Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gżira — futur għad-dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-futur tad-dar tal-anzjani fil-Gżira?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-residenti tad-Dar tal-Anzjani tal-Gżira se jiġu trasferiti fil-binja ta’ Zammit Clapp, fejn bħalissa għaddej proċess ta’ refurbishment.

Imtarfa — Dar tal-Anzjani - rapporti dwar molestji sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta waslu l-ewwel rapporti dwar molestji sesswali minn min kien qed imexxi d-dar tal-anzjani fl-Imtarfa? Meta tneħħiet il-persuna konċernata u meta ġew avżati l-Pulizija b'dan kollu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment konċernat dejjem jaġixxi b'mod immedjat u per proċedura jiġu mgħarrfa l-Pulizija għal kull investigazzjoni li jidrilhom huma, kif ukoll il-persuna tiġi sospiża skont ma jipprovdi r-regolament tal-Public Service Commission.

Kiri ta' tagħmir mediku lill-isptarijiet u kliniċi privati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' okkażjonijiet xahar b'xahar bejn Ottubru u Diċembru 2010 u Jannar u Settembru 2011 li fihom il-gvern kera tagħmir mediku lil sptarijiet u kliniċi privati? Liema kien dan it-tagħmir mediku? F'liema oqsma mediċi jintuża? Jista' jgħid x'jistipulaw il-kundizzjonijiet li taħthom inkera dan it-tagħmir, f'każ li l-istess tagħmir issirlu l-ħsara waqt li jkun mikri għand l-isptarijiet u l-kliniċi privati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Belt Valletta — dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tinbena xi dar tal-anzjani ġewwa l-Belt minħabba l-popolazzjoni dejjem tixjieħ f’din il-belt?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Id-dar tal-anzjani tal-Furjana hija dar għall-popolazzjoni tal-madwar. Bħalissa m'hemmx il-ħsieb li tinfetaħ Dar tal-Anzjani ġewwa l-Belt.

Kiosk — menu

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28721, jista' l-Ministru jgħid x'kundizzjonijiet ikollu kiosk biex jopera u ċioe joffri servizzi ta' menu komparabbli mas-servizzi ta' menu li joffru r-ristoranti? Jekk fl-affermattiv, liema legal notice tkopri dan il-permess?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li jeżistu żewġ tipi ta’ kjoskijiet, dawk li huma fissi u dawk mobbli. Il-kundizzjonijiet li jiġu mposti fuq kjoskijiet fissi huma l-istess bħal dawk li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ ‘ snack bar’ jew ristoranti’ li joffru menu għal kull tip ta’ ikel. Matul l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ dawn l-istabbilimenti tal-ikel, l-operatur irid dejjem jindika lit-Taqsima tas-Sigurta` fl-Ikel fi ħdan id-Direttorat Għas-Saħħa Ambjentali, t-tip ta’ ikel li jixtieq joffri jew jipprepara jiġifieri l- menu , il-kobor tal-kċina, kif ukoll in-numru ta’ klijenti li dawn il-postijiet jistgħu jakkomodaw. Wara li tingħata din l-informazzjoni jiġi deċiż x’tip ta’ ikel jista’ jiġi ppreparat jew imsajjar. Fil-każ li l-kċina ma tkunx kbira biżżejjed u ma jkunx hemm alternattivi oħra biex din tikber fid-daqs, l-operatur irid jadatta l- menu skont id-daqs tal-kċina tal-istabbiliment. L-operatur jintrabat b’diversi kundizzjonijiet mad-Direttorat qabel ma jingħata l-approvazzjoni sabiex jiġi żgurat li kull possibilita` ta’ kontaminazzjoni tal-ikel tiġi kkontrollata. Din l-istess approvazzjoni tingħata lill-Awtorita` tat-Turiżmu biex jinħareg il-permess finali biex wieħed ikun jista` jopera dawn it-tipi ta’ stabbilimenti. Filwaqt illi l-kjoskijiet mobbli jiġu pproċessati bl-istess mod, il- menu li dawn jistgħu joffru lill-pubbliku jkun limitat minħabba n-nuqqas ta’ spazju fil-kjosk u għalhekk tikber il-possibilita` ta’ riskju ta’ kontaminazzjoni. L-unika differenza hija li dawn it -tipi ta’ kjoskijiet jiġu wkoll mitluba li jkollhom post jew garaxx fejn jiġi maħżun l-ikel li jkollhom bżonn jew jifdlilhom. Jista` jkun hemm ukoll eventwalita’ li dawn il-postijiet jew garaxxijiet jintużaw biex isir xi preparamenti tal-ikel qabel ma joħorġu fit-toroq. Kif isir mal-istabbilimenti fissi tal-ikel, dawn ukoll jiġu spezzjonati u diversi kundizzjonijiet jitniżżlu fl-approvazzjoni biex l-operatur jintrabat mad-Direttorat x’tip ta’ ikel ikun permessibli li jiġi ppreparat. Il-permess finali ta’ din il-kategorija ta’ kjoskijiet mobbli tinġħata mid-Diviżjoni Għall-Kummerċ. Il-leġislazzjoni prinċipali li wieħed għandu josserva ġo l-istabbilimenti tal-ikel kollha fosthom dawk imsemmija hawn fuq huma L-Att dwar is-Sigurta tal-Ikel (Att X1V) 2002 u Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 u Regolament KE 852/2004. Wieħed jista wkoll jagħmel uzu mill- manual ‘Il-Leġislazzjoni tas-Sigurta’ fl-ikel Spjegata’ li jinsab fuq is-sit elettroniku: http://www.sahha.gov.mt/pages.aspx?page=760

