Legislature:
Category:
Reset
Active:

In-Naxxar – Triq San Pawl – xogħol ta’ resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xogħol ta' resurfacing ta’ Triq San Pawl fin-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul ix-xahar li għadda fil-Parlament bdejna d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta. Permezz ta’ din l-aġenzija, ser inwettqu l-pjan ta’ dan il-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż. B’mod gradwali, din l-aġenzija ser tkun qed tikkollabora mal-kunsilli lokali u ma entitajiet oħra ħalli jinbnew mill-ġdid it-toroq residenzjali u toroq oħra f’Malta u Għawdex. L-aġenzija ser tagħti wkoll prijorità lil dawk it-toroq li baqgħu qatt ma ġew mibnija kif meħtieġ, biex dawn ukoll jiġu mibnija u miksija b’wiċċ ġdid kif meħtieġ. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jaħdem bla heda sabiex din l-aġenzija titwaqqaf mill-aktar fis. Permezz ta’ Infrastruttura Malta, pajjiżna ser ikollu ferm aktar riżorsi, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, prattiċi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq u standards ġodda ta’ sostenibilità u sigurtà, sabiex gradwalment niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità għolja, hekk kif jixraq lil Malta u Għawdex.

Intelligent Electronic Traffic Signs

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għandhom intelliġenti l-Intelligent Electronic Traffic Signs li ġew istallati mill-Awtorità għat-Trasport f'Malta f'numru ta' toroq f'Malta u Għawdex u li s'issa ħlief juru l-istess messaġġi b'mod ripetut mhumiex jagħmlu? Jista' jgħid kemm tammonta l-ispiża biex ġew mixtrija u installati dawn is-sinjali? Jista' jgħid x'sar mid-dikjarazzjoni pubblika li huwa għamel f'Novembru 2017 u ċjoè li l-imsemmija tabelli ser jibdew jaħdmu b'mod intelliġenti minn Jannar 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Intelligent Traffic Lights jew aħjar Variable Messaging System (VMS) isiru intelligenti meta jkollok bżonnhom, ċjoè meta miċ-Ċentru ta’ Kontroll jirriżulta li hemm inċident jew sitwazzjoni ta’ kriżi u jintbagħtu messaġġi ta’ devjazzjoni jew oħrajn skont il-bżonn. Meta ma jkunx hemm dan il-bżonn ikun hemm messaġġi standard u ripetuti kif qiegħed jgħid tajjeb l-Onor. Interpellant. Kif tħabbar, iċ-Ċentru tal-Kontroll f’Jannar beda jaħdem u miegħu għalhekk bdew jintużaw dawn l-iscreens fil-massimu tagħhom meta meħtiega. Wieħed ma jistax ma jsemmix mument ta’ kriżi fit-traffiku f’Wied iż-Żurrieq meta s-servizzi tal-emergenza kienu kollha fuq allert u dawn l-iscreensgħenu mhux ftit fid-direzzjoni li bdew jingħataw is-sewwieqa u avviżi relatati. Tajjeb li wieħed ifiehem lil Onor. Interpellant li f’xi wħud mill-pajjiżi Ewropej dawn saħansitra jibqghu mitfija u jinxtgħelu fil-mumenti ta’ krizi. F’pajjiżna wieħed jippreferi li meta kollox għaddej b’mod normali jiġu trasmessi avviżi oħra relatati mat-Traffiku. Pagament finali tax-xogħol li ġie ċertifikat, f’Mejju tal-2017, jammonta għall-€600,246.98 (VAT inkluż).

Aġenzija Infrastruttura Malta – Toroq fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar

Question

Wara li titwaqqaf l-Aġenzija Infrastruttura Malta, jista’ l-Ministru jgħid liema se jkunu dawk it-toroq fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar, mill-160 triq li l-Gvern se jkun qed jibni mill-ġdid?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-160 triq li qed jirreferi għalihom ma jistgħux jinbnew “mill-ġdid” hekk kif qed jiġi indikat fil-mistoqsija, iżda jeħtieġ jinbnew għall-ewwel darba wara li tħallew mhux mibnija u asfaltati għal snin twal, taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Dawn it-toroq residenzjali baqgħu qatt ma ġew mibnija minkejja li ilhom jgħixu fihom ir-residenti għal ħafna żmien. Matul ix-xahar li għadda fil-Parlament bdejna d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta. Permezz ta’ din l-aġenzija, ser inwettqu l-pjan ta’ dan il-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż. Waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-ewwel snin ta’ ħidma ta’ Infrastruttura Malta ser tkun li tibni u tasfalta t-toroq kollha li Gvernijiet preċedenti qatt ma investew fihom qabel. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jaħdem bla heda sabiex din l-aġenzija titwaqqaf mill-aktar fis. Permezz ta’ Infrastruttura Malta, pajjiżna ser ikollu ferm aktar riżorsi, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, prattiċi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq u standards ġodda ta’ sostenibilità u sigurtà, biex gradwalment niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità għolja, hekk kif jixraq lil Malta u Għawdex.

