Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani fil-homes privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu anzjani f'homes privati l-gvern matul is-sena 2010? F'liema home kienu u kemm ġew jiswew kull sena? Jista' jgħid jekk is-somma kkwotata tinkludix il-parti li tinqata' mill-pensjoni tal-istess anzjan jew jekk il-parti tal-pensjoni li tinqata' lill-istess anzjan hijiex apparti minn din is-somma?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ Anzjani f’homes privati sal-aħħar tas-sena 2010 kien ta’ 294. Id-djar tal-anzjani huma Casa Arkati, Villa Messina, Rose Ville, Central Home u Casa Serena. Is-somma li tħallset kienet ta’ €2,826,627. L-ammont kwotat ma jinkludix il-parti li tinqata’ mill-pensjoni tal-istess anzjani.

Homes tal-anzjani mmexxija mill-privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu anzjani li huma fil-Public Private Partnership u għalhekk qegħdin f'xi home immexxija mill-privat matul ix-xhur bejn Jannar u Awwissu 2011? Jista' jgħid il-projections li għandu għall-kumplament tas-sena 2011 u jekk dan in-numru huwiex se jiżdied matul is-sena 2012, jew jekk dan in-numru huwiex stabbli u mhux se jiżdied?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Homes/swali li mhumiex air conditioned

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fadalx homes/swali jew residenzi tal-anzjani li m'humiex air conditioned u jekk hemmx xi pjan li kull sala jew residenza li hemm l-anzjani fihom ikunu air conditioned?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-swali fir-Residenza ta’ San Vinċenz huma kollha mgħammra bl-arja kondizzjonata. Id-djar tal-anzjani tal-gvern huma kollha mgħammra bl-arja kondizzjonarja minbarra dik tal-Gżira fejn hemm biss il-komun bl-arja kondizzjonata. Iżda l-anzjani residenti f’din id-Dar tal-Gżira se jiġu trasferiti fl-Isptar Zammit Clapp meta dan ikun lest.

Servizzi għall-kura tal-anzjani privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbidlu l-kundizzjonijiet li jeżistu bħalissa u jiżdiedu l-inċentivi min-naħa tal-gvern ħalli persuni jitħajru jibagħtu lill-ġenituri tagħhom jew huma stess imorru ġo homes privati u mhux jistennew lill-istat jipprovdi dan is-servizz? Jista' jgħid jekk l-inċentiv li jeżisti bħalissa ta' xi €2,000 fis-sena huwiex biżżejjed biex iħajjar liċ-ċittadini tagħna jieħdu s-servizz privat u mhux dak provdut mill-istat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Gvern żied sostanzjalment ukoll l-ammont ta’ sodod li jikri fi djar tal-anzjani privati biex aktar anzjani li jixtiequ jgħixu f’dar tal-anzjani fil-komunità jkunu jistgħu jagħmlu dan. Bħalissa 343 anzjan u anzjana qed jgħixu f’aar tal-snzjani privata, bl-ispejjeż jitħallsu mill-gvern, filwaqt li l-anzjani jikkontribwixxu parti mill-pensjoni Il-gvern, f’din il-leġislatura nieda wkoll skema li permezz tagħha, anzjani li jiddeċiedu li jgħixu f’dar tal-anzjani privata jkunu jistgħu igawdu minn tnaqqis fl-income tax. Fl-2009, 1,128 anzjan u anzjana iffrankaw bejniethom mir-return tal-income tax €2,092,053. Fl-2010 1,234 anzjan u anzjana iffrankaw bejniethom €2,312,017. Għaldaqstant jidher li dan l-inċentiv qiegħed iħajjar numru ta’ ċittadini biex jieħdu servizz privat. Bħalissa m’hemmx ħsieb li jinbidlu l-kundizzjonijiet li jeżistu jew li jiżdiedu l-inċentivi preżenti fil-qasam tas-servizz privat.

