Legislature:
Category:
Reset
Active:

Biblijoteka Nazzjonali — fire systems - manuskritti mxarrba

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-Biblijoteka Nazzjonali llikjax xi pajp tal-fire system u xarrab ħafna manuskritti? Kemm manuskritti xxarbu? X'qed isir biex jissewwew? Kemm se tkun l-ispiża biex tissewwa l-ħsara li saret? X'wassal biex il-pajp illikja? X'manutenzjoni regolari qed issir tas-sistema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li wara li żviluppat ħsara f’kamin illikja pajp tal-fire system u xxarrbu xi 50 manuskritt. Ir-restawr inbeda immedjatament mit-Taqsima tal-Llegar u Restawr tal-Bibljoteka billi nfetqu l-volumi u l-pagni mxarrbin thallew jinxfu b’mod naturali. Il-pass li jmiss huwa li jitneħħew it-tbajja’ tal-ilma u l-volumi jiġu meħjutin mill-ġdid. Ta’ min jinnota li kopji tal-volumi konċernati qegħdin fuq microfilms. M’hemmx spejjeż għat-tiswija tal-ħsara li saret fil-manuskritti peress li x-xogħol ta’ restawr qed isir mill-impjegati stess tal-Bibljoteka Qed tinħadem l-istima tal-ispiża biex tissewwa l-ħsara u fl-istess ħin jigi assiġurat li ma tirrepetix ruħa.

Central Public Library — uffiċċju tal-acquisitions unit - backlog tal-inputting

Question

Peress li l-Ministru qalet li hemm backlog tal-inputting b'kawża tax-xiri tal-kotba ġodda fl-2010, tista' l-Ministru tgħid għaliex (jew jekk hux minnu) li l-Uffiċċju tal-Acquisitions Unit ġewwa s-Central Public Library ilu mas-sitt snin ma jipproċessax il-kotba ġodda mixtrija minn flus ivvutati mill-kunsilli lokali, imma jipproċessaw biss il-kotba mixtrija minn flus id-Dipartiment tal-Libreriji u li b'konsegwenza t'hekk qed jinħoloq backlog u l-kunsilli lokali qegħdin idumu jistennew ħafna xhur biex il-kotba l-ġodda jiġu proċessati u jkunu lesti għas-self lill-pubbliku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-Librerija Pubblika Ċentrali l-ipproċessar tal-kotba huwa mqassam fuq tliet sezzjonijiet li huma: is-sezzjoni tal-Akkwisti (Acquisitions) li tieħu ħsieb tordna, tirċievi, tipproċessa u tikkataloga l-kotba mixtrija minn fondi allokati lil Librerija Pubblika fil-Baġit tal-Gvern; is-sezzjoni tal-ALSU ( Area Libraries Support Unit ) li hija nkarigata mit-tmexxija u l-ko-ordinazzjoni tal-Libreriji Reġjonali u fergħat li qed tieħu ħsieb tipproċessa u tikkataloga l-kotba mixtrija mill-Kunsilli Lokali u kotba mogħtija bħala donazzjoni mill-istess Kunsilli u s-sezzjoni tal-Ikkatalogar li tieħu ħsieb tipproċessa u tikkataloga l-kotba offruti bħala donazzjoni mill-pubbliku u miġjuba wkoll mill-Libreriji Reġjonali u Fergħat. Dan l-arranġament sar sabiex l-ipproċessar tal-kotba jimxi b’mod parallell u bla tfixkil jew dewmien żejjed. Id-dipartiment ma jirriżultalux li kien hemm kotba mixtrija mill-Kunsilli li damu sitt snin ma jiġu pproċessati. Dan jista’ jiġi verifikat għax qed jinżamm rekord minn meta l-kotba jiġu fil-Librerija Pubblika għal proċess u meta l-istess kotba jiġu mibgħuta lura kkatalogati lill-libreriji konċernati.

