenti? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub skond l-entità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma narax il-ħtieġa li nuża’ r-riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant peress li din trid ammont kbir ta’ ħin sabiex tinġabar.
Jekk l-Onorevoli Membru jixtieq xi informazzjoni dwar xi proġett partikolari, m’għandhiex diffikultà li niġborlu d-dettalji.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6946 u 6713 u jagħti rendikont (breakdown) ta' kemm daħħal flus mill-multi tal-wardens għas-snin 2006, 2007? Jista' jagħti dan it-tagħrif ukoll għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 2008 u t-30 ta' Marzu 2008, bejn l-1 ta' April 2008 u l-31 ta' Diċembru 2008 u bejn l-1 ta' Jannar 2009 u t-28 ta' Frar 2009?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6985 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, m'ghandhiex vot?
Jista’ l-Prim Ministru jghid kemm giet skedata propjeta’ sena b’sena mill-1993 sa l-2008 u din kif kienet maqsuma bħala kategoriji bejn bini storiku, siti arkeoloġiċi, siti ta’ interess ekoloġiku, siti ta’interess xjentifiku u siti ta’ valur panoramiku?
Jista’ l-Prim Ministru jghid kemm daħlu applikazzjonijiet għal permessi ambjentali sena b’sena mill-2002 sa l-2008 u kif kienu mqassma bħala waste management, nature protection, VOCs, transboundary movement of waste, CITES u IPPC? Kemm minn dawn ġew approvati sena b’sena?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu environment enforcement notices mill-Ispetturi ta’ l-Ambjent, sena b’sena mill-2002 sa l-2008? Dawn kif kienu mqassmin bejn tniġġis, ħsara jew qtil ta’ speċi protetti, twaqqiegħ ta’ ħitan tas-sejjiegħ, importazzjoni ta’ speċi protetti, scrap yards illegali, tħaddim ta’ impjanti mhux skond ir-regoli ambjentali u rimi ta’ skart?
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub.
Jista' l-Prim Ministru jgħid mit-twaqqif tal-Local Enforcement Systems x'kien, sena b'sena, l-ammont ta' flus dovut lil kull kunsill lokali? Kemm f'total irċevew il-kunsilli lokali u x'inhu l-ammont li kull kunsill lokali għandu jdaħħal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3556, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm taħrikiet fuq rimi ta' skart matul is-sena 2008 xahar b'xahar? Kemm inġabru flus minn dawn? Jista' jaqsamhom skond ir-raġuni tat-taħrika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli (A u B) bit-taħrikiet fuq rimi ta skart matul is-sena 2008. Tabella A turi kemm ingħataw ċitazzjonijiet xahar b’xahar waqt li tabella B turi kemm minhom kienu tħallsu sad-data indkikata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inġabru fondi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-fondi ta' l-Urban Improvement Fund, EIPP u CPPS?
Fil-fondi tal-UIF, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-bilanċ ta' proġetti li ġew approvati u se jingħataw il-fondi inklużi dawk li diġa' ngħataw il-fondi?
Fl-EIPP jista' l-Prim Ministru jgħid min ibbenefika jew se jibbenefika minn dan il-fond? X'kienu l-ammonti?
Mis-CPPS hemm xi entita' li bbenefikat minn dan il-fond? Jekk iva, liema entita' kienet u kemm kien l-ammont?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandhiex aktar fondi u min ibbenefika minnhom s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-31 ta' Jannar 2009 il-flus li nġabru għall-fondi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar huma hekk kif ġej:
UIF (net of refunds to applicants) - €8,702,092.59
EIPP (net of refunds to applicants) - €2,763,877.52
CPPS (net of refunds to applicants and
as at 31/12/2008) - €10,657,429.90
Il-fondi li ġew komessi mill-fond ta' l-UIF jammontaw għal €4,059,239 mifruxa fuq 135 proġett. Minn dawn, diġà ingħataw €2,382,154. – Tabella A.