Residenza San Vinċenz de Paul — trasferiment minn sala

Question

Jista' l-Ministru jara każ ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu 75 sena u li jinsab fir-Residenza San Vinċenz de Paul, peress li għamel transfer għal sala oħra u jixtieq li jingħata l-attenzjoni meħtieġa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat sabiex tmur f’sala differenti fit-30 ta’ Settembru, 2011. Din it-talba tpoġġiet fuq lista ta’ rikjesti għal transfer għal din is-sala. Din il-persuna tinsab fil-pożizzjoni 17 tal-lista.

Talba għal suletti

Question

Jista' l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, wara li ilha żmien tistenna biex ikollha s-suletti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-riferta tal-persuna msemmija hawn fuq waslet fl-Orthotics & Prosthetics Unit (OPU) fit-8 ta’ Lulju 2011. Il-persuna ġiet riferita l-OPU wara vista fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Birkirkara. Kull riferta li tasal fl-OPU tigi kategoriżżata skont l-urġenża tal-każ. Fil-ġimgħat li ġejjjin il-persuna għandha tirċievi appuntament biex tattendi l-OPU biex isiru l-arranġamenti kollha meħtieġa biex niprovdulha par suletti.

Pilloli fuq il-kartuna s-safra

Question

Jista' l-Minstru jgħid jekk il-gvern jagħtix fuq il-kartuna s-safra il-mediċini One Alfha 0.25mg, Calcium Lac 300mg, Thyroxine 50mg u tal-100mg peress li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament jieħu dawn il-pilloli regolari?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċini Alfacalcidol 0.25mg, Calcium Lactate 300mg, Thyroxine 50mg u 100mg kollha jinstabu fil-formularju tal-gvern. Sabiex jiġi intitolat, konsulent awtorizzat irid japplika għall-Skeda V skond l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318).

Sptar Mater Dei — konsulenti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29218, jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (mhux dawk li joperaw jew/u jaraw in-nies fl-Isptar) mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? X'inhi r-remunerazzjoni ta' kull wieħed minnhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tilqim ta' kontra l-influwenza b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xi bidliet għal dawk li huma għoti ta' tilqim b'xejn kontra l-influwenza, liema tilqim jiġu pprovdut mill-Ministeru, b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali? Liema huma l-kunsilli lokali li jipparteċipaw f'din il-kooperazzjoni? Kemm kien in-numru ta' persuni li irċevew dawn it-tilqimiet, permezz ta' din il-kooperazzjoni fil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokalità lokalità, matul l-aħħar sentejn? Kemm kienu t-talbiet li saru għal din is-sena? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex minbarra l-informazzjoni li tgħaddi mingħand il-kunsilli lokali, l-istess ministeru jinforma lil dawk li għandhom il-possibilità li jieħdu dawn it-tilqimiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Testijiet tal-kanċer tas-sider

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' nisa li s’issa marru biex jagħmlu t-testijiet minħabba il-kanċer tas-sider? Jista', b'mod partikulari, jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li ġejjin mis-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokalità lokalità? F'dawn il-lokalitajiet kemm minn dawk li ntalbu biex jattendu għat-test, fil-fatt m'attendewx għal dawn it-testijiet? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xi mail shot ieħor b'informazzjoni oħra dwar il-ħtieġa li kull mara tagħmel dawn it-testijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Programm Nazzjonali għall-Breast Screening ġie mniedi f’Ottubru tas-sena 2009. Sallum ġew mistiedna 24,279 mara li minnhom attendew 13,667 (56.3%) biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa. Minn dawn, instabu 96 każ ta’ kanċer tas-sider. Rigward il-mailshot, bħalissa qiegħed jiġi ffinaliżżat materjal ġdid bħala parti minn kampanja ta’ edukazzjoni kontinwa. L-analiżi tal-istatistika tinżamm fuq bażi ġeografika. Din tista’ tiġi aġġornata biex tirrifletti bażi distrettwali kif mitlub imma tirrikjedi xogħol manwali u allura tista’ tingħata fi żmien ġimgħa.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — infiq f'ċelebrazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjoni lill-anzjana

