Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema fuq Contact Tracing

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li bħalissa xogħolhom hu li jieħdu ħsieb il-contact tracing? Kemm minnhom huma voluntiera u kemm impjegati tal-Gvern u f'dan il-każ liema grad għandhom? Jista’ jagħti din l-informazzjoni ġimgħa b'ġimgħa mill-bidu ta’ Marzu sal-lum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni qed tinġabar.

Stennija għal Covid-19 swab test

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma l-kriterji li qed jintużaw meta jintalab appuntament għall-COVID-19 swab test? Kemm huwa fil-preżent ’il bogħod l-itwal appuntament? Persuni anzjani qed jingħataw prijorità qabel oħrajn? Preżentement kemm hemm persuni jistennew li jsirilhom l-iswab test u kemm minnhom ingħataw appuntament għal aktar minn ġimgħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kategoriji/kriterji tal-hubs, li qed jintużaw meta jintalab appuntament għall-COVID-19 swab test huma kif ġej: Prijorita’ 1: Kull min għandu s-sintomi tal-COVID, persuni li għamlu antigen test u rriżultaw pożittiv, ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, persuni li jkollhom bżonn jingħataw kenn f’dar (malajr kemm jista’ jkun). Prijorita’ 2.1: Membri tal-familja ta’ każ pożittiv li kienu qed jgħixu mal-każ pożittiv, kuntatti diretti tal-każ pożittiv (it-test isir 5 sa 7 ijiem mill-kuntatt tal-każ pożittiv biex ikun hemm viral load adekwat) Prijorita’ 2.2: Persuni li daħħlu Malta minn pajjiż mhux fil-kuridur (test isir 7 sa 10 ijiem mill-wasla f’Malta) u persuni li jaħdmu fl-iskejjel. Prijorita’ 3: Kuntatti ta’ kuntatti ta’ każi pożittivi, persuni oħra li jixtiequ jagħmlu test. Ninfurmah ukoll illi l-iswabbing centre ta’ Mater Dei jopera billi fil-għodu (bejn s-7:30am u n-12:30pm) isir swabbing ta’ pazjenti qabel ma jkunu se jsirilhom xi operazzjoni (Pre-Ops), Bejn l-10am u n-12:30pm isir swabbing lill-membri ta’ staff li jħossu xi sintomi, li jkunu ġejjin minn kwarantina jew li jkunu rritornaw minn xi safar, bejn s-1pm u t-3.30pm isiru swabs lill-qraba ta’ membri tal-istaff filwaqt li mill-4pm il-quddiem ikomplu jsiru iktar swabs lin-nies fil-komunita’. Sal-25 t’Ottubru l-appuntament għal dawk li jagħmlu parti mill-kategorija Prijorita’ 1 jingħata f’madwar 24 siegħa, Prijorita’ 2 fi żmien erbat ijiem jew skont il-ħtieġa filwaqt li Prijorita’ 3 l-appuntament jingħata fi żmien sebat ijiem filwaqt li l-membri tal-istaff jiġu swabbed fl-istess ġurnata jew l-għada. Pazjenti li jkun irid isirilhom swab test peress li jkun se jsirilom xi intervent jew operazzjoni, dan isir fi żmien stipulat mill-konsulent kkonċernat. Ninfurmah ukoll illi fid-djar ta’ l-anzjani l-iswabbing isir mill-infermiera tad-djar stess u l-kampjuni jittieħdu direttament il-laboratorju f’Mater dei. Bejn is-26 t’ Ottubru sa l-1 ta’ Novembru s’issa diġa ngħataw 9,047 appuntament għal-swab test.

Ministeru għas-Saħħa — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16469, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma dawk l-għaqdiet li fil-fatt ibbenefikaw minn dawn l-għotjiet u kemm kien l-ammont li ngħatalhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi l-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn l-għotjiet kienu Europa Donna Malta, Action for Breast Cancer Foundation, Puttinu, Hospice Malta, University of Malta Research, Innovation and Development Trust, Karl Vella Foundation, Women's Cancer Association - Gozo (issa xolta) u Movember International. Bħala donazzjonijiet ingħataw ukoll Faxitron Biopsy Machine li tiswa €60,000, Faxitron Plus Biopsy Machine li tiswa €104,850 u GE Seno Iris Mammography Review Workstation li tiswa €80,948 lill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Barra minn hekk ġie ffinanzjat ukoll il-QT Breast Database u ngħataw ukoll kontribuzzjonijiet għal-Complimentary Breast Cancer Programme.

