membri tal-korp li weġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, kemm kien in-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija li weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena kien hemm 25 membru tal-Korp tal-Pulizija li weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'software u f'infrastruttura, sabiex iddaħħal is-servizz tal-ADSL fl-għassa tal-pulizija tal-Belt Valletta? Min se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż minfuqa mill-Korp tal-Pulizija, jekk din l-għassa fil-fatt titneħħa u dan skont kif jirriżulta mill-pjanti għall-proġett il-ġdid tal-Bieb u d-daħla tal-Belt Valletta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Għassa tal-Belt tagħmel parti minn network tal-Gvern (MAGNET 2) u għaldaqstant in-nefqa għal din il-linja ma titħallasx mill-Korp tal-Pulizija imma hija inkluża ma' n-nefqa globali mħallsa mill-Gvern għal din in-network. Infurmat ukoll li l-Għassa l-Belt għandha ukoll dik li jgħidulha back-up link għal din il-linja l-Ministeru tal-Gustizzja u l-Intern iħallas is-somma ta’ 1512 Euro fis-sena (eskluża l-VAT).
Jista' l-Ministru jagħti l-assigurazzjoni illi x-shifts stabbiliti għall-pulizija se jibdew jiġu osservati? Jaf li dawn qed jitbiddlu ta' spiss, ħaġa li qed tikkawża tbatija żejda lill-pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi skont struzzjonijiet maħruġa mill-Kwartieri Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija, ix-shifts m'għandhomx jiġu disturbati jekk mhux għal xi okkażjonijiet eċċezzjonali. Infurmat ukoll illi din ir-regola qed tiġi segwita.
Parking adegwat għall-vetturi tal-pulizija viċin il-qorti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isir xi forma ta' sforz sabiex jinstab parking adegwat għall-vetturi tal-pulizija illi jkollhom jieqfu viċin il-qorti sabiex iwasslu pulizija l-qorti, jew sabiex iwasslu l-persuni arrestati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi vetturi tal-Pulizija huma obbligati li jirritornaw lura fid-Distrett, Diviżjoni jew Taqsima fejn huma allokati meta jwasslu lill-uffiċjali l-Qorti, filwaqt li dawk li jkunu se jwasslu persuni arrestati huma mistennija li jagħmlu hekk mill-lock fuq in-naħa ta’ wara tal-Qorti, fejn hemm il-faċilità li vettura tibqa' dieħla ġewwa.
Reklutaġġ ta' kadetti għal ranks ta' spetturi ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-reklutaġġ ta' kadetti għal ranks ta' spetturi ġodda, hux se jsir bħalma sar l-aħħar darba u ċioe fejn dawn jilħqu spetturi bi probation u jkomplu l-istudji tagħhom l-Università waqt li jkunu diġà qed iservu ta' spetturi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nirreferi lill-Onoervoli Interpellant għall-paragrafu 8.1 tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-postijiet ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-2 ta’ Marzu 2010 li tgħid:
8.1" Barra milli jingħataw dmirijiet normali tal-Pulizija konnessi mal-grad tagħhom, l-Ispetturi tal-Pulizija maħtura bi Prova, jinħtieġ ukoll li jattendu
lectures
f’suġġetti relatati mal-Pulizija u materji legali inklużi fil-kors
part-time
organizzat mill-Università ta’ Malta li jwassal għal
Diploma in Policing
. L-eżami finali ta’ din id-Diploma jikkostitwixxi t-Tielet Parti – Eżami ta’ Konferma – ta’ din is-sejħa għallapplikazzjonijiet
”.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu immigranti irregolari matul is-sena 2007, 2008, 2009? Kemm għad hawn minnhom li għadhom jgħixu f'Malta u Għawdex sa Frar 2010?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2007, 2008 u l-2009 daħlu rispettivament 1702, 2775 u 1475 immigranti irregolari. Iżda ta' min wieħed jgħid li numru sostanzjali minn dawn il-persuni ingħataw protezzjoni internazzjonali. Matul dawn it-tliet snin ingħata protezzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati (sa Frar 2010) hekk kif ġej:
Sena
Refuġjat
Protezzjoni sussidjarja
Protezzjoni umanitarja temporanja
Total
2007
7
620
n/a
627
2008
19
1387
7
1413
2009
20
1666
10
1696
2010
5
125
5
135
Sal-aħħar ta’ Frar kien hemm 345 persuni fiċ-ċentri miftuħa li daħlu Malta illegalment u li m'għandhomx protezzjoni internazzjonali. 550 oħra kienu qed jappellaw l-ewwel deċiżjoni għal protezzjoni. B’kollox, fiċ-ċentri miftuħa u magħluqa kien hemm joqgħodu 3305 persuna li daħlu f’Malta b’mod irregolari. Iżda dan in-numru jinkludi wkoll persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali.