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li r-raġel ilu mejjet tliet xhur u minkejja dan iż-żmien kollu, għadha ma rċevitx pensjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistqosija lill-Ministru konċernat.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — faċilitajiet għall-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet hemm disponibbli fid-dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jiġu moqdija persuni neqsin mis-smigħ u persuni neqsin mid-dawl?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Kommunità huma, b’mod ġenerali, accessibbli għal persuni neqsin mis-smigħ u persuni neqsin mid-dawl. Il-lifts tal-maggoranza tad-dipartimenti u l-entitajiet għandhom buttuni bil-Braille u faċilità ta’ vuċi li tavża lill-persuna konċernata f'liema sular ikun wasal il-lift. Il-Ministeru għandu wkoll il-faċilità li juza s-servizz ta’ ħaddiema li huma mħarrġa fil-lingwa tas-sinjali u dan flimkien mal-fatt li l-istaff huwa dejjem disponibbli li jaghti l-ghajnuna meħtieġa lill-persuni kollha b’diżabilità inkluż persuni nieqsa mid-dawl u s-smigħ. Barra minn dan, ghaddejja ħidma sabiex persuni nieqsa mid-dawl u s-smigħ ikollhom aċċess faċli anki għal websites tad-dipartimenti u l-entitajiet differenti. Dan qed isir billi il-websites qed jinżammu, jew issir hidma fuqhom sabiex jinżammu, kif irrakmandat mill-MITA (Malta Information Technology Agency) u FITA (Foundation for Information Technology Accessibility) fir-rigward ta’ aċċessibilità ta’ websites għal persuni b’diżabilità. B’mod specifiku, wiehed ghandu jsemmi l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech li qed jiġi restawrat u mgħammar b’poġġamani, audio u braille fil-lifts u għajnuniet oħra għall-persuni bi bżonnijiet speċjali bħal dawk neqsin mis-smigħ u mid-dawl. L-Isptar Mater Dei hu diġà mghammar b’mod adekwat fejn, minbarra l-miżuri msemmija aktar qabel, insibu apparat ta’ induction loop. Dan l-appart qiegħed biex jamplifka l-ħoss tas-sistema tal-public address għal min jagħmel użu minn hearing aid. Dan l-apparat hu istallat f’diversi postijiet fl-isptar Mater Dei li jilqghu l-Out Patients, ir-reception ewlenija, ir-reception tad-day care. Dan l-apparat huwa istallat ukoll fic-“Chest Clinic” fl-iSptar San Luqa. Fl-Isptar Mater Dei hemm ukoll magna tal-biljetti tal-kju fl-ispiżerija ta’ Mater Dei Hospital li hija maghmula b’indikazzjoni viżiva u bil-vuċi tal-liema numru tal-biljett ikun imiss biex persuna tkun taf meta jkun imissha biex tinqeda.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Xogħlijiet b'risq persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28831 u jgħid x'ħidma u xogħlijiet saru b'riżq persuni b'diżabilità mill-Ministeru tiegħu f'kull uffiċċju u dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'din l-aħħar sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kwestjoni dwar leaky/defective lower house drains

Question

B’referenza għall-ittra, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ntbagħtet mid-Direttorat Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa lill-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jinvestiga l-każ dwar allegat leaky/defective lower house drains fil-vesti tiegħu ta' sid ta' daru, meta l-post huwa mikri u huwa biss inkwilin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dan l-ilment kien diġa ġie investigat minn ufficjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fit-2 ta’ Settembru 2011 fejn irriżulta li l-‘lower house drains’ kienu miksurin. Għaldaqstant, wara li l-uffiċċjal ta’ dan id-Direttorat staqsa min kien is-sid ta’ din il-proprjetà, il-complainant kien informa li huwa kien is-sid, u għalhekk intbagħt avviż lilu stess, biex isewwi din il-ħsara li qed tikkawża overspilling drainage fi Triq Giorgio Mitrovich, l-Imsida. Kien biss wara li saret din il-Mistoqsija Parlamentari li l-uffiċċjal ta’ dan id-Direttorat ġie nfurmat mod ieħor, jiġifieri li l-complainant huwa l-inkwilin u mhuwiex is-sid ta’ din il-proprjetà. Wara din l-informazzjoni l-ġdida, inħareġ avviż ieħor lis-sidien ta’ din il-proprjetà.

