Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx bħalissa persuni fil-lista ta’ stennija biex jiġu megħjuna minn psikologu jew assistent psikologu fil-Mental Health Community Services? Ġeneralment kemm idumu dawn il-persuni jistennew sabiex jiġu moqdija minn dawn il-professjonisti?’
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-qasam tal-Mental Health Community Services għall-adulti ma hemmx lista ta' stennija biex wieħed jirċievi s-servizz ta' psikologu jew assistent psikologu. Ġeneralment il-persuni jingħataw appuntament fi żmien ġimgħa wara li l-psikologu jew assistent psikologu jirċievi r-referral u mbagħad ikollhom l-ewwel laqgħa ma' dawn il-professjonosti fi żmien ġimgħatejn.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — karigi minn persuni barra s-settur pubbliku
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma dawk il-karigi fis-Segretarjat Privat tiegħu u tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-persuni li jokkupawhom, ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-karigi fis-Segretarjat Privat tiegħi fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u li ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku huma customer care officer, communications secretary, ministry co-ordinator, 3 full time equivalent officers, 3 full time equivalent secretariat pools, 3 full time equivalent messengers/charwomen u 2 personal drivers/securities.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jibdew isiru kuntratti li jirregola t-titlu fuq l-oqbra taċ-Ċimiterju tal-Addolorata kif ukoll f’ċimiterji oħra f’Malta u Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-ġimgħat li ġejjin ser ikunu qed isiru l-ewwel kuntratti dwar xiri t’oqbra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa ħareġ grants ta’ €5,000, €10,000, €10,000 u €5,000 bejn l-2017 u l-2020. Fl-2019, l-Occupational Health & Safety ukoll tat sponsorship ta’ €200. Ta’ min jirrimarka li dawn il-fondi kienu ndirizzati lil għaqdiet li jaħdmu ma’ pazjenti tal-kanċer bħala parti mill-kampanja Pink October ta’ Marigold, mhux għall-fondazzjoni nnifisha.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li uncemented prosthesis li jintużaw għall-hip replacements u knee replacements bħalissa huma out of stock, għax it-tender għall-provvista ta’ dawn il-prosthesis skada u għadu ma ngħatax, b’konsegwenza li pazjenti li qed jistennew sabiex jiġu operati għal hip replacement jew knee replacement qed ibatu minħabba li m’hemmx dawn il-prostheses b’detriment kbir għal saħħithom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-uncemented prosthesis li jintużaw għan-knee replacements mhumiex out of stock. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ xiri għal- uncemented prosthesis li jintużaw għall-hip replacements. Is- Central Procurement and Supplies Unit ħarġet sejħa għal-Negotiated Procedure u bħalissa din qedgħa tiġi evalwata.
B’referenza għat-tender tal-Vitals Global Healthcare (VGH), jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien ir-rwol tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament biex tinkiteb it-tender u/jew biex tagħti parir lill-gvern dwar din l-għotja u l-għażla tal-VGH?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-ħruġ u l-adjudikazzjoni tat-konċessjoni tal-PPP tal-isptarijiet kienu mmexxija minn Projects Malta. Għaldaqstant nitlobu jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15309, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi spejjeż saru fil-Paola Hub tul dawn l-aħħar xhur?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali għal-proġett tal-Paola Hub sal lum hija € 2,087,547.38. Minn dan l-ammont intefqu € 1,868,141 f’xogħlijiet ta' kostruzzjoni filwaqt li €219,406 għal Project Management. Sa issa €908,630.44 ġew minn Fondi Ewropej. Dan il-proġett se jkun jiswa madwar €39 miljun ewro.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — sponsorships/grants mogħtija
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-isponsorships/grants kollha li ngħataw minn xi dipartiment jew entità fil-Ministeru tiegħu sena b’sena, mis-sena 2015 ‘il hawn u għal kull sponsorship/grant jgħid kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju, x’kien il-proġett/inizzjattiva u meta ngħatat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu sal-aħħar ta’ Awissu ta’ din is-sena.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi neċessarji sabiex jara jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, hux ġustifikat li ilu jistenna operazzjoni għal tul ta’ żmien?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara għaliex ingħataw magni li jkejlu l-livell taz-zokkor fil-persuna, meta dawn il-magni jaqraw l-livell taz-zokkor b’15% ta’ żball, jiġifieri 19.5 livell ta’ zokkor jista’ jinqara 23.2 u dan iwassal biex persuna lanqas tkun tista’ tagħmel pjan ta’ kemm għandha tieħu insulina? Peress li hawn tobba li magna bħal din ma jafdawhiex u issa jidher li dan kollu ġara biex il-Gvern xtara magni ta’ €2.5 euro minflok ta’ €3 euro, jista’ f’din iċ-ċirkostanzi jara kif il-pazjent ikun moqdi aħjar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-meters taz-zokkor li qed jintużaw bħal issa ġew evalwati qabel ma ħarġu għall-użu. Dan wara studju intensiv minn professjonisti kwalifikati u skont standards internazzjonali partikolarment ISO15189/17 u ISO15197/15. Ir-riżultati jaqaw fil-parametri aċċettabbli skont dawn l-istandards internazzjonali.
