Legislature:
Category:
Reset
Active:

Restawr ta’ kotba

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13949 u jipprovdi lista bit-titoli tal-kotba li ġew restawrati fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni rigwardanti restawr ta’ kotba minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumitati tal-banda — Każini - Kuntratti ta’ kiri

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt/i tal-kiri li saru ma' kumitati tal-banda wara li l-każin tas-soċjetà rispettiva nxtara mill-Gvern?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7765, b'dana li l-ammont ta' proprjetajiet li l-Kunsill Malti għall-Arti daħal f'konvenju dwarhom żdied skont kif ġie spjegat diġà pubblikament u li s-sede tas-soċjetà de Paule ġiet akkwistata definittivament, kif għal darb'oħra ġie spjegat pubblikament.

Eks Malta Shipbuilding – Avvenimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intefqux flus pubbliċi biex is-sit tal-Eks Malta Shipbuilding jiġi preparat biex jospita konferenzi u fieri? Jekk iva, jista’ jipprovdi elenku tal-ammonti kollha li ntefqu, u f'kull nefqa jispeċifika u jgħid jekk din ingħatatx b'tender, direct order, jew mod ieħor?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 13729.

Kunsilli Lokali – Dog Parks u Cat Cafés

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm hawn dog parks u cat cafés li kienu proġetti li saru minn kunsilli lokali differenti kemm f'Malta u kemm f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta saru u kemm ġew jiswew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Marsaxlokk — Triq Santa Katarina - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex ser isir ix-xogħol neċessarju fi Triq Santa Katarina ġewwa Marsaxlokk peress illi għandha bżonn u hija użata sew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li dan ix-xogħol inbeda nhar it-3 ta’ Jannar 2024.

Ħal Lija — Triq it-Trasfigurazzjoni - Tiswija fil-faċilitajiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser idumu biex jiġu msewwija l-faċilitajiet pubbliċi li hemm fi Triq it-Trasfigurazzjoni ġewwa Ħal Lija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija li għaddejjin diskussjonijiet mad-Diviżjoni kkonċernata sabiex ikun jista’ jinbeda x-xogħol neċessarju u jitlesta fl-iqsar żmien possibbli.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista bid-dettalji tad-direct orders li ħarġu l-entitajiet jew l-awtoritajiet li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu fil-perjodu bejn Novembru 2022 u Novembru 2023, maqsuma skont l-awtorità jew l-entità u għal kull direct order separatament jgħid meta ngħatat, kemm kien l-ammont, lil min tħallas, lil min ingħatat id-direct order u x'servizz kien ġie ingaġġat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Raħal Ġdid: Ġnien San Alwiġi – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13938, jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex ix-xogħol fuq Ġnien San Alwiġi, f’Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li l-Kunsill kien ressaq applikazzjoni quddiem l-Awtorità kkonċernata sabiex isiru xogħlijiet fi Ġnien San Alwiġi, liema applikazzjoni infurmat li ġiet approvata x-xahar li għadda. Fiċ-ċirkostanzi, infurmat illi l-istess Kunsill qed jaħdem sabiex fil-ġimgħat li ġejjin ikun jista’ jinħareġ it-tender relattiv għax-xogħlijiet.

Xewkija – Triq il-Kbira – Tindif u manutenzjoni tal-ġibjun

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali tax-Xewkija Għawdex ser inaddaf u jagħmel manutenzjoni fil-ġibjun li hemm fi Triq il-Kbira fix-Xewkija u dan wara li għamel embellishment tal-wiċċ ta' dan il-ġibjun?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li din il-materja ġiet diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill li saret nhar l-Erbgħa 22 ta’ Novembru, fejn il-Kunsill ddeċieda li dan ix-xogħol jkun pospost għax-xhur tas-sajf għax mhux għaqli li l-Kunsill jidħol fi spiża biex jitbattal il-ġibjun mill-ilma meta qegħdin fix-xhur li tagħmel ix-xita.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali - Positions of Trust