Librerija Pubblika tal-Furjana — inputjar ta' kotba

Question

Peress li tidher li hemm problema bl-inputting, tista' l-Ministru tgħid lill-Kamra kemm inputjaw kotba bħala ammont, persuna b'persuna l-inputters li hemm ġewwa l-Librerija Pubblika tal-Furjana matul l-2010 peress li t-teknoloġija faċli tgħinna biex tagħtina d-dettalji li rridu għaliex kull ktieb imdaħħal ikun illoggjat fuq l-isem personali tal-inputter?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena ġew inputtjati dawn it-totali ta’ rekords ta’ kotba: Sezzjoni tal-Akkwisti - 7,722 Kotba mogħtija bħala għotja - 17,295 Kotba li ġew mdaħħla fis-sistema tal-15-il librerija li ġew kkompjuterizzati – 58,420 Total ta’ 83,437 Dawn il-kotba ġew kollha imputjati minn 5 persuni matul is-sena 2010 iġifieri medja ta’ ‘l fuq minn 16-il elf ktieb kull persuna. Tajjeb li ngħidu li biex jitħaffef iżjed ix-xogħol bħalissa qed isir taħriġ speċifiku fl-ikkatalogar biex tmien impjegati oħra, li sitta minnhom jaħdmu f’libreriji Reġjonali, ikunu jistgħu jingħaqdu mat-tim tal-ikkatalogar u b’hekk l-ammont ta’ rekords dwar kotba imputtjati jiżdied aktar. Dan qed isir biex kemm jista’ jkun il-kotba jitpoġġew fl-inqas żmien possibbli fuq l-ixkafef għad-dispozizzjoni tal-pubbliku inġenerali.

Librerija Pubbliċi t'Għawdex — sistema kompjuterizzata

Question

Tista' l-Ministru tispjega lill-Kamra għaliex ma kkordinatx mal-Ministeru għal Għawdex biex jaraw li l-Libreriji Pubbliċi t'Għawdex jiġu kompjuterizzati (ċioe jiġu online) bħal dawk ta' Malta meta tikkunsidra li jekk tneħħi l-Librerija Pubblika tar-Rabat, il-Gozo Lending Library u dik tan-Nadur, il-bqija tal-irħula Għawdxin, fosthom tax-Xewkija, tax-Xagħra u Għajnsielem, għadhom bil-biljetti tal-kartun l-antiki?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-aħħar tliet xhur tas-sena 2010 bdew it-tħejjijiet sabiex 1-aħħar 10 libreriji fergħat li fadal f’Għawdex li mhumiex ikkompjuterizzati jiġu ntegrati man-network u jibdew jipprovdu servizz ikkompjuterizzat. Ix-xogħol beda sewwa fejn sar il-‘weeding’ tal-kotba u l-kotba magħżula qed jitwaħħlulhom ‘barcodes’ u qed jiġu mdaħħla fil-katalgu elettroniku. Huwa ppjanat li matul din is-sena isir t-taħriġ meħtieg lil librara u l-infrastruttura neċessarja sabiex dawn il-libreriji jiġu kkompjuterizzati matul din is-sena. Qed ikun hemm kuntatt kontinwu bejn l-IMU ta’ Malta u dak fil-Ministeru t’Għawdex.

Bibljoteka Nazzjonli ta' Malta — librerija pubblika f'Sant Iermu

Question

Minbarra l-Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta, fil-kapitali hawn ukoll Librerija Pubblika fl-inħawi ta' Sant Iermu, tista' l-Ministru tgħid l-ammont ta' kotba li ġew mislufa mil-Librerija Pubblika tal-Belt Valletta gġas-sena 2007, 2008, 2009 u 2010, xahar b'xahar u kemm ġew ivvutati fi flus mid-Dipartiment tal-Libreriji għax-xiri ta' kotba għall-istess snin, kif ukoll kemm alloka flus, jekk alloka, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għax-xiri tal-kotba ġodda għall-istess snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema Għawdxin