Ministeru għas-Saħħa – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għas-Saħħa u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 11381 li għamel hu stess f’Ottubru tas-sena li għaddiet. Hekk kif tinġabar l-informazzjoni ulterjuri mitluba minnu, din tkun tista’ tingħata wkoll.
Sptar Mater Dei – spiża ta’ Post Exposure Prophylaxis after Sexual Exposure
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15651, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min fil-fatt hu intitolat għall-PEP b’xejn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għal-protokoll rispettiv (Numru 209), kemm dawk il-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa li jkunu ġew esposti għar-riskju tal-HIV waqt il-qadi ta’ dmirijietom kif ukoll il-vittmi ta’ abbuż sesswali huma intitolati għal-PEP b’xejn.
Sptar Mater Dei – mediċina Primidone SERB (250mg) — prezz
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kienet ir-raġuni li bejn Ġunju 2020 u Lulju 2020 mediċina bl-isem Primidone SERB (250mg) għoliet minn €15 għal €104 u din il-mediċina b’din il-varjazzjoni fil-prezz inxtrat mill-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prezzijiet ikkwotati minnu mhumiex korretti. Hu minnu li l-prezz ġie rivedut u żdied peress li kien hemm skarsezza fil-produzzjoni u n-nuqqas ta prodott madwar id-dinja.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16100, irrispettivament mir-raġuni għalfejn iż-żewġ aħwa qed jaħdmu flimkien, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'se jagħmel biex din is-sitwazzjoni li hija ċarament fi ksur tal-kodiċi tat-tmexxija tas-servizzi pubbliku?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wieħed mill-persuni msemmija minnha jirrapporta direttament lid-Direttur tas-Servizz tal-Infermiera tas-Saħħa Mentali.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkunsidra li fiċ-Ċentru tas-Saħħa temporanju tal-Gżira, issir tinda kif saret fil-Health Centre ta’ Ħal Kirkop ħalli min ikun qed jistenna jkollu fejn jistkenn mix-xemx u possibbilment l-anzjani jkollhom fejn joqogħdu bilqiegħda għax kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa qed ikollhom jistennew ġox-xemx u bilqiegħda fuq l-għetiebi tan-nies?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li d-daqs tat-triq u l-bankina jipprekludu li ssir struttura barra, qiegħed isir minn kollox sabiex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il ventilator inxtara minn Mejju 2020 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma nxtara l-ebda ventilator minn Mejju ta’ din is-sena sal lum.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — impatt ta’ Brexit fuq pajjiżna – impact assessment
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar impact assessment li sar fir-rigward tal-impatt tal-Brexit fuq pajjiżna?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm ambulanzi fil-flotta u kemm hi l-ispiża tal-manutenzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dipartimenti u fl-entitajiet tal-Ministeru għas-Saħħa hemm total ta’ 35 ambulanza li jagħtu servizz f’Malta u Għawdex. L-ispi¿a tal-manutenzjoni ta’ dawn l-ambulanzi għas-sena 2019 kienet ta’ €320,368.15.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kull kemm żmien tinbidel il-flotta tal-ambulanzi u jekk jinxtrawx ġodda jew ikunux leased, u kemm hi l-ispiża?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ambulanzi jinbidlu meta jiġu ddikjarati mhux tajbin biex jipprovdu s-servizz meħtieġ.