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, jgħid preżentement kemm-il persuna hemm ingaġġata fil-Ministeru tiegħu f’position of trust?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja, (persons of trust jew positions of trust), fil-Ministeru, hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi – Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsieb hemm biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa f’Ħal Qormi matul is-sena 2024 u jipprovdi d-dettalji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li fil-preżent f’din il-lokalitá hemm għoxrin (20) spazju miftuħ, li qed jiġu jiswew madwar € 120,000 lill-Kunsill Lokali, f’żamma u manutenzjoni. F’dan ir-rigward, infurmat li l-Kunsill Lokali se jkun qed jinvesti fi proġett ambjentali għar-riġenerazzjoni ta’ Triq San Bartolomew u parti minn Triq il-Vitorja. Barra minn hekk, infurmat li bħalissa l-Kunsill Lokali jinsab għaddej b’xogħol ta’ riġenerazzjoni tal-Ġnien f’Misraħ iż-Zebbuġ, liema proġett wasal fil-fażi finali tiegħu u riġenerazzjoni ta’ Ġnien iż-Żgħożija. Intant infurmat li huwa ppjanat ukoll li jsir tibdil fil-playing equipment kollu eżistenti fi Ġnien de la Cruz, l-playing field ta’ Fuq Tal-Blat u l-Qormi Sports Complex fi Triq Manwel Dimech. Finalment, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi wkoll ghat-tweġiba li ngħatat għad-domanda parlamentari 14110.

Ħal Luqa – Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsieb hemm biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa f’Ħal Luqa matul is-sena 2024 u jipprovdi d-dettalji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa li qed isiru l-istudji meħtieġa sabiex isiru spazji miftuħa adegwati skont l-esiġenza tal-lokalità, u dan minbarra ż-żamma u manutenzjoni ta’ Misraħ iż-Żgħażagħ u l-Family Park f’Ħal Farruġ. Barra minhekk, infurmat li l-Kunsill Lokali jinsab għaddej b’evalwazzjoni ta’ tender relatata ma’ xogħlijiet ta’ ġnien ġdid fi Triq ir-Russett l-Abjad f’Ħal Farruġ. Finalment, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi wkoll għat-tweġiba li ngħatat għad-domanda parlamentari 14111.

Is-Siġġiewi – Spazji miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsieb hemm biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa fis-Siġġiewi matul is-sena 2024 u jipprovdi d-dettalji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li bħalissa għaddej ix-xogħol minn Indis fuq ‘family park’ tul Triq Salvu Borġ Olivier. Apparti minn hekk, infurmat li inbeda wkoll il-proġett komunitarju f’Binja Ramija (Triq Annunziato Schembri ma’ Triq Calcidon Zammit). Infurmat ukoll li fil-preżent hemm ukoll proċess ta’ applikazzjoni mal-Awtorità kkonċernata għal ‘reading garden’ fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi. Finalment, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi wkoll għat-tweġiba li ngħatat għad-domanda parlamentari 14112.

Teatru Rjal – Proġett ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern, meta kien fil-proċess li jiffinalizza l-proġett ta’ restawr tat-Teatru Rjal fil-Belt Valletta, inkludiex klawsola fil-kuntratt mal-inkwilini li tistipula li l-post ikun miżmum b'mod xieraq u ssir il-manutenzjoni neċessarja matul il-perjodu tal-kuntratt, ġaladarba l-post huwa skedat u parti mill-patrimonju storiku ta' pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm klawsola fil-kuntratt mal-inkwilini li tistipula li l-post ikun miżmum b'mod xieraq u li ssir il-manutenzjoni neċessarja matul il-perjodu tal-kuntratt.

