Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'Tender for the supply, delivery, installation, testing and commissioning of lifts for Villa Lauri' (CfT CA Unique ID: MGOZ/MPU T 14/2021) u jgħid fiex wasal il-proċess biex din l-imsemmija tender tiġi awarded u jkun jista’ jinbeda x-xogħol mitlub?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender ġie ikkanċellat peress li l-ebda offerta ma kienet konformi mil-lat amministrattiv, tekniku u finanzjarju.
Għawdex – Belt Victoria – Triq Enrico Mizzi — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19650 u ċjoè: B’referenza għax-xogħlijiet li saru matul ix-xahar ta' Lulju 2020 mill-Ministeru għal Għawdex fuq parti minn Triq Enrico Mizzi ġewwa l-Belt Victoria, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa dan ix-xogħol u jgħid min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar u jekk iva min għamilhom, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-proċess taċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet u tax-xogħlijiet għadu għaddej u għaldaqstant l-informazzjoni sħiħa tkun disponibli la darba jingħalaq dan il-proċess.
Jista' l-Ministru jispjega x'vantaġġi qed tieħu l-kumpanija Gozo Channel illi flok ma timpjega l-ħaddiema direttament hi, tqabbad kuntrattur sabiex iħaddem il-ħaddiema hu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed jsir l-istudju neċessarju.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20855 tal-4 ta' Mejju 2021, jista' l-Ministru jispjega kif l-awditur tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd jieħu żball daqshekk oħxon, sena wara sena u ħawwad "bank charges" ma' imgħax imħallas lill-Gvern? Jista' jispjega għaliex kienu dovuti dawn il-"bank charges" meta l-"audited accounts" tal-kumpanija għas-sena 2019 ma jurux li l-kumpanija kellha xi self bankarju, anzi kellha ċirka € 3.5m depożitati mal-banek?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2019 il-kumpanija kellha bank charges li jammontaw għal €72,566. Dawn kienu dovuti lil Bank of Valletta u fl-income statement dehru taħt it-titlu Finance Costs. Peress li l-Bank of Valletta huwa kkunsidrat bħala related party tal-Gozo Channel għaliex huma t-tnejn kkontrollati mill-Gvern, dan l-ammont ġie mdahhal ukoll taħt nota 21 bhala “Related party transactions”.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20529, jista’ l-Ministru jikkonferma li din ir-risposta tfisser li l-Gvern ma jafx meta ser titlesta d-Dar tal-Anzjani li hemm ippjanata fl-ex Dar ta' San Ġużepp f'Għajnsielem? Jista' jagħti risposta għat-tieni parti ta' dik id-domanda u jgħid kemm hi mikrija din id-dar u meta ser tiskadi l-kirja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 20529.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21093 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u l-mistoqsija parlamentari 20979 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl li diversi kollezzjonisti ta’ tajr ibbalzmat għandhom dan it-tajr ibbalzmat, u wara li snin ilu saru talbiet għand diversi entitajiet li skont iż-żmien kienu responsabbli mit-tagging ta’ dan it-tajr ibbalzmat u wara kull amestija li saret, saru l-verifikazzjonijiet, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru l-verifikazzjonijiet meħtieġa, sabiex ikunu jistgħu jiġu rregolati t-trasferimenti li ġew mitluba?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li biex tkun tista' tipproċessa t-talbiet pendenti għal trasferimenti li jeħtieġu l-identifikazzjoni tassonomika u t-tagging ta' kull kampjun, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) introduċiet sistema elettronika intitolata Stuffed Birds Registration System (SBRS) li permezz tagħha r-rekords marbuta mar-reġistrazzjoni u l-moviment ta' għasafar ibbalzmati (dawk reġistrati sal-aħħar ta’ Mejju 2003) jiġu diġitalizzati. B'hekk id-WBRU tkun tista' timplimenta l-obbligi legali rigward il-moviment tal-għasafar b'mod elettroniku u b’mod aktar effiċjenti.
F’Marzu tal-2021, it-Taqsima lestiet mill-proċess ta’ inputting tal-kampjuni kollha irreġistrati fis-sistema SBRS, total ta’ 515,719 kampjun. Jonqos l-inputtjar tal-informazzjoni tal-każijiet kollha tal-Qorti. Bħalissa id-WBRU qed tistenna li l-informazzjoni tiġi mgħoddija lilha biex ikun jista' jkompli l-proċess ta' inputtjar tad-data. Malli jitlesta l-inputtjar, jibda’ x-xogħol ta’ proċessar tat-talbiet għal trasferimenti u rimi ta’ tajr irreġistrat. L-eżerċizzju kollu jitlob diliġenza biex jiġi żgurat li l-verifiki meħtieġa jsiru sewwa.
Ministeru għal Għawdex — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lil Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21136, jista’ l-Ministru jikkonferma li hu m’għandux idea x’sar minnhom fondi pubbliċi (madwar €20,000) li l-Gozo Channel (li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu) għaddiet lil Marigold Foundation?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsijiet li għamlet dwar is-suġġett kienu diġà sodisfaċentement imwieġba.
Jista' l-Ministru jippreżenta lill-Parlament lista tar-rotot li fuqhom ser ikunu qed joperaw l-buses li nxtraw b'relazzjoni mal-faċilità ta' Park & Ride li l-Gvern qal li jrid jagħmel fi Triq Ta' Xħajma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rotot huma ppjanati minn tax-Xhajma għax-Xatt u lura. Minn tax-Xħajma jgħaddu minn Triq Bordin, lejn il-Qala u jinżlu ix-Xatt minn Triq Sant’ Antnin. Mix-Xatt lura jgħaddu mit-triq prinċipali tax-Xatt u jduru minn ħdejn iċ-ċimiterju tax-Xewkija lejn tax-Xħajma.
