Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCCAA – notifikazzjoni għal concentration minn service providers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu finali wara n-notifikazzjoni għal concentration li saret lid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-MCCAA f’Mejju tal-2017 mill-operaturi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Diċembru li għadda, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ġie nfurmat mir-rappreżentant legali tal-intrapriza kkonċernata li kienet qiegħda tirtira n-notifika dwar il-konċentrazzjoni li kienet issottomettiet quddiem l-Uffiċċju.

Korrispondenza bejn il-LESA u ħaddiema reġistrati mal-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull korrispondenza li għaddiet bejn il-Local Enforcement System Agency (LESA) u l-ħaddiema reġistrati mal-kumpanija li preżentament hija responsabbli mill-gwardjani lokali f'pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Gwardjani Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni tal-Gvern u x'azzjoni se jkun qed jieħu l-istess Gvern wara li fi stqarrija li ħarġet il-UĦM Voice of The Workers nhar it-12 ta' Jannar 2018 saret referenza għall-inġustizzja li saret jew qed issir fil-konfront tal-gwardjani lokali fejn dawn il-ħaddiema qed jintalbu japplikaw biex jerġgħu jiġu mpjegati fl-istess pożizzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

LESA – ħaddiema reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm hu n-numru ta' ħaddiema li kienu jew huma reġistrati mal-Local Enforcement System Agency (LESA), sena b'sena minn kemm ilha li twaqqfet l-istess LESA sal-2018? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa fuq pagi tal-ħaddiema kif ukoll l-ispiża fuq l-operat, għall-istess perjodu maqsuma sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Il-Qrendi – Triq is-Siġġiewi – traffic mirror

Question

Peress li fi Triq is-Siġġiewi, il-Qrendi hemm parti mit-triq li hija blind corner, u peress li fil-parti tat-triq imsemmija hemm diversi garaxxijiet kif ukoll xi residenti li jkunu jridu joħorġu l-vettura mill-garaxxijiet tagħhom, jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Qrendi jikkunsidra bis-serjetà li tiġi stallata traffic mirror (kif indikata fil-pjanta li qed tingħata separatament) mill-aktar fis possibli sabiex jiġu evitati inċidenti bla bżonn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Qrendi ser jiddiskuti t-talba tal-Onor. Interpellant fil-laqgħa li jmiss nhar it-Tlieta 23 ta’ Jannar 2018.

Inizjattiva Culture Pass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il student ibbenefika mill-inizjattiva “Culture Pass” is-sena l-oħra? Jista’ jgħid jekk din l-inizjattiva hiex se tkompli tiġi offruta lill-istudenti f’din is-sena l-ġdida u, jekk iva, x’miżuri se jittieħdu biex din issir aktar magħrufa? X’inhu l-baġit għal tali inizjattiva f’dak il-każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Ġunju, 2017, ibbenefikaw 8,715-il student sekondarju. Din is-sena dan il-programm daħal fis-seħħ mal-ftuħ tas-sena skolastika. Minn Diċembru sakemm qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, diġà ibbenefikaw 3,569 student. Din is-sena bħala promozzjoni żidna fl-ammont tal-katalgi li tqassmu fl-iskejjel u tqassmu wkoll badges b’titli relatati mal-Kultura u l-Arti f’kull Skola Sekondarja għal kull student. Il-progress ta’ din l-iskema qiegħed jiġi segwit mid-Direttorat tal-Kultura biex aktar skejjel jipparteċipaw. Il-baġit allokat għal dan il-proġett huwa ta’ mija u għoxrin elf Ewro (€120,000). Infakkar lill-Onor. Interpellant, li hi wegħda elettorali ta’ dan il-Gvern li biex inkomlu nrawmu aktar kuxjenza kulturali u storika fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, għandna nestendu l-programm tal-Culture Pass għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha li qegħdin f’xi istituzzjoni edukattiva kif ukoll għall-anzjani matul il-weekends u l-festi.