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24332 fejn il-Ministru talbitni ngħidilha x’irrid infisser bi Proċess A u Proċess B, nirreferi lill-Ministru għal paġna 9 tal-Application Guidance Notes tal-Employment Aid Programm fejn issib id-definizjoni ta’ dawn iż-żewġ proċessi. Tista' issa l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24332?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Employment Aid Programme ġiet miftuħa fi Frar tal-2009. Għaldaqstant, ħadd ma ġie impjegat permezz tal-Employment Aid Programme fl-2006, fl-2007, u fl-2008. Minn Frar tal-2009, min iħaddem permezz tal-Employment Aid Programme għandu l-opportunita’ li jew iħaddem lil xi ħadd li jkun diġà identifika hu, jew inkella jiftaħ vacancy mal-ETC. Ġewwa Għawdex, fl-2009, 126 persuna ġew ingaġġati permezz tal- Employment Aid Programme , u kollha kienu taħt Process B. Fl-2010, 225 persuna ġew ingaġġati taħt Process B. Ħadd ma ġie ingaġġat taħt Proċess A.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — nefqa fuq safar

Question

No question text.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qiegħda npoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minbarra dik tal-Università ta’ Malta u tad-Direttorat għall-Servizzi Korporattivi. Kif tasal din l-informazzjoni titpoġġa ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

NSO Release tan-nefqa tal-Gvern fuq benefiċċji soċjali

Question

Peress li l-aħħar NSO Release tan-nefqa tal-Gvern fuq benefiċċji soċjali January-December 2010 turi li fuq l-assitenza soċjali n-nefqa żdiedet €6.6miljun, kważi 11% fuq l-istess perjodu tas-sena ta' qabel, tista' l-Ministru tgħid kemm min-nefqa totali ta' assistenza soċjali marret fuq single mother u kemm marret bħala benefiċċju għal min jitlef l-impjieg?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li l-istatistika tan-nefqa għal 2010 dwar Għajnuna Soċjali hija għal 14 erbatax-il pagament u mhux tlettax kif inkun is-soltu. Dan għaliex f’din is-sena saru 14 erbatax il-pagament ta’ erba ġimgħat flok it-tlettax tas-soltu. Dwar l-informazzjoni mitluba ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa ta’ Għajnuna Soċjali fuq Single Parents matul is-sena 2010 kienet ta’ €11,929,182.28, filwaqt li n-nefqa ta’ Għajnuna/benefiċċji għal min jitlef l-impjieg kienet tammonta għal €21,390,288.39.

Children's Allowance

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta’ persuni, (familji) li jieħdu ċ-children’s allowance fil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokalità lokalità? Tista’ tagħti tagħrif dwar kif inhuma maqsuma, f’numru ta’ tfal kull familja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — postijiet għad-dispozizzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm fil-preżent għandha postijiet għad-dispożizzjoni tagħha għall-kiri l-Awtorità tad-Djar u tagħti d-dettalji lokalità b’lokalità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar bħalissa għandha 6 postijiet għad-dispozizzjoni tagħha għal kiri. Dawn jinsabu:- 1 il-Furjana 1 l-Isla 4 il-Belt Valletta. Dan in-numru jinbidel b’mod regolari peress li l-Bord tal-Allokazzjonijiet jiltaqa’ ta’ spiss biex issir l-allokazzjoni ta’ postijiet vakanti.

PBS — awditjar tal-Kontijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġewx awditjati l-kontijiet tal-Public Broadcasting Services għall-perjodu Ottubru 2009 u Settembru 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awditjar tal-Public Broadcasting Services Limited għal perjodu Ottubru 2009 u Settembru 2010 qed jiġi finalizzat.