informazzjoni dwar talbiet ta' servizzi li jingħataw fil-kliniċi governattivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru għandux xi forma ta' reġistru ċentrali għal dak li jirrigwarda t-talbiet ta' servizzi li jingħataw fil-kliniċi governattivi madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li talbu dawn is-servizzi mill-polikliniċi fid-diversi rħula li għandna madwar Malta u Għawdex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ambulanzi — kiri

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27990, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-gvern qed iħallas €47,035 f'kirja għal ambulanza waħda (garaxx ta' Gwardamanga) sabiex tiġi replaced ambulanza li l-ispiża għat-tiswija tlaħħaq €9,170 u dan mill-28 ta' Mejju 2011? Jista' jgħid jekk l-ammont imsemmi li tħallas f'kirja, jfisser li jkopri sal-jum tar-risposta parlamentari jiġifieri sat-18 t'Ottubru 2011 u dan ifisser li l-kirja tammonta għas-somma ta' madwar €300 kuljum? Jekk le, kemm iħallas kuljum għal tali kirja?

Response (CASSAR, JOSEPH)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 27990, infurmat li l-Gvern ħallas €47,035 f’kiri ta’ diversi ambulanzi u mhux fuq ambulanza waħda mill-garaxx ta’ Gwardamangia. Dan il-garaxx għandu għad-dispożizzjoni tiegħu ħames ambulanzi. Biex ilaħħaq mad-domanda tax-xogħol il-garaxx ta’ Gwardamangia irid jaħdem b’ħames ambulanzi kuljum u jekk xi ambulanza tkun bil-ħsara jkollu bilfors jirikorri għall-kiri. Mit-tabella annessa mal-mistoqsija parlamentari 27990, wieħed jista jinnota li bejn Jannar 2011 u t-18 ta’ Ottubru 2011, f’xi żmien jew ieħor, xi waħda mill-ħames ambulanzi kienet bil-ħsara u allura kellha tinkera ambulanza. L-ambulanza GVN 233 li qed jgħamel referenza għalijha l-Onor. Interpellant, ma tgħamilx sens li tissewwa meta wieħed iqis l-ispiża biex tissewwa u li din hi vettura li ilha 16 il-sena tintuża. Sal-11 ta’ Ottubru 2011, għal kull kirja, id-dipartiment ħallas €150 għal ambulanza zgħira u €200 għal ambulanza kbira.