COVID-19 – Spiża addizzjonali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-ispiża addizjonali li ngħatat fis-sena 2020 lill-Ministeru għas-Saħħa minħabba l-COVID?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta wieħed jikkonsulta l-Financial Estimates tas-sena 2020, paġna 20, jiġi nnotat li huwa propost li l-Budget rivedut tas-Saħħa jitla għas-somma ta Euro 806,926,000 minn Euro 702,024,000 (kif oriġinarjament approvat), jiġifieri żieda ta’ Euro 104,902,000. Għalkemm huwa mistenni li l-maġġoranza ta’ dawn il-Fondi addizzjonali se jintefqu fuq spejjeż relatati mal-Covid-19, parti minn dawn jistgħu jintefqu anke fuq xi spejjeż addizzjonali oħra kif jiġi miftiehem bejn il-Ministeru tas-Saħħa u dak tal-Finanzi.

Skeda ta’ numru ta’ mwiet b’suwiċidju

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16627, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra skeda ta’ numru ta’ imwiet b’suwicidju u attentat suwiċidju xahar b’ xahar minn 2018 s’Awwissu 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu.

Ministeru għas-Saħħa – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-Ministeru għandu 5 spazji riżervati għall-parkeġġ fil-Belt Valletta.

Ftehim mal-Crisis Resolution Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8739 bid-data tas-6 ta’ Frar, 2019, jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid issa jekk intlaħaqx ftehim mal-Crisis Resolution Malta sabiex jitjiebu s-servizzi indirizzati lill-persuni f’riskju ta’ suwiċidju? Jekk iva, jista’ l-Ministru jpoġġi kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma sar l-ebda ftehim mal-Crisis Resolution Malta.

Mosta – Ċentru tas-Saħħa – viżti privati

Question

Jista' l-Ministru jelenka sena b'sena mis-sena 2013 sal-lum, kemm kien hemm viżti privati minn tobba miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tabella t’hawn taħt tindika n-numru ta’ viżti li saru fid-djar privati mit-tobba taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta mill-2013 sal-20 t’Ottubru ta’ din is-sena. Sena 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020* Numru ta’ vi ż ti 3,463 4,462 5,552 6,181 8,028 8,070 8,455 3,333* Ninfurmah ukoll illi fl-1 ta’ April ta’ din is-sena, id-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja nidiet s-servizz tat-Telemedicine 24/7 Client Support Centre, liema servizz huma mmexxi minn tim professjonali u multidixxiplinarju fil-qasam tal-kura primarja, inkluż tobba. L-għan prinċipali ta’ dan iċ-Ċentru hu li jintlaħħqu l-klijenti/pazjenti kollha li jkollhom bżonn ta’ servizz ta’ natura medika u għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jmorru fiċ-Ċentri tas-Saħħa. It-tobba ta’ dan iċ-Ċentru jilħqu l-pazjenti permezz tas-sistema elettronika u ssir telekunsultazzjoni minn fuq it-telefon jew minn fuq l-iscreen ta’ kull mezz elettroniku li jkollu smart technology. Matul dawn is-sitt xhur, li jinkludu ukoll il-bidu tal-pandemija COVID-19, minn dan iċ-Ċentru saru 8,809 konsultazzjoni u pariri bit-telefon lill-lokalitajiet li jaqgħu taħt iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta biex b’hekk ġie evitat li l-pazjenti joħroġu minn djarhom u jitnaqqas t-tixrid tal-mard. Dan is-servizz naqqas ukoll mill-ħtieġa li t-tabib imur jinvista’ lill-pazjenti fid-dar tagħhom.

Mater Dei – operazzjonijiet – waiting lists

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka sena b’sena mill-2013 sal-lum, kemm hemm pazjenti fuq il-waiting list ta’ kull operazzjoni li ssir f’Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Ħ’Attard – Berġa – ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jassigura li l-Berġa ta’ Ħ’Attard tkun miftuħa iktar ġranet, ħinijiet itwal u jagħtu aktar servizzi speċjalment li bħalissa hemm it-taqlib tas-Central Link u jkun ta’ inkonvenjent biex jitilgħu ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2019 il-klinika fil-komunita’ ta’ Ħ’ Attard ġiet rinovata; ġew introdotti servizzi ġodda, filwaqt li ġew estiżi ukoll il-ħinijiet tas-servizzi. Illum din il-klinika toffri is-servizz tat-tabib tal-familja, tal-infermiera, tal-iSpeech Language Pathologist, tal-Fiżjoterapija, tas-Saħħa Mentali u tal-Podjatrija u hija miftuħa l-ġimgħa kollha, mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Vaċċin tal-Influwenza — nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jipprovdi n-nefqa kollha ta’ kemm sewa l-vaċċin tal-Influwenza għal din is-sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi huwa stmat illi n-nefqa għal 250,000 vaċċin tal-Influwenza se tkun €2,521,400.