Baġit 2024 — Restawr tal-knejjes

Question

Peress li fid-Diskors tal-Baġit 2024 hemm referenza għar-restawr tal-knejjes, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-involviment tal-Gvern f'dan il-proġett? Jekk il-Gvern qiegħed jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja, jista' jgħid x'inhu l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni u minn fejn ġejjin il-fondi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni qiegħed jagħmel xogħol ta’ restawr fuq numru ta’ bini ekkleżjastiku, liema xogħol ser jitkompla fis-sena 2024. Tali xogħlijiet jinkludu: § xogħol mal-frontispizju tal-Parroċċa tal-Isla u mal-kampnar tal-Oratorju tar-Redentur; § restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ San Ġużepp ta' Tarxien; § restawr tal-faċċata tal-Bazaar tal-Fondazzjoni San Jeanne Antide Tarxien; § restawr tal-knisja ta’ San Klement iż-Żejtun; § restawr tal-faċċati tal-knisja tas-Salvatur il-Qadim f’Ħal Lija; § xogħol ta’ tiswija fuq ġewwa fil-kappella tal-Qalb ta’ Ġesu iż-Żurrieq; § restawr tal-faċċati tal-knisja ta’ San Ġakbu ix-Xgħajra u § restawr tal-faċċati tal-knisja tal-Madonna tad-Dawl f’Ħaż-Żebbuġ. Infurmat li dawn ix-xogħolijiet huma stmati li ser jiswew aktar minn €700,000 u huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi. Intant infurmat li d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni qiegħed jagħmel ukoll xogħol ta’ restawr billi joħroġ sejħiet pubbliċi. Dawn ix-xogħlijiet, kif ukoll dawk li huma mistennija li jibdew fis-sena 2024 jinkludu: § ir-restawr tal-koppla tal-knisja ta’ San Pawl f’Bormla; § ir-restawr tal-faċċata tal-kunvent ta’ Sta Margherita f’Bormla; § ir-restawr tal-knisja tal-Ġiżwiti il-Belt Valletta minn ġewwa, xogħol ta’ bdil ta’ servizzi u dawl f’din l-istess knisja, ir-restawr tal-bankijiet u bibien fl-Oratorju tal-Onorati biswit din il-knisja; § ir-restawr tal-faċċata ta’ wara tal-Parroċċa taż-Żejtun; § ir-restawr tal-faċċata prinċipali tal-Parroċċa tal-Marsa; § il-konsolidament tal-blat u pedamenti u r-restawr tal-knisja tal-Lunzjata fis-Siġġiewi; § ir-restawr tal-faċċati u kampnari tal-knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta; § xogħlijiet strutturali ta’ emerġenza fil-knisja ta’ Santa Marija f’Birkirkara u § tiswijiet fil-knisja ta’ Santa Marija f’Bubaqra, iż-Żurrieq. Infurmat li dawn ix-xogħlijiet huma stmati li ser jiswew aktar minn €4,100,000 u huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi. Finalment, infurmat li d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni fl-2024 alloka ukoll €90,000 għall-Iskema tar-Restawr ta' Proprjetà Immobbli fi knejjes ta’ Malta u Għawdex. Din l-Iskema issir b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għal-Arti.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt sabiex it-tagħrif jinġabar.

MCC – Nefqa fuq Attività

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-użu tas-sala ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) fl-attività li informazzjoni dwarha qed tingħata separatament u li waslet fi tmiemha fit-8 t’Ottubru 2023? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-fatturi u l-irċevuti relatati?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Tarxien — Ġnien Ovindoli - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol li hemm għaddej fi Ġnien Ovindoli u jgħid hux ser jiġu installati cameras tas-sigurtà?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi x-xogħlijiet huma pjanati li jsiru minn Project Green. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat. Intant infurmat mill-istess Kunsill li fir-rigward ta’ CCTVs, dawn ser ikunu imdaħħlin fil-baġit u l-pjan ta’ ħidma għas-sena 2024.

Il-Mellieħa – Isem ta’ Triq

Question

Jista’ l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jara li tiġi kkunsidrata t-talba li fil-Mellieħa tissemma triq għall-mibki s-Sur Joseph Borg, li 30 sena ilu kien l-ewwel Sindku tal-Mellieħa u pijunier fil-ħidma għat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll l-ewwel Sindku f’Malta li ffirma l-ewwel ġemellaġġ bejn lokalità Maltija (Mellieħa) u oħra barranija (Adenau - Ġermanja)?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 14079.

Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ – applikazzjoni lill-Kumitat tal-Ismijiet tat-Toroq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12706, fejn intqal li skont ir-records tal-Awtorità tal-Artijiet is-sit fejn tinsab it-triq ġdida li tagħmel ma’ Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbuġ (Malta), u li sal-ġurnata tal-lum din it-triq għadha mingħajr isem (site plan qiegħda tintbagħat separatament), mhuwiex tal-Gvern, u peress illi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10969 ingħad li l-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq f’laqgħa kien talab lill-Kunsill Lokali biex jikkomunika mad-Dipartiment tal-Artijiet biex jikkonferma jekk din it-triq hix privata jew pubblika, jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dan ir-rigward il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ kienx f’kuntatt mal-Awtorità tal-Artijiet, u jgħid jekk waslitlux risposta definittiva, u jgħid jekk minn dakinhar 'l hawn il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ issottomettiex ir-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex jingħata isem lit-triq inkwistjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ illi l-Kunsill Lokali rispettiv permezz tal-Perit Malcolm Cachia qiegħed f’kuntatt mad-Dipartiment tal-Artijiet u daħħal talba msejħa bħala ‘LC1’ bir-referenza LC1/2023/0133. Infurmat li din it-talba qiegħda tiġi pproċessata. Infurmat li sakemm l-Kunsill Lokali jkollu r-risposta, din it-triq għadha qed tiġi msejħa 'Triq Ġdida fi Triq l-Indipendenza'.