Msida, Triq Giorgio Mitrovich — overspilling drainage

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’passi se jieħu d-Dipartiment tas-Sanità minħabba l-problema kronika ta' overspilling drainage fi Triq Giorgio Mitrovich, l-Imsida li qed twassal saħansitra għal għadd ta' ġrieden f’din it-triq żgħira?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li din il-Mistoqsija Parlamentari tirreferi għall-istess każ tal-Mistoqsija Parlamentari 29550. Għaldaqstant infurmat li avviż inħareġ lis-sid tal-fond inkwestjoni u jekk ix-xogħlijiet neċessarji ma jsirux fi żmien raġjonevoli tittieħed azzjoni legali. Dwar ġrieden, infurmat li sar trattament għal kontra l- ġrieden minn uffiċċjali tal- pest control fi ħdan l-istess Direttorat. Din iż-żona se tibqa' taħt sorveljanza u trattament jiġi repetut kif ikun il-bżonn.

Dental Surgery Assistants — Qasam tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnhu li ġew ingaġġati dental surgery assistants fuq bażi ta' kuntratt ta' tliet snin mal-Qasam tas-Saħħa liema kuntratt jiġi eżawrit fl-20 ta' Lulju, 2013?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ġew ingaġġati numru ta’ dental surgery assistants fuq bażi ta’ kuntratt ta’ tliet snin. Madankollu qed jiġi kjarifikat li d-data tal-iskadenza tat-tali kuntratti m’huwiex l-20 ta’ Lulju 2013 izda s-26 ta’ Settembru, 2014.

Dental Surgery Assistants

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ġiex ingaġġat it-tieni grupp ta' dental surgery assistants ? Jekk huwa l-każ, jista' jikkonferma li: a) is- seniority tiġi rikonoxxuta fir-rigward tal-ewwel grupp li daħal; u b) li l-kuntratt tal-ewwel grupp ta' dental surgery assistants hux se jiġġedded mill-ġdid minn nhar l-20 ta' Lulju 2013?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-tieni grupp ta’ dental surgery assistants ġie ngaġġat. Is- seniority tigi kkunsidrata skont il-kriterji stabbiliti fil-Public Service Management Code u għaldaqstant tingħata seniority abbażi tad-data tal-ħatra u l-ordni fir-riżultat tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Il-Ministeru jirriżerva d-dritt li jġedded il-kuntratti skont l-esiġenza tas-Servizz Pubbliku.

Persuni li trid tagħmel MRI

Question

Jista' l-Ministru jara li l-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, tagħmel l-MRI fl-iqsar żmien possibbli peress li d-data li ġiet iffissata lilha hija 3 ta' April 2012 u din għandha bżonnu b'mod imminenti u ma taffordjax tmur tagħmlu privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li, skont il-konsulent tal-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, l-eżami tal-MRI mhuwiex meħtieġ b’mod urġenti. Madankollu, b’riżultat tal-ftehim milħuq bejn il-gvern u sptar privat, din il-persuna se tibbenefika b’tali mod li l-eżami tal-MRI tagħha ser isir fi Frar li ġej.

Proċess tal-għoti tad-demm

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28305, jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax persuni omosesswali irġiel bħala li jaqgħu fis-sezzjoni ta' aktar riskju fil-proċess tal-għoti tad-demm?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li persuni li l-imġieba tagħhom tpoġġihom f’riskju aktar mill-komunità inġenerali għal trasmissjoni ta’ ċertu mard permess ta’ trasfużjoni tad-demm huma mitluba ma jagħtux demm. Fost dawn hemm irġiel b’kuntatti omosesswali (mhux orjentazzjoni.)