Education 22 — breakdown tal-fondi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti dettalji (break down) ta' kif ġew użati l-fondi li tpoġġew għad-dispozizzjoni tal-ministeru biex jitħaddem l-istazzjon Education 22?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola tal-Mużika Johann Strauss — fondi

Question

Tista' l-Ministru tagħti rapport dettaljat lill-Parlament dwar ix-xogħol li sar fil-bini li sa ftit ilu kien jilqa' lill-Iskola tal-Mużika Johann Strauss fil-Belt Valletta? Kemm intnefqu flus? Kemm ġew allokati fondi oriġinarjment? Min wettaq ix-xogħol? Taħt is-superviżjoni ta' min? Meta hu ppjanat li jitlesta l-proġett? X'se jkun l-użu tal-bini li sa ftit ilu kien jilqa' lill-Iskola tal-Mużika Johann Strauss fil-Belt Valletta għaż-żmien li ġej?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan il-proġett qiegħed fi stadju ta’ ppjanar. Ġie ngaġġjat Perit li tqabbad biex iwettaq survey , biex jipprovdi l-pjanti u l- bills of quantity tax-xogħolijiet. Il-Perit ġie ngaġġjat fuq bażi ta’ Kuntratt ta’ Servizz (Contract for service). Il-Perit s'issa tħallas €2,950.

Skola tal-Mużika — tagħlim ta' strumenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid għas-sena skolastika li jmiss, liema friegħi tal-eks Skola tal-Mużika se jiftħu u f'liema kulleġġi? Ta' liema strumenti se jsir it-tagħlim f'kull każ? Kemm se jkun il-complement tal-għalliema f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss ma għalqitx u l-għalliema ħabrieka f’din l-iskola għadhom joffru t-tagħlim tal-mużika bl-istess ħeġġa. Ninsab infurmata, li meta tispiċċa din is-sena skolastika, issir reviżjoni fuq il-proġett pilota tal-“Outreach”, biex inkomplu ntejbu fuq dak li ġie mniedi s-sena l-oħra. Minħabba li l-applikazzjonijiet għall-istudenti joħorġu f’Awwissu, wieħed ma jistax jipprevedi n-numri f’kull strument. Rigward l-għalliema u l-fergħat fil-kulleġġi, ser ikun hemm sejħa għat-tagħlim ta’ kull strument bħas-sena l-oħra. Wara, skont in-numru ta’ applikazzjonijiet, l-għalliema magħżula jiġu msejħa biex jgħallmu. Tajjeb li jingħad, li r-rispons f’dal-proġett kien tajjeb ħafna u allura fl-ewwel sena kien reġistrat suċċess f’dan il-programm ta’ “Outreach”.

Skola tal-Imqabba — triq li ma tingħalaqx

Question

Tista' l-Ministru tara x'provedimenti jistgħu jittieħdu sabiex tiġi salvagwardjata s-saħħa tat-tfal li jattendu l-iskola tal-Imqabba stante li t-triq ta' quddiem l-iskola hija waħda traffikuża u fil-ħin li t-tfal joħorġu jew jidħlu din ma tingħalaqx bħal skejjel oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kap tal-Iskola u l-għalliema tal-Kulleġġ San Benedittu Primarja Mqabba jieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibbli biex fil-ħin tal-ħrug tat-tfal mill-iskola ma jweġġa’ ħadd. Peress li t-triq ta’ quddiem l-iskola hija wahda traffikuża u ma tingħalaqx waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola, twaħħal il-ħadid fuq il-bankina quddiem il-bieb prinċipali tal-iskola. Teżisti wkoll zebra crossing quddiem bieb ieħor tal-iskola li minnu joħorġu t-tfal tal-Kinder. Dawn jingħataw direttament lill-ġenituri jew familjari tagħhom, mill-għalliema tagħhom. L-istess proċedura tintuża wkoll mat-tfal tal-primarja li l-maġġoranza tagħhom ikunu qed jistennewhom il-ġenituri taghhom. Meta l-ġenituri ma jkunux hemm, it-tfal jistennew ġewwa l-iskola sakemm jaslu l-ġenituri. Numru żgħir ta’ tfal jiġu b’minivan li għandu parkeġġ riservat għalih b’mod li t-tfal jitilgħu fil-minivan minn fuq il-bankina tal-iskola mingħajr il-bżonn li jaqsmu t-triq. Sbatax-il tifel u tifla biss mill-klassijiet il-kbar jiġu l-iskola u jmorru d-dar bil-mixi mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn xi adult. Dawn joqogħdu qrib ħafna tal-iskola. Kull filgħodu, kif ukoll wara nofs inhar, ikun hemm il-preżenza ta’ pulizija biex jgħin fis-sitwazzjoni.