Il-fondi li diġà tqassmu mill-EIPP sal-31 ta’ Jannar 2009 jammontaw għal €715,513.57 u tqassmu hekk kif - Tabella B.
Tabella B1 turu l-informazzjoni ta’ min se jibbenefika minn dawn il-fondi.
L-entitajiet li bbenefikaw mis-CPPS sal-31 ta' Jannar 2009 u l-ammonti rispettivi, huma hekk kif ġej: - Tabella C.
L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha wkoll l-iskema tal-galleriji ta' l-injam. Minn din l-iskema sal-31 ta' Jannar 2009, tqassmu €515,374.08.
Fondi oħrajn huma kif dettaljati f’Tabella D.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kunsilli lokali jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex jorganizzaw attivitajiet kulturali u dan biex l-element kulturali u l-potenzjal turistiku tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin ikun inkoraġġut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond kif ġie imħabbar fid-diskors tal-baġit 2009, il-Gvern ħabbar policy għall-Kunsilli Lokali li permezz tagħħa ġew imnedija diversi skemi. Qed nirreferi għall-Policy dwar Lokalitajiet sostennibbli li fil-qafas tagħha ġew ivvotati aktar minn € 6.5 miljun. Għar-rigward ta’ skemi kulturali u turistiċi ġew imnedija l-iskema dwar Attivitajiet Kulturali f’Diċembru 2008, liema skema għalqet u li għaliha daħlu tmienja u tletin (38) applikazzjoni minn tletin (30) Kunsilli Lokali, kif ukoll l-iskema għall-Premju EDEN 2009 (European Destination of Excellence), maħruġa fi Frar 2009, li hi immirata biex tagħti rikonoxximent għall-karatteristiċi tad-diversità tad-destinazzjonijiet turistiċi.
Ħal Għaxaq — Triq it-Telleritu - Servizz tad-drenaġġ
Question
Peress li l-mistoqsija parlamentari 4469 għadha mhux imwieġba minkejja li għaddew tliet xhur, jista' l-Prim Ministru jagħti tweġieba għal din il-mistoqsija u jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq din is-sitwazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA irċeviet applikazzjoni - 'Sewer main extension at Ta' L-Andar and Il-Hareb areas' f'Triq Ta' Telleritu u mhux Triq it-Telleritu f’Ħal Għaxaq kif ġie indikat fil-mistoqsija parlamentari PQ 4469.
Ir-rapport fuq din l-applikazzjoni wasal biex jiġi magħluq, u f'qasir żmien ser jintbagħat kopja ta' dan ir-rapport lil perit u lill-applikant.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Group 4 - xogħol klerikali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħaddiema tal-Group 4 jagħmlu xogħol klerikali fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk fl-affermattiv, kemm jitħallsu fis-siegħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6942.
Hotels, villa, restaurtants u appartamenti minbinija fuq art tal gvern
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5705 u jgħid kemm il-hotel, villa, restaurant u appartamenti kienu mibnija fuq art tal-Gvern u wara li nbnew, ġew regolarizzati fl-aħħar 20 sena? Jista' jsemmi kemm saru minn dawn l-każijiet sena b'sena fl-aħħar 20 snea?
Jekk jiġi ratifikat it-Trattat ta' Lisbona mill-Irlandiżi, jista' l-Prim Ministru jgħid kif se jimtela' s-sitt siġġu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kunsill Ewropew tal-11 u 12 ta’ Diċembru 2008 stabbilixxa miżuri tranżitorji fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew jekk it-Trattat ta’ Lisbona jidħol fis-seħħ wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju 2009. Dawn il-miżuri tranżitorji jipprovdu għal żieda fin-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew għal numru ta’ Stati Membri, inkluża Malta, kif stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona. Din iż-żieda se ssir permezz ta’ Protokoll li jrid ikun negozjat u mbagħad ratifikat mill-iStati Membri kollha biex jidħol fis-seħħ mhux iktar tard mill-2010.