Ambulanzi — kiri

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27990, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-gvern qed iħallas €49,560 f'kirja għall-ambulanza waħda (Mater Dei) sabiex tiġi replaced ambulanza liema dettal tal-ħsara ma ġiex innutat, filwaqt li ġew innutati 2 ambulanzi oħra li għandhom ħsara? Jista' l-Ministru jgħid kif qed jopera b'ambulanza waħda mikrija sabiex jiġu replaced 2 li għandhom il-ħsara? Meta huwa mistenni li jissewwew iż-żewġ ambulanzi sabiex titwaqqaf kirja bla bżonn minn flus il-poplu, liema data minn meta bdiet il-kirja ma ġietx mogħtija? Jista' jgħid kemm qed titħallas f'kera kuljum għal din l-ambulanza minn mindu bdiet il-kirja?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kiri tal-ambulanzi ma sarx minħabba ħsarat biss ta’ ambulanza waħda iżda minħabba diversi ħsarat li kellhom l-ambulanzi kollha li hemm fl-Isptar Mater Dei. Huwa tajjeb li wieħed jinnota li jekk ikun hemm ambulanza waħda biss bil-ħsara, b’mod immedjat, l-Isptar Mater Dei jikri ambulanza oħra. Issa jekk minħabba xi spare part li jdum biex jasal Malta, għal dak il-perjodu sakemm jasal l-spare part, l-Isptar Mater Dei ikun kostrett li jikri ambulanza oħra. Dan jgħodd ukoll jekk issir manutenzjoni regolari fuq ambulanza, u din normalment jista’ ddum bejn ġurnata u jumejn. Sitwazzjoni oħra fejn ikun hemm bżonn tinkera ambulanzi hija meta s-seba’ ambulanzi li hemm fl-isptar Mater Dei ma jkunux biżżejjed biex tintlaħaq id-domanda ta’ emerġenzi li jista’ jkun hemm f’ġurnata waħda. B’referenza għaż-żewġ ambulanzi li ilhom bil-ħsara minħabba l-istennija ta’ spare parts, irid jingħad li l-spare parts tal-ambulanza bin-numru GVH097 issa wasslu u din ġiet irritornata fl-isptar Mater Dei fit-28 t’Ottubru 2011. L-ambulanza l-oħra, bin-numru ta’ reġistrazzjoni GVN469, hu mistenni li tkun lesta fl-4 ta’ Novembru 2011. Il-Gvern iħallas € 150.00 kuljum għal kiri ta’ kull ambulanza.

Residenza San Vinċenz de Paul — blokk ġdid - spiża

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi breakdown dettaljat tal-ispiża li laħqet is-somma ta' €9,000,000 fil-blokk il-ġdid f'San Vinċenz de Paul?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li qed jirċievu s-servizz ta' home help f'kull waħda mil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali? Kemm hemm talbiet pendenti għal dan is-servizz f'dawn l-istess lokalitajiet? Meta hu mistenni li jiżdiedu l-persuni li jagħtu servizz, kemm f'dawn il-lokalitajiet, kif ukoll f'partijiet oħra ta' Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

talba biex anzjana tidħol f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, sabiex tkun tista' tidħol f'dar tal-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, dehret quddiem il-Bord tal-Ammissjoni fl-14 t’April 2011 u fil-11 t’Awwissu 2011. Din l-applikazzjoni ma ġietx milqugħa mill-bord minnħabba li din il-persuna għadha kapaċi tgħix indipendenti fid-dar privata tagħha.

Informazzjoni dwar persuni li jingħataw mediċina b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28149 u jgħid kemm-il persuna tingħata mediċina b'xejn bil-kartuna s-safra (Skeda V), kull kundizzjoni għaliha, lokalità, b'lokalità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Homes għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn homes li lesti li joffru akkomodazzjoni għall-anzjani u allura x'kapaċità għandna bħala pajjiż f'dan is-settur?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn stħarriġ li sar dan l-aħħar jirriżulta li l-okkupazzjoni fid-Djar Tal-Anzjani (dawk Governattivi, Privati, u tal Knisja) hija kif jidher fit- tabella: DJAR NUMRU LICENZJATI NUMRU TA’ RESIDENTI RATA TA’ OKKUPANZA Tal-Knisja 728 690 95% Privati 1120 1061 95% Tal-Gvern 1000 975 98% San Vinċenz de Paule 1129 1122 99.5%

Homes tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jiġu magħżulin il-homes li l-gvern jagħżel ħalli jibgħat bi flusu anzjani jgħixu ġewwa fihom? Jista' jgħid liema huma dawn il-homes li l-gvern bħalissa qiegħed jibgħat anzjani ġewwa fihom? Liema homes jixtiequ li l-gvern jibgħat anzjani ġewwa fihom u mhux qed jibgħat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità joħroġ sejħa ta’ nteress għall-djar privati li jkunu nteressati li jidħlu fi ftehim ta’ Private Public Partnership (PPP). Dawn id-Djar irid ikollhom faċilità li jipprovdu livell ta’ nursing speċjalizzat għal residenti b’dipendenza għolja. Id-Djar Privati li bħalissa l-Gvern qed jibgħat l-anzjani fihom huma: § Casa Serena § Central Home § Casa Arkati § Villa Messina § Roseville Home Djar privati li urew ix-xewqa li jintbgħatu anzjani fihom mill-Gvern huma Sa Maison u Medina Home.