Films ikklassifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ikklassifikati films matul l-2016 u l-2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx policy li fuqha jimxi l-Bord responsabbli biex ikun jista’ jikklassifika l-films bl-aħjar mod?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul l-2016 u l-2017, ġew ikklassifikati b’kollox 490 film. Dawn ġew ikklassifikati skont din it-tabella: 20162017 U = Films li għalihom jista’ jidħol kulħadd1828 PG = Films fejn qed jiġi ssuġġerit li t-tfal għandhom ikunu akkumpanjati minn adult.2429 12A = Films li għalihom t-tfal taħt it-12-il sena, jridu jkunu akkumpanjati minn adult7061 12 = Films li għalihom jistgħu jidħlu persuna minn 12-il sena ’l fuq2425 15 = Films li għalihom jistgħu jidħlu persuna minn 15-il sena ’l fuq9196 18 = Films li għalihom jistgħu jidħlu persuna minn 18-il sena ’l fuq816 Total235255 Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-linji gwida li jintużaw waqt il-klassifikazzjoni tal-films. Dawn saru fl-2014.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – għajnuna lill-għaqdiet tal-festi u l-każini tal-baned

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Ministeru tiegħu qiegħed jgħin lill-għaqdiet tal-festi u l-każini tal-baned? Jista’ l-Ministru jindika wkoll jekk hemmx xi skemi fis-seħħ għal dan il-għan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2017 għall-ewwel darba twaqqfet l-iskema bl-isem ‘Fond Għall-Każini tal-Banda’ għall-konservazzjoni, restawr tal-assi tal-Każini tal-Baned kif ukoll biex tisaħħaħ iktar l-arti fil-komunitajiet. Inħaset il-ħtieġa li ngħinu lil Każini tal-banda għaliex dan il-Gvern tassew jemmen li l-baned għandhom rwol importanti fil-kommunitajiet tagħna kemm permezz tat-tagħlim tal-mużika li joffru kif ukoll permezz tal-valur artistiku miżjud li jsebaħ l-irħula u l-komunitajiet tagħna. Wara sejħa pubblika tqassmu €180,000 lil 21 każin tal-banda biex jitwettqu proġetti kulturali. Dan seta' jseħħ wara ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Assoċjazzjoni tal-Baned. Ta’ min jgħid ukoll li wara dan is-suċċess hemm pjanat li skema ġdida se terġa' tiftaħ f’April ta’ din is-sena.

Miżuri tal-Baġit 2018 – tisħiħ fis-settur kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-miżuri tal-Baġit 2018 se jkunu qegħdin isaħħu aktar is-settur kulturali? Kemm huma l-fondi allokati u jekk dawn żdidux fuq is-snin ta’ qabel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-investiment totali fis-setturi kulturali kien ta’ €69,975,000 li hi żieda ta’ 10% mill-Baġit 2017. Sabiex jissaħħu s-setturi kulturali se jkun hemm żidiet fl-investimenti ta’ entitajiet kulturali fosthom il-Kunsill Malti għall-Arti (minn €1.9m fl-2017 għal €2.1m fl-2018) u l-organiżżazzjonijiet kulturali pubbliċi b’zieda ta’ 36% fuq l-2017 (b’total attwali ta’ €19.5m). Fost dawn il-figuri hemm investimenti allokati għall-entità ġdida Festivals Malta b’€1.8 miljun u il-Fondazzjoni Valletta 2018 bi €8 miljun. Hemm ukoll inizjattivi ġodda bħall-Atelier forYoung Festival Managers (€40,000), il-proġett tal-Kor Nazzjonali (€60,000) u il-kontinwazzjoni tal-MICAS (Malta International Contemporary Art Space) b’investiment ta’ €275,000.