Kien stmat li sal-aħħar ta' Frar immigranti irregolari joqgħodu f’residenzi oħra kienu jgħoddu mal-1300 persuna oħra. Tajjeb wieħed jgħid li l-ammont ta' dawn il-persuni li jgħixu Malta jinbidel f'perjodi relattivament qosra, b'hekk kwalunkwe figura li tingħata għandha biss titqies f'dan id-dawl.
Immigranti rregolari li marru f'pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea ħa immigranti irregolari li wara li dawn ħadu l-istat ta' refuġjati setgħu jimxu lejn pajjiżi oħra ta' l-Unjoni Ewropea matul 2009? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn ir-refuġjati oriġinarjament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2009 kien hemm żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, Franza u l-Ġermanja li ħadu persuni bi protezzjoni internazzjonali minn Malta. Franza ħadet 95 persuna filwaqt li l-Ġermanja ħadet 11. Il-persuni rilokati oriġinarjament kienu ġejjin mis-Somalja, l-Eritrea, is-Sudan, l-Etjopja, is-Sri Lanka u l-Kosta tal-Avorju.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma ċ-chairpersons, diretturi u chief executive officers ta' kull waħda minnhom? X'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15955.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif intnefaq il-vot marbut mar-refurbishing tal-għases f'Malta matul l-2009? Kemm hemm talbiet għat-titjib f'dawn l-għases li iżda ma setgħux jintlaqgħu minħabba nuqqas ta' fondi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi x-xogħol ta' manutenzjoni fl-Għasses huwa proċess kontinwu u għaldaqstant isiru dawk ix-xogħlijiet li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien. Matul is-sena l-oħra saru xogħlijiet f’dawn l-Għasses:
Valletta
Pinto
Qormi
Fgura
Żejtun
Sliema
Msida
San Ġiljan
San Ġwann
Hamrun
St Venera
Rabat
Dingli
Balzan
Naxxar
Mosta
San Pawl
Qawra
Mellieħa
Rabat (Għawdex)
Żebbuġ (Għawdex)
Infurmat ukoll li ma jirriżultax li kien hemm xi xogħol li ma sarx minħabba nuqqas ta’ fondi.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-air conditioner fl-għassa tal-Qawra jiġi msewwi u li ukoll isir refurbishment u tiswija neċessarja fis-sistema sanitarja tal-istess post?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi preżentement għaddej xogħol ta' refurbishment u xogħlijiet ta manutenzjoni fl-Għassa tal-Qawra.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — tender jew direct order ta' kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar 12-il xahar il-kumpanija M.A&A. Services Ltd. ingħatatx xi tender jew xi direct order mill-ministeru, minn xi entità, awtorità, aġenzija jew korporazzjoni pubblika li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma ngħataw l-ebda tender jew direct order mill-Ministeru, Dipartimenti jew Entitajiet li jaqgħu taħtu lill-kumpanija msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
investigazzjoni dwar diesel li ma tħallasx id-dazju fuqu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’xiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija rigward il-bowsers misjuba bid-diesel li ma kienx tħallas dazju fuqu? Kif għadu ma tressaq ħadd il-Qorti għalkemm dawn is-sejbiet kienu tħabbru fuq il-media?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fiż-żewġ każijiet ta' kuntrabandu ta' diesel li kienu nqabbdu f'Marzu li għadda, il-Pulizija qed tistenna mingħand il-Kontrollur tad-Dwana sabiex tkun tista' tipproċedi quddiem il-Qorti.