Persuni li jibbenefikaw minn mediċini fuq il-kartuna r-roża

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm li jibbenefikaw minn mediċini fuq il-kartuna r-roża?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Persuni li jibbenefikaw minn mediċini fuq il-kartuna s-safra

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm li jibbenefikaw minn mediċini fuq il-kartuna s-safra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena kien hemm 149,998 persuna li bbenefikat minn mediċini b’xejn permezz tal-kartuna s-safra (schedule V).

Ministeru għas-Saħħa — Rapporti ta’ inċidenti fatali ta’ pazjenti ta’ saħħa mentali komprometta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13475 u jindika kemm kien hemm rapporti ta’ inċidenti fatali f’din il-leġiżlatura, li ġraw lill-pazjenti ta’ saħħa mentali komprometta, ġo faċilitajiet liċenzjati għall-kura tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda inċident fatali f’din il-leġiżlatura, li ġara lill-pazjenti ta’ saħħa mentali komprometta, ġo faċilitajiet liċenzjati għall-kura tas-saħħa mentali.

Kampanja ta’ prevenzjoni kif jiġi evitat il-mard mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk saritx kampanja ta’ prevenzjoni kif jiġi evitat mard mentali f’dawn l-aħħar tliet snin sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk iva, meta u fejn saret din il-kampanja ta’ prevenzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ta’ kull sena f’Ottubru, waqt il-kommemorazzjoni tal-jum dinji iddedikat għas-Saħħa Mentali, jiżdied l-għarfien dwar is-saħħa mentali skont it-tema magħżula mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard tul l-aħħar snin saret ħidma flimkien mas-Servizzi għas-Saħħa Mentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa biex titfakkar il-ġurnata Dinjija tas-Saħħa Mentali dwar temi differenti. Ġie organiżżat lecture dwar l-istress u x-xogħol immirat għall-ħaddiema ġewwa l-isptar Mater Dei kif ukoll seminar dwar id-dipressjoni għat-tobba tal-familja. Għal-aħħar tas-sena 2019 saret kampanja dwar is-Saħħa Mentali billi saru interventi fuq il-mezzi tax-xandir tradizzjonali kif ukoll fuq il-mezzi tal-midja soċjali, ta’ kull ġimgħa beda’ jingħata iktar għarfien billi jittellgħu messaġġi ta’ kif wieħed għandu jieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħu. Tul l-istess sena saru sforzi biex jiżdied l-għarfien fuq il-prevenzjoni tas-suwiċidju, permezz ta’ programmi fuq il-midja tradizzjonali (TV u gażżetti) u wkoll dawk soċjali. Infetħu ukoll Well Being clinics fl-Universita’ ta’Malta u wkoll fl-MCAST -Malta Council of Art, Science and Technology biex is-saħħa u mentali tal-istudenti tkunu mħarrsa ukoll. Mid-Dipartiment tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Kura Primarja saru taħdidiet regolari fil-kunsilli lokali kemm f’Malta u Għawdex dwar suġġetti varji relatati ma’ għarfien/stigma dwar is-saħħa mentali. Il-konkorrenza tal-pubbliku kienet tassew inkoraġġanti. Saru ukoll taħdidiet dwar suġġetti diversi relatati mas-saħħa mentali tal-anzjani fiċ-ċentri ta’ matul il-jum ta’ l-anzjani kemm f’ Malta u f’Għawdex, taħdidiet regolari fil-parroċċi eżempju: Ladies Circle u gruppi tar-romol rigward stigma u għarfien dwar suġġetti relatati mas-saħħa mentali, Taħdidiet f’għaqdiet filantropiċi, aktar informazzjoni u ghajnuna lill-Fondazzjoni RISE rigward suġġetti relatati mas-saħħa mentali immirati lejn persuni li qegħdin isegwu programmi ta’ rijabilitazzjoni bil-għan li jerġghu jintegraw ruħhom fis-soċjeta’ u ngħata ukoll iktar għarfien lill-membri tal-istaff ġewwa d-dipartiment tal-gvern. B’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Mental Health tal-Universita’ ta’ Malta, saret ħidma sabiex ikun hemm ikun għarfien dwar is-saħħa mentali biex nikkumbattu l-stigma f’lokalitajiet differenti. Minn dan id-dipartiment ukoll ngħatat informazzjoni waqt programmi kemm televiżivi kif ukoll fuq stazzjonijiet tar-radju u tqassmu fuljetti b’informazzjoni relatati mas-saħħa mentali u l-stigma li jġibu magħhom dawn il-kundizzjonijiet, ġew ippubblikati diversi artikli f’diversi fuljetti li jitqassmu fil-paroċċi kif ukoll f’rivisti li jiġu mqassma lill-ħaddiema fil-qasam tal-Kura Primarja. Nfakkar ukoll illi f'Marzu ta’ din is-sena s-Servizzi għas-Saħħa Mentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa investew b'mod qawwi flimkien mar-Richmond Foundation fil-helpline 1770. Dan il-helpline kien immirat lejn nies li kienu qed jesperjenzaw diffikultajiet emozzjonali u ta' saħħa mentali. F'April 2020 is-servizz tal-helpline beda’ jopera fuq bażi ta' erbgħa u għoxrin siegħa kuljum inkluż fil-ġranet ta' festi. Apparti li kienu jintbagħtu żewġ professjonisti ta' saħħa mentali ta' kuljum biex jirrispondu t-telefonati fuq il-post kienu wkoll jiġu offruti korsijiet ta' terapija aktar fut-tul lil dawk li kienu jinstemgħu vulnerabbli fuq livell psikoloġiku. B'hekk seta’ jiġi evitat ir-riskju li dawn il-callers jiddeterjoraw mentalment. Bejn April u Awissu fost il-ħafna nies li ċemplu fuq il-helpline kien hemm aktar minn 100 persuna li bdiet ċiklu ta' psikoterapija mid-Dipartiment tal-Psikoloġija li jifforma parti mis-servizzi għas-Saħħa Mentali.