Dipartiment tas-Saħħa — homes - anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed iħallas id-Dipartiment tas-Saħħa għal kull anzjan li għandu ġewwa kull home tal-privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-rati li d-Dipartiment tas-Saħħa jħallas għal residenti li qegħdin fi djar tal-anzjani tal-privat taħt l-iskema tal-Private Public Partnership ivarjaw minn dar għall-oħra skont it-termini tal-kuntratt u d-dipendenza ta’ kull resident. Dettalji dwar ir-rati ta’ ħlas jistgħu jippreġudikaw kuntratti oħra li jistgħu isiru fil-futur. Madankollu l-Onor. Interpellant jista’ jara din l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali.

Dipartiment tas-Saħħa — kundizzjonijiet tal-homes privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm huwa marbut bħala Dipartiment tas-Saħħa sabiex jieħu l-anzjani fil-homes privati li huma qed imorru fihom illum u jekk hemmx xi kundizzjoni li dan il-kuntratt jista' jieqaf jekk dawn il-kundizzjonijiet jinkisru?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità huwa marbut ma’ djar privati għall-anzjani b’kuntratti permezz ta’ klawsola li tgħid li l-kuntratt jiġi mġedded kull sena. Madankollu dan il-kuntratt jista’ jiġi xolt kemm il-darba id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ma jkunx sodisfatt bis-servizz mgħoti.

Dipartiment tas-Saħħa — home għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani f'Lulju 2011 li kienu qed jistennew biex jidħlu ġo xi home jew residenza għall-anzjani provduta mid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-aħħar ta’ Lulju 2011, in-numru ta’ anzjani li kienu qegħdin jistennew biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani tal-Gvern kien 1,107, filwaqt li kien hemm 822 anzjani li qegħdin jistennew biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule.

Anzjani — home

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix proċedura li anzjani li jkunu qed iħallsu minn buthom biex ikunu ġo home u dawn jispiċċawlhom il-flus, xi jridu jagħmlu ħalli jkunu jistgħu jidħu ġewwa home pubblika?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dawk l-anzjani li jkunu residenti f’dar tal-anzjani tal-privat u jixtiequ jidħlu f’dar tal-anzjani tal-Gvern iridu jimlew applikazzjoni. Wara li tiġi assessjata mis-social worker, din l-applikazzjoni tidher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni u skont id-deċiżjoni tal-Bord u l-preferenza tal-anzjan/a titqiegħed fil-waiting list għad-dħul f’waħda mid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern.

Sett ta' Telecare

Question

Jista' l-Ministru jara li jinbidel is-sett tat-Telecare tal-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab waħedha u li ċemplet ħafna drabi biex jirranġawlha s-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-aħħar ħsara rrapurtata fuq il-linja li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, kienet fit-13 ta’ Ġunju 2011, u din ġiet imsewwija. L-operaturi tat-Telecare ikkuntatjaw lill-anzjana u din ikkonfermat li mgħandiex ħsara iżda tixtieq biss li jinbidlilha is-sett tat-Telecare. Sakemm ma jkunx hemm xi ħsarat, it-tibdil tas-sett tat-Telecare hija responsabbiltà tal-Kumpanija GO u mhux tas-Sezzjoni tat-Telecare.

Servizz ta' Telecare

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat għat-telecare u minkejja li għaddew tliet xhur, għadha ma rċeviet xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-sezzjoni tat-Telecare irċeviet l-applikazzjoni tal-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, fil-5 ta’ Settembru 2011. Din ġiet iproċessata u mibgħuta lill-Kumpanija GO fit-23 ta’ Settembru 2011. Is-Sezzjoni tat-Telecare reġet infurmat lill-Kumpanija GO biex tittieħed azzjoni minnufiħ biex l-anzjana tingħata s-servizz.