Awtorità tal-Artijiet — avviżi ta' tenders

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm-il avviż għat-tenders ġie ppubblikat mill-Awtorità tal-Artijiet f'kull ġurnal bil-Malti u bl-Ingliż minn Ġunju 2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ġunju 2017 ‘l hawn, ġew ippubblikati 23 tender adverts, mill-Awtorità tal-Artijiet, fuq ġurnali lokali.

Reġistru tal-Artijiet — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għal reġistru ta’ titolu ġew sottomessi lir-Reġistru tal-Art mis-sena 2010 sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġew ipproċessati applikazzjonijiet u kemm hemm applikazzjonijiet li għadhom pendenti biex jiġu pproċessati?

Response (BORG, IAN)

In-numru ta’ applikazzjonijiet għal reġistru ta’ titolu li ġew sottomessi għall-perjodu mis-sena 2010 sal-31 ta’ Mejju 2018, huwa ta’ 34,549. Minn dan in-numru ta’ applikazzjonijiet, in-numru li ġew approvati huwa ta’ 31,344 filwaqt li n-numru ta’ applikazzjonijiet li ma’ ġewx approvati huwa ta’ 3,205. Irid jiġi kjarifikat li t-3,205 applikazzjoni li ma ġewx approvati huwa dovut prinċiparjament għall-fatt li ġie mitlub lill-applikant dokumentazzjoni ulterjuri, inkluż pjanti, evidenza, korrezzjonijiet u materjal ieħor u/jew informazzjoni, u li sal-lum għadhom ma’ ġewx ippreżentati lid-Dipartiment.

Forti Ricasoli — konċessjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi konċessjoni mogħtija lil xi entità privata f’xi sit biswit il-Forti Ricasoli? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll meta ngħatat din il-konċessjoni, x’kienu l-kundizzjonijiet li ngħataw, kif ukoll x’inhu l-użu li qed isir minn tali konċessjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li konċessjonijiet mogħtija biswit il-Forti Ricasoli jinkludu primarjament: · Ċens temporanju, għal tletin sena, revedibbli kull ħames snin lil Ricasoli Port Facility sa mill-4 ta’ Jannar 2013; · Propjetà allokata lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, li skond l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap. 445), għamel att ta’ kurazija permezz ta’ att pubbliku ma’ Fondazzjoni Wirt Artna; · Ċens temporanju mgħoti lill-Mediterranean Film Studios Ltd., għal-ħamsa u sittin sena, illi, permezz ta’ rikors għat-talba ta’ ritrattazzjoni tal-appell numru 724/2005, il-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba tal-Kummissarju tal-Artijiet sabiex il-kumpanija tiżgombra mill-post okkupat minnha u l-art tiġi ritornata lura lill-Kummissarju tal-Artijiet u li l-konċessjoni enfitewtika tiġi rexissa.

In-Naxxar – Triq il-Konti Manduca — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex itaffi mill-problemi kbar li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' Triq il-Konti Manduca fin-Naxxar minħabba l-impatt ta' proġetti ta' żvilupp massiv f'din iż-żona, liema xogħol qed ikollu effett qawwi fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti tal-imsemmija triq, kif ukoll liema xogħlijiet ukoll ħolqu ħsarat fi wħud mir-residenzi tal-imsemmija triq? (Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li fiż-żona se jibda żvilupp ieħor ta' kobor li se jkollu effett fuq il-ħajja tar-residenti ta' din it-triq fiż-żmien li ġej).

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li fl-istadju ta’ ppjanar tal-proġetti msemmija Transport Malta tikkollabora mal-awtoritajiet tal-ippjanar u tal-ambjent sabiex l-iżviluppaturi jsegwu kundizzjonijiet u prekawzjonijiet li jnaqqsu l-impatt tal-ivvjaġġar marbut max-xogħol ta’ kostruzzjoni, l-Awtorità kontinwament issegwi l-qagħda tat-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha, sabiex fejn ikun meħtieġ isir it-titjib meħtieġ. Din il-ħidma ser tkun qed tissaħħaħ fiż-żmien li ġej bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, l-aġenzija li ser tmexxi u twettaq programm ta’ titjib u bini mill-ġdid tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż, b’investiment bla preċedent ta’ madwar €700 miljun. Infrastructure Malta ser tieħu ħsieb il-kwalità tat-toroq arterjali u b’mod gradwali anke dawk residenzjali li bħalissa jieħdu ħsiebhom il-kunsilli lokali.