Tender 'Call-Off For The Provision Of Architectural Professional Services Related To Roadworks In Gozo'
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17630, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' periti (isem u kunjom) kemm uffiċjali pubbliċi kif ukoll dawk li mhumiex, li fil-preżent qed jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Ministeru għal Għawdex u fuq liema xogħol u proġetti qed jaħdmu dawn il-periti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li m’għandix aktar x’inżid mat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 17630, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-periti bħal uffiċjali/professjonisti oħra jaħdmu skont l-esiġenzi tal-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid x'sar sa issa u meta ser tittieħed azzjoni u jekk hux ħa tittieħed azzjoni qabel jibda s-sajf 2021, biex jitneħħa l-blat li kien waqa' fix-Xatt l-Aħmar qabel is-sajf 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn ix-xogħlijiet huma taħt ir-responsabiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem. Infurmat li l-Kunsill ġab il-permessi mill-ERA sabiex ikunu jistgħu isiru dawn ix-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19931, 17262 u 18900 u jgħid kemm kienet in-nefqa taħt kull item of expenditure għas-sena 2020 sew kapitali kif ukoll rikorrenti tal-Ministeru tiegħu? Kemm hu l-ammont kommess għan-nefqa taħt kull item u li s'issa għadu ma tħallasx? Saru xi trasferimenti ta' fondi minn item għal ieħor u jekk iva kemm kien dan l-ammont?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.
Gozo Channel (Operations) Ltd – kuntratturi — tnaqqis ta’ pagi u problemi ta’ leave
Question
Jista' l-Ministru jgħid għala wara r-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 17774 fid-9 ta' Diċembru 2020 xorta baqgħu jsiru lmenti regulari kontra l-kuntrattur li jħaddem bosta ħaddiema tal-Gozo Channel minħabba tnaqqis arbitrarju tas-salarji dovuti lilhom? X'azzjoni qed tieħu l-Gozo Channel (Operators) Ltd sabiex jinqatgħu dawn l-abbużi minn dan il-kuntrattur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għall-liema kuntrattur qiegħed jirreferi.
Ministeru għal Għawdex — mandat ta' inibizzjoni kontra xi trade union
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet fi ħdanu, u meta, li talbu l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li miniex a konoxxenza li sar xi mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade Union minn l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid x' xogħol sar fuq spazji rikreattivi għall-familji sena b'sena f'dawn l-aħħar tliet snin f'Għawdex u jgħid x'hemm ippjanat li jsir bħala xogħol matul din is-sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar (produzzjoni u reklamar attwali) għal kull sena bejn l-2013 u l-2021 f'dawn l-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali u pubblikazzjonijiet oħra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw fil-PQ’s 185, 790, 7534, 8258, 8736, 10256 u 11994. Il-kumplament tal-informazzjoni tkun tista’ titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra appena tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm, f'liema lokalitajiet ġewwa Għawdex u jagħti l-isem tat-triq u kemm kien it-tul u l-wisa’ fejn saru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar 2021 sad-data meta tigi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq? Jista’ jgħid x'Farm Roads' (jagħti l-isem tat-triq) hemm ippjanati li jsiru fil-ġimgħat li ġejjin? Jista' jgħid ukoll f'kull każ ix-xogħol sarx jew hux ippjanat li jsir fuq art tal-Gvern jew inkella fuq art privata?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu
Tender for the supply of 'Be Active' services for the elderly for the Ministry for Gozo
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender for the supply of 'Be Active' services for the elderly for the Ministry for Gozo (CfT CA Unique ID: MGOZ/MPU T 106/2020) u jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala din l-imsemmija tender ġiet ikkanċellata, u jgħid x'ser jiġri issa dwar dawn is-servizzi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender ġiet ikanċellata minħabba l-ħtieġa li jinbidlu t-termini u kundizzjonijiet tal-ewwel sejħa. Il-kuntratt preżenti ġie estiż sakemm terga’ tinħareġ it-tender mill-ġdid u tiġi awarded.
Ministeru għal Għawdex – binjiet ġodda mikrija mingħand il-privat
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19949 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18173, jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu dawn it-tliet binjiet ġodda (triq u raħal) mikrija mill-privat? Jista’ jgħid b’liema mod inkrew dawn it-tliet binjiet ġodda mikrija mill-privat? Meta u fejn ħarġet is-sejħa biex jinkrew dawn it-tliet postijiet, u għal kemm-il sena inkrew kull wieħed minn dawn it-tliet postijiet u x'kera qed titħallas għal kull wieħed minn dawn it-tliet postijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 20772 - Ministeru għal Għawdex - Binjiet ġodda mikrija mingħand il-privat.pdf
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jokkupaw Position of trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu? X’inhu l-valur annwali tal-kuntratt ta’ kull individwu? Meta bdew il-kuntratti tagħhom u meta jiskadu dawn il-kuntratti b’mod individwali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja (persons of trust jew positions of trust) fil-Ministeru hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra.
Faċilità ta’ Rkupru u Resiljenza – Pjan NextGenerationEU – użu mill-Fondi Ewropej
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Ministeru sabiex jagħmel użu mill-Fondi Ewropej tal-Faċilità ta' Rkupru u Resiljenza tal-pjan tan-NextGenerationEU?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.