Għalhekk, huwa neċessarju li jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona u dan il-Protokoll sabiex ikun jista’ jibda x-xogħol biex ikun determinat kif jista’ jimtela’ dan is-siġġu l-ġdid ta’ Malta fil-Parlament Ewropew. Ta’ min ifakkar li dan is-siġġu huwa frott il-ħidma tal-Gvern Malti waqt in-negozjati fuq it-Trattat ta’ Lisbona u rrid pubblikament nirringrazzja lil dawk kollha li kienu nvoluti f’dawn in-negozjati. Huwa wkoll riżultat tal-ħidma tal-Gvern Malti u dak Spanjol, li l-Kunsill Ewropew tal-11 u 12 ta’ Diċembru 2008 ftiehem fuq il-miżuri tranżitorji li ser jipprovdu biex Malta tkun tista’ timla dan is-sitt siġġu qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014.
B’danakollu, nixtieq nassigura lill-Onorevoli Interpellant li s-sitt siġġu ta’ Malta se jimtela’ b’mod trasparenti konformi mat-tradizzjonijiet elettorali tagħna u l-proċeduri li huma jew jistgħu ikunu stabbiliti mil-liġi Maltija dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5951 jista’ l-Prim Ministru jgħid liema mill-proġetti ESF 1.21, 1.31, 2.64 u 2.7 huma esklussivament għal Għawdex u liema għandhom attivitajiet speċifiċi għal Għawdex? X’inhuma l-attivitajiet speċifiċi f’kull każ? X’inhuma l-korsijiet maħsuba taħt ESF1.23?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ESF 2.7 huwa esklussivament għal Għawdex, filwaqt li l-proġetti ESF1.21, ESF1.31 u 3.64 (mhux 2.64 kif kien indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5951) għandhom attivitajiet speċifiċi mmirati għal Għawdex.
Il-proġett ESF 2.7 jikkonsisti f’taħriġ f’ilsna barranin fuq livell mitkellem.
Il-proġett ESF 1.21 jikkonsisti f’korsijiet ta’ taħriġ speċifiku dwar it-teknoloġija tal-informatika fl-ECDL. Wieħed minn dawn il-korsijiet ser jiġi organiżżat f’Għawdex.
Il-proġett ESF 1.31 jikkonsisti f’korsijiet ta’ taħriġ fil-konservazzjoni u restawr ta’ patrimonju fl-injam. Wieħed minn dawn il-korsijiet, iffukat fuq il-preservazzjoni ta’ wirt kulturali ta’ natura materjali, ser isir ukoll f’Għawdex.
Sadanittant, taħt il-proġett ESF 3.64 li jikkonsisti fi programm ta’ għajnuna marbuta max-xogħol, Għawdex qed jibbenefika minn perjodu itwal li matulu jitħallas is-sussidju irrelevanti mill-kategorija li jaqa’ fiha l-impjegat.
Fir-rigward tal-proġett ESF 1.23, il-korsijiet huma fis-setturi tas-servizzi finanzjarji, turiżmu u teknoloġija tal-informatika.
materjal li jintuża fl-industrija tal-kostruzzjoni — impatt negattiv fuq l-ambjent u saħħet il-bniedem
Question
Jista' l-Prim Ministru jghid jekk il-Gvern għandux policy ambjentali fir-rigward ta' l-impatt negattiv fuq l-ambjent u ssussegwentement fuq saħħet in-nies, fir-rigward ta' materjal li jintuża fl-industrija tal-kostruzzjoni?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki li wieħed għandu jkollu/ha biex jidħol skrivan skala 15 fl-uffiċċju tal-kunsill lokali? Liema regoli japplikaw u meta daħlu fis-seħħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kwalifiki li persura irid ikollha biex tidħol skrivan/a ma’ Kunsill Lokali huma regolati permezz tar-Regolamenti dwar Kunsilli Lokali (Riżorsi Umani) – Avviż Legali numru 127 ta’ l-1998 li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1998.