In-Naxxar – Triq l-Abbate Savoia, Triq il-Milizzja, Triq in-Nafra u Triq is-Seneskalk – xogħlijiet ta’ preparazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, b'antiċipazzjoni għall-proġett ta' żvilupp massiv fin-Naxxar fiż-żona ta' Triq l-Abbate Savoia, Triq il-Milizzja, Triq in-Nafra u Triq is-Seneskalk, x'tip ta' xogħol ta' preparazzjoni qed isir, biex it-toroq taż-żona jkunu jifilħu għat-traffiku industrijali li se jkun hemm fix-xhur u s-snin li ġejjin, liema xogħol u traffiku, jekk ma jkunux antiċipati, jista' jkollhom effett ħażin ħafna fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti f'din iż-żona u fuq id-djar tagħhom?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 6101 tal-istess Seduta.

In-Naxxar – Triq il-Widna Radar – xogħol ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni tant bżonnjuż fuq Triq il-Widna Radar fin-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Intrpellant li sfortunatament, it-triq imsemmija hija waħda mit-toroq f’Malta u Għawdex li partijiet minnhom (jew kollha kemm huma) baqgħu qatt ma ġew mibnija u miksija b’saffi ta’ asfalt, kif meħtieġ. Matul ix-xahar li għadda fil-Parlament bdejna d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta. Permezz ta’ din l-aġenzija, ser inwettqu l-pjan ta’ dan il-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż. L-aġenzija ser tagħti priorità lil dawk it-toroq li baqgħu qatt ma ġew mibnija kif meħtieġ, biex dawn ukoll jiġu miksija b’wiċċ ġdid kif meħtieġ. B’mod gradwali, din l-aġenzija ser tkun qed tikkollabora wkoll mal-kunsilli lokali ħalli jitranġaw toroq residenzjali li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-istess kunsilli lokali u li jeħtieġu tiswijiet jew bini mill-ġdid. Sfortunatament, fil-passat, il-kunsilli lokali tgħabbew bir-responsabilità tal-manutenzjoni tat-toroq mingħajr ma ġew mgħejjuna bir-riżorsi tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex iwettqu dawn id-dmirijiet b’mod sħiħ. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jaħdem bla heda sabiex din l-aġenzija titwaqqaf mill-aktar fis. Permezz ta’ Infrastruttura Malta, pajjiżna ser ikollu ferm aktar riżorsi, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, prattiċi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq u standards ġodda ta’ sostenibilità u sigurtà, sabiex gradwalment niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità għolja, hekk kif jixraq lil Malta u Għawdex.

Għawdex – Tibdil ta’ Tabelli bis-sinjali tat-traffiku

Question

Peress li t-tabelli bis-sinjali tat-traffiku f’Għawdex qegħdin ġeneralment fi stat ħażin għax ħafna minnhom m'għadhomx jintgħarfu u jkun diffiċli għat-turisti u l-barranin biex isibu minn fejn jgħaddu, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li ssir il-manutenzjoni tagħhom jew inkella jinbidlu? Jekk iva, meta?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru responsabli mill-Ministeru għall-Għawdex.

Is-Siġġiewi – Triq Salvu Curso u Trejqet l-Anġli – ħajt ta’ lqugħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5902, u peress li t-twessigħ ta' triq ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali, jista' l-Ministru jikkunsidra mill-ġdid it-talba għat-twessigħ tat-triq bejn Trejqet l-Anġli u Triq Salvu Curso fis-Siġġiewi minħabba numru ta' inċidenti li seħħew?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Port workers

Question

B’referenza għall-ħaddiema tax-xatt, b’mod partikolari l-port workers, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li kien hemm bżonn li għal darb’oħra jerġa’ jiddaħħal il-wirt tax-xogħol meta r-regoli tal-EU u l-good sense amministrattiv jistipulaw il-kontra? X’inhi r-raġuni għalfejn l-ebda ċittadin Malti u Għawdxi ma jistax jikseb il-liċenzja bħala port workers sakemm ma jkollokx lil xi ħadd mill-ġenituri (l-omm jew il-missier) li jkunu diġà liċenzjat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità għall-Ippjanar – wirt naturali — poteri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’poteri għandha l-Awtorità għall-Ippjanar biex tħares il-wirt naturali tagħna? Jista’ jikkwota r-regoli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-poteri tal-Awtorità tal-ippjanar joħorgu mill-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap 552) li jobbligaw lill-Awtorità tħejji lista ta żoni ta sbuħija naturali, ta’ valur ekologiku jew xjentifiku għall-iskedar (Art. 57) u li tħejji pjanijiet, policies u regolamenti biex jindirizzaw il-fatturi kollha relatati mar-rizorsi tal-art u l-baħar u l-konservazzjoni tal-ambjent sabiex ikun hemm bilanċ bejn il-ħtieġa tal-iżvilupp u l-ħtiega li jiġi protett l-ambjent (Art. 44). L-Awtorita’ tista’ taġixxi wkoll fejn temmen li hemm perikolu mminenti għall-ambjent permezz ta avviż ta' twettiq b’emergenza (Art. 97).