Ħamrun — Victor Tedesco Ground - investigazzjoni dwar persuna li daħlet fil-kamra tar-referee
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni dwar uffiċjal għoli tal-pulizija li kien daħal fid-dressing room tar-referee fil-ground tal-Ħamrun Victor Tedesco b’mod arroganti? Huwa minnu li dan ġie trasferit?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni dwar l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie konkluż u inbdew proċeduri dixxiplinarji kontra l-uffiċjal involut.
Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija? Kemm suppost ikun hemm membri fil-Korp sħiħ? Kemm hemm vakanzi f’kull rank? Meta huwa maħsub li se jsiru l-eżamijiet għal surġenti u spetturi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:-
Rank
Complement
Present complement
Vacancies
Commissioner
1
1
-
Deputy Commissioner
1
1
-
Assistant Commissioner
10
10
-
Superintendent
27
27
-
Inspector
100
77
23
1/Sergeant Major
2
2
-
2/Sergeant Major
42
35
7
Sergeants
369
322
47
Constables
1488
1333
155
Total
2040
1808
232
Infurmat ukoll illi l-eżamijiet għall-Surġenti għadhom, kemm saru fejn għaddew 59 kuntistabbli filwaqt li fil-preżent qed ikunu ipproċessati l-applikazzjonijiet għall-Spetturi.
Jista’ l-Ministru jgħid minn dawk il-persuni akkużati li ffrodaw miljuni ta’Ewro, kemm minnhom fil-fatt ġew sentenzjati? X’inhu jżomm biex jitkompla l-każ kontra dawk li għadhom ma ġewx mismugħa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal-liema kawża/kawżi qed jirreferi.
membri tal-Korp tal-Pulizija li qed iservu barra minn xtutna
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-Korp tal-Pulizija qed iservi barra minn xtutna? F'liema pajjiżi qed iservu dawn il-membri tal-Korp u xi gradi għandhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm Supretendent, Surġent Maġġur, Surġent u Kuntistabbli li qegħdin iservu fl-Olanda, fil-Bosnia u l-Kosovo.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15477 u jgħid kemm kien hemm hold-ups li baqgħu mhux solvuti sena b'sena mis-sena 1987 sas-sena 2009?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi din ir-risposta għadha qed tinġabar u għalhekk se tingħata f'xi seduta oħra.
immigranti illegali li kellhom passi kriminali meħuda kontra tagħhom
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm immigranti illegali li wara li ħarġu mid-detention centres kellhom passi kriminali meħuda kontra tagħhom u dan matul il-perjodu 2003 sa 2009? Kif kienet imqassma n-nazzjonalità ta' dawn l-immigranti illegali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi records speċifiċi għal dawk l-immigranti irregolari li jitressqu quddiem il-Qorti wara li jkunu ħarġu miċ-Ċentru ta' Detenzjoni ma tinżammz taħt forma ta' statistika.
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jinħarġu regolamenti biex ma jkunx hemm tipjip permess f’playgrounds pubbliċi għat-tfal? Jista' jinvestiga għadd ta’ilmenti li rċevejt minn diversi ġeneturi li fil-każ tal-playground ta’ Hemel Street, Swieqi qed ikun hemm spiss żgħażagħ li l-ħin kollu jitkellmu ħażin quddiem minorenni, jagħtu n-nar lil diversi oġġetti u anki jirrikorru għal chain smoking f’area frekwentata mit-tfal infushom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Rigward it-tieni parti tad-domanda, ninforma lill-Onorevoli Membru li għaddejt dan l-ilment lill-Pulizija sabiex tinvestiga u tieħu l-passi meħtieġa skont il-liġi.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Inter — entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jindika liema huma dawk l-entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern hemm 5 Entitajiet Governattivi, 2 Aġenziji u 30 Bord. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni aktar dettaljata.