Aġenzija Sapport — case load tas-social workers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hi l-medja ta' case load tas-social workers tal-Aġenzija Sapport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-medja ta’ case load tas-social workers tal-Aġenzija Sapport fis-servizz ġeneriku hija ta’ 33.

personal assistants — persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet f'dawn l-aħħar tliet snin minn persuni b'diżabiltà għall-personal assistants? Kemm ġew milqugħa, kemm għad baqa' fil-waiting list u kemm kellhom is-servizz sospiż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kumitat tal-Allokazzjoni tas-Servizzi (Service Allocation Committee) fi ħdan l-Aġenzija SAPPORT, mill-bidu tas-sena 2008 s’issa iltaqa’ 28 darba. F’dawn it-28 laqgħa, il-kumitat ra total ta’ 109 talbiet relatati mas-Servizz fil-Komunità offrut mill-Aġenzija SAPPORT. Dawn it-talbiet jinkludu talbiet ta’ individwi li jkunu talbu Servizz fil-Komunità għall-ewwel darba, talbiet ta’ individwi li jkunu jeħtieġu żieda fis-Servizz fi-Komunità li jkunu diġà qegħdin jirċievu, u wkoll appelli għal deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-kumitat relatati mas-Servizz fil-Komunità. Dawn jinkludu assistenza personali (personal assistance) Minn dawn il-109 talbiet, bħalissa hemm 28 individwu li għadhom qed jistennew biex jibdew jingħataw is-Servizz fil-Komunità li ġie approvat lilhom mill-Kumitat għall-Allokazzjoni tas-Servizzi.

Channel 22 — persuna inkarigata

Question

Tista' l-Ministru twieġeb għat-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 24750 li baqgħet mhux imwieġba, jiġifieri x'tip ta' esperjenza kellha fis-settur tax-xandir qabel ingħatat dan il-inkarigu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħal ma ġie spjegat, l-inkarigu tas-sinjura Bernardette Azzopardi hu dwar l-amministrazzjoni ta’ Education 22. Mrs Azzopardi ilha tamministra minn 1980 bħala Asst Head, Head u Prinċipal ta’ Kulleġġ.

Koppja anzjana li ma ħaditx il-bonus

Question

Tista' l-Ministru tara għaliex koppja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ħaditx il-bonus ta' Jannar u Diċembru 2010 u jidher li lanqas m'hi se tieħu dak ta' Ġunju 2011? Huma marru d-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali l-Belt u marru ukoll Ħal Luqa u anke l-Kunsill Lokali tal-Gudja. Tista' l-Ministru tara l-każ u li din il-koppja jkollha bil-miktub ir-risposta għax wara dawn ix-xhur kollha qatgħu qalbhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ħa l-passi neċessarji sabiex il-koppja imsemmija qed tirċievi il-bonus dovut lilha.

Direttorati tal-Edukazzjoni — diretturi - kuntratt

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm diretturi fid-Direttorati tal-Edukazzjoni u Prinċipali tal-Kulleġġi li skadhielhom il-kuntratt? Se jerġa' jiġġedded? Se jsir reklutaġġ ġdid? Meta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li hemm 7 Prinċipali tal-Kulleġġi u 4 Diretturi fid-Direttorati Edukattivi li skadielhom il-kuntratt. Qed tiġi proċessata s-sejħa għall-applikazzjoni.