Festival Malta — attivitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il attività se ssir waqt Festival Malta u kif dawn l-attivitajiet se jkunu qegħdin jgħollu l-profil kulturali ta’ Malta fuq livell internazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Festivals kollha taħt ir-responsabbilta’ ta’ Festivals Malta huma kif ġej: - Karnival ta’ Malta - San Girgor - World Music Festival - Għanafest - Malta International Arts Festival - Malta Jazz Festival - Summer Carnival - Rock’n Malta - Notte Bianca - The Three Palaces - Christmas Activities Festivals Malta qed tagħmel ħilitha biex tagħmel il-festivals parti integrali mill-ħajja soċjali u kulturali Maltija. Dawn il-festivals jinkorporaw aktar min 160 attivita artistika separata li jiprovdu espressjoni kulturali varji u divertiment ta’ livell kulturali, minn diversi ġeneri ta’muzika sa drama, żfin, arti visiva etc. Dawn il-Festivals jiġbdu lejn pajjiżna viżitaturi barranin li flimkien mal-artisti lokali u internazzjonali jogħlu l-profil ta’ Malta fuq livell internazzjonali. Sabiex dawn il-160 attivita jkunu possibli li jsiru, bħalissa hemm madwar 11,000 persuna impjegata f’dawn is-setturi u għalhekk nemmnu li dawn il-festivals qiegħdin ikunu ta’ kontribuzzjoni lejn l-ekonomija Maltija. Infatti ta’ min jgħid li ġew allokati 70 miljun Ewro li huma 10% aktar mis-sena ta’ qabel għal dan il-għan, fil-budget għal din is-sena.

Festival ŻiguŻajg — attendenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm attendew persuni għall-festival ŻiguŻajg u jekk kienx hemm xi skejjel li ħadu lill-istudenti tagħhom għal dan il-festival u, jekk iva, kemm-il skola?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ Skejjel u istituzzjonijiet Edukattivi oħra li attendew da nil-festival huwa ta erbgħa u erbgħin (44). Dawn kienu maqsuma kif gej: · Skejjel Governattivi 27 · Skejjel Privati 3 · Skejjel tal-Knisja 9 · Ċentri ta’ Childcare 3 · Kindergarten 1 · Ċentri tar-Riżorsi 1 Din it-tabella t’hawn taħt turi l-ammont ta’ biljetti maħruga kif ukoll attendenza għal presetazzjonijiet bla biljetti: Biljetti Ammont Biljetti maħruġa lil Studenti, Għalliema u Learning Support Assistants 5,525 Biljetti maħruġa għal Prestazzjonijiet lil Pubbliku in Ġenerali 7,398 Attendenza għal Prestazzjonijiet bla biljetti (għal dan ittieħed headcount f’kull Prestazzjoni) 7,800 Għaldaqstant huwa stmat li għall-aħħar edizzjoni ta’ dan l-Festival annwali attendew għalih mhux inqas minn 20,000 ruħ. Huwa evidenti li dan l-avveniment kull sena qiegħed iżid fil-popolarità tiegħu ma’ etajiet li jvarjaw sa 14+.

Awtorità dwar il-Mediċini – tweġiba ta’ ittra

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn l-Awtorità dwar il-Mediċini ma weġbitx ittri mibgħuta lilha mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew inkella twieġeb tali mistoqsija tramite l-preżenti mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Mediċina bagħtet risposta lill-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament.

Dewmien fit-traskrizzjoni ta’ xhieda quddiem il-Qorti tal-Maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jieħu passi biex ma jibqax iseħħ dewmien fit-traskrizzjoni ta’ xhieda quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, sija f’seduti tad-distrett u sija fil-kumpilazzjonijiet, wara li anke fis-26 ta’ Ġunju 2017 l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kellu għal darb’oħra jagħmel verbal komunikat lid-Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għax is-seduta ma setgħetx issir minħabba li x-xhieda tas-seduta preċedenti ma kinetx għada traskritta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirrefferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 291. Ta’ min jgħid ukoll li biex ikompli jiġi assigurat li ma jkunx hemm dewmien saru taħdidiet u ntlaħaq ftehim mal-Amministrazzjoni tal-Qorti t’Għawdex sabiex jibdew jiġu mqabbda staff li jaħdmu fil-Qorti t’Għawdex sabiex jagħmlu traskrizzjonijiet. Għalhekk, illum, hemm iktar traskritturi sabiex ma jkunx hemm pressjoni ta’ xogħol fuq it-traskritturi.