Sptar Mentali – bini minn fondi mill-European Fund for Strategic Investments

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1806, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa issa jindika jekk hux ser jinġiebu fondi mill-European Fund for Strategic Investments bil-ħsieb li jinbena l-Isptar Mentali fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sorsi alternattivi ta' finanzjament għal-bini tal-isptar Mentali fl-isptar Mater Dei qed jiġu esplorati b'mod attiv mill-awtoritajiet ikkonċernati.

Persuni vulnerabbli – tilqima tal-influwenza fi djarhom

Question

Peress li hemm numru ta’ persuni vulnerabbli li jinstabu d-dar minħabba ċ-ċirkostanza tal-COVID-19 u jixtiequ li jitlaqqmu minħabba l-influwenza iżda ma jixtiqux imorru ġo health centers jew ċentri oħra minħabba ċ-ċirkostanza tal-pandemija, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’ser isir biex dawn jitlaħqu? Tista’ terġa’ ssir sejħa biex tobba tal-familja jirreġistrawhom maċ-Ċentru tat-Tilqim ħalli b’hekk jingħatalhom servizz fi djarhom? Ir-reġistrazzjoni ta’ din l-iskema kienet għalqet fl-aħħar ta’ Settembru.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni vulnerabbli għandhom jikkuntattjaw il-CommCare Unit fuq 7902 0589 sabiex jingħataw appuntament ħalli infermiera tkun tista’ tmur tlaqqamhom f’darhom stess.

Ministeru għas-Saħħa – talbiet skont l-Att dwar il-Liberta tal-Informazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16433 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għas-Saħħa u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-PQ 11381, li kopriet il-perjodu sa Settembru 2019, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej: Ottubru-Diċembru 2019: 3 talbiet Jannar-Settembru 2020: 37 talba Minn dawn kien hemm 11 il-talba milqugħa, 23 rifjutati u 6 għadhom pendenti. Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Skeda ta’ numru ta’ mwiet b’suwiċidju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda ta’ numru ta’ imwiet b’suwiċidju u attentat ta’ suwiċidju xahar b’xahar minn 2018 sa Awwissu 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2018 kien hemm 215 attentati ta’ suwiċidju, fl-2019 199 filwaqt li minn Jannar sa Awissu ta’ din is-sena kien hemm 151. In-numru ta’ imwiet kawża ta’ suwiċidju fl-2018 u fl-2019 kien 23 rispettivament filwaqt li minn Jannar sa Awissu ta’ din is-sena kien hemm 2 imwiet.