Persuni li gawdew mis-sistema tal-parole

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni gawdew mis-sistema tal-parole, kull sena, fis-snin 2015, 2016 u 2017? Jista' jgħid minn dawn il-persuni kemm minnhom bdew igawdu mill-parole eżatt f'nofs is-sentenza tagħhom u kemm minnhom aktar tard minn nofs is-sentenza? Dawk li ngħataw il-parole wara li kienu skontaw iżjed minn nofs is-sentenza, x'kienet ir-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Qorti Kriminali – investigation order skont l-Artiklu 4 tal-Kap.373

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il investigation order skont l-artiklu 4 tal-Kap.373 ħarġet il-Qorti Kriminali fuq talba tal-Avukat Ġenerali, jew kemm talab li jinħarġu l-Avukat Ġenerali, fl-2015, fl-2016 u fl-2017, sena b’sena? Jista’ jagħti d-data ta’ kull talba?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Membru li fis-sena 2015 inħarġet Ordni waħda f’Marzu u 3 Ordnijiet ta’ Investigazzjoni ta’ Sekwestru f’Lulju li kollha kienu dwar money laundering u każ wieħed kien ukoll dwar korruzzjoni. Fis-sena 2016 inħarġu 4 Ordnijiet ta’ Investigazzjoni ta’ Sekwestru u dawn kienu fi Frar, Marzu, Mejju u Lulju fejn kienu dwar drogi, frodi u money laundering. Filwaqt li fis-sena 2017 kien hemm Ordni ta’ Investigazzjoni ta’ Sekwestru waħda li nħarrġet fi Frar dwar money laundering.

Għawdex – Ingombru ta’ bankini – Ċitazzjonijiet minn gwardjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni nħarġet minn gwardjani lokali għall-ingombru ta' bankini minn vetturi matul is-sena 2017 f'Għawdex? Jista' jgħid kemm-il ċitazzjoni nħarġet minn gwardjani lokali għall-ingombru ta' bankini minn persuni permezz ta' oġġetti oħra li mhumiex vetturi matul is-sena 2017 f'Għawdex? Jista' jaqsam dawn iċ-ċitazzjonijiet skont il-lokalitajiet f'Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant isib hawn taht lista ta' citazzjonijiet li nghataw lil vetturi minħabba ostruzzjoni. Ta’ min jinnota ukoll li l-informazzjoni mogħtija hawn taħt tinkludi l-lokalitajiet biss fejn ingħataw ċitazzjonijiet tat-tip imsemmija fil-mistoqsija. Tickets issued in Gozo relating to Obstruction (No motor vehicle may be left in any road in contravention of any parking regulations or in such a position or in such circumstances as to be likely to cause danger or obstruction to other persons using the road) between 1st Jan 2017 and 19 Dec 2017 by Local Wardens Council Mar Apr May Jun Jul Aug Sep Oct Nov 1-19 Dec Grand Total GHAJNSIELEM-Gozo 3 1 3 39 50 29 5 2 132 GHARB-Gozo 1 1 1 1 4 MUNXAR-Gozo 3 3 11 43 69 18 5 8 160 QALA-Gozo 1 1 RABAT-Gozo 10 32 14 3 14 19 16 19 10 2 139 XAGHRA-Gozo 1 2 3 ZEBBUG-Gozo 3 2 11 13 3 1 4 2 39 Grand Total 11 41 18 19 107 153 67 32 25 5 478

Liġi ġdida dwar Standards fil-Ħajja Pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont s’issa tal-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar Standards fil-Ħajja Pubblika?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Membru huwa mgħarraf li l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika għadu ma nġiebx fis-seħħ pero hemm konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni biex tkun tista’ tiġi identifikata persuna li tkun tista’ tieħu l-inkarigu ta’ Kummissarju taħt l-Att.