Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Film Fund — flus fuq il-film Dear Dom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus mill-Malta Film Fund għall-film Dear Dom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l flus li ingħataw mill-Malta Film Fund għall-film Dear Dom jammontaw għal €53,464. Dan huwa ekwivalenti għal 45.8% tan-nefqa li saret fuq dan il-Film.

MFSA — rendikont tas-salarji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31526, jista' l-Ministru jiċċara x'żidied ingħataw average f`kull grad ras għal ras bejn is-salarji tal-2011 u tal-2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħaddiema kollha tal-MFSA ingħataw żieda b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012 sabiex il-pagi ta’ dawn il-ħaddiema jirriflettu aħjar u jistgħu jiġu komparabbli mal-pagi li normalment jingħataw ħaddiema fis-settur finanzarju. Dawn iż-żidiet jinkludu żidiet li ġew imħabbra fid-diskors tal-Budget sabiex jirriflettu wkoll l-għoli mal-ħajja. Iż-żieda mehuda bħala average tas-salarji bejn 2011 u 2012 hija ta’ 2.64%.

Gaming Authority — ħruġ ta' liċenzji tal-istaff

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzji tal-istaff tal-casinos trid bilfors timtela bil-linka sewda għax inkella skont il-Gaming Authority tiġi rifjutata? Huwa minnu wkoll li fl-istess applikazzjoni l-Gaming Authority qed titlob awtorizzazzjoni tal-applikant li tkun awtotizzata titkexxef fil-kontijiet bankarji tal-istess applikant?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi hija prassi normali li applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-istaff tal-casinos u oħrajn simili ikollhom ir-rekwiżit li jiġu mimlijin bil-linka sewda sabiex jekk ikun hemm il-bżonn li jiġu fotokopjati jew skenjati, ikun hemm ċertezza illi d-dikjarazzjonijiet u l-firem joħorgu b’mod car. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess applikazzjoni l-Awtorita’ titlob awtorizzazzjoni tal-applikant li titkixxef fuq il-kontijiet bankarji tal-istess applikant. Din id-dikjarazzjoni hija important ħafna sabiex l-Awtorita` tkun tista’ taqdi dmirijietha skond Kap 400 u Kap 438 tal-Liġijiet Ta’ Malta.

Arms Ltd — rata kummerċjali għal persuna li għandha aktar minn tliet postijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li għandha iżjed minn tliet postijiet fuq isimha u dawn il-proprjetajiet huma kollha residenzjali huwiex minnhu li l-ARMS qed toħrog kontijiet b'rata kummerċjali għal bqija tal-postijiet residenzjali ? Jekk iva, minn meta bdiet din il-miżura? Meta daħlet fis-seħħ? B'liema mod ġiet introdotta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond l-Avviż Legali 331/08, kull konsumatur jkun biss intitolat jirreġistra bħala Servizz għall-Post Residenzjali, Servizz għar-Residenza Prinċipali, Servizz għar-Residenza Sekondarja u Servizz għal Garage wieħed li ma jeċċediex 30 metru kwadru u li jintuża esklużivament għall-finijiet privati u non-kummerċjali. Din il-proċedura daħlet fis-seħħ sa’ minn Ottubru 2008.

MIP u l-Malta Enterprise — tender

Question

B'referenza għat-tender li ħarġet mill-MIP u l-Malta Enterprise matul 2011, fejn ġie mitlub rapport dwar l-asbestos fil-fabbriki u proprjetà li taqa' taħt dawn l-entatijiet, jista' l-Ministru jgħid: a) kemm ġiet tiswa din it- tender ; b) lil min ġiet mogħtija; ċ) kemm ħadmu persuni fuq dan ir-rapport; u d) jekk l-offerta magħżula kienet l-aħjar offerta li saret u kemm intefu offerti għal dan it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2011 ma nħareġ l-ebda tender b’dan il-għan. It-tenders li inħarġu kienu għat-tneħħija tal-asbestos mill-fabbriki.

Enemalta — sejħa għal chief human resources officer

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32334 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam li deher fil-gazzetti u r-rekwiżiti li ntalbu għall-pożizzjoni ta' chief human resources officer mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li ċ-chief human resources officer li għadu jservi f'din il-kariga għandux degree jew ċertifikati tal-O levels u A levels? Jekk ghandu, jista' jgħid x'Masters u mil-liema università ġiet mogħtija? Rigward din il-Masters jista' jgħid jekk id-dipartiment tal-MQRIC fiż-żmien li saret din il-call kienx jirrikonoxxi din il-Masters?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni Enemalta kienet ħarġet sejħa għal applikazzjonijiet għall-post ta’ chief human resources officer fl-2004. L-applikazzjonijiet kienu ġew evalwati minn PricewaterhouseCoopers u, wara li ma ġie magħżul ebda kandidat, saret sejħa oħra mill-Korporazzjoni. Il-persuna magħżula għandha MBA Maastricht u Executive Certificate in Management (Henley) li kienu kwalifiki rikonoxxuti waqt l-interviews.

Enemalta — rapport tal-mercaptans fuq il-Mejda tal-Kamra

Question

Billi xahar ilu l-Ministru kien stqarr li kien qed jistenna reazzjoni uffiċjali mill-bord tal-Korporazzjoni Enemalta, u deċiżjoni dwar jekk hemmx passi dixxiplinari x’jittieħdu fil-konfront ta' xi uffiċjali, qabel ma jpoġġi r-rapport tal-mercaptans fuq il-Mejda tal-Kamra, jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li għadda żmien biżżejjed biex rapport simili li bla dubju ta’ xejn huwa fl-interess pubbliku, jitqiegħed mingħajr aktar dewmien fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Malta Enterprise — Interest Rate Subsidies

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni sena b’sena minn mindu twaqfet l-iskema Interest Rate Subsidies (Business Pormotion Act) tal-Malta Enterprise, kemm kienu l-intrapriżi kummerċjali li bbenefikaw minn tali skema u kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li rċievew? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba, jekk huwa possibli, klassifikata skont in-numru ta’ ħaddiema impjegati (micro – 10 ħaddiema jew anqas, żgħar – aktar minn 10 iżda sa 50 ħaddiem, medji – aktar minn 50 sa 250 ħaddiem)?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazjoni mitluba hija murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dettalji dwar l-impjieg u tqassim skont in-NACE mhumiex disponibbli.

Malta Enterprise — Loan of Highly Qualified Personnel Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni sena b’sena minn mindu twaqfet il-Loan of Highly Qualified Personnel Scheme tal-Malta Enterprise, kemm kienu l-intrapriżi kummerċjali li bbenefikaw minn tali skema u kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li rċievew? Jista' jagħti din l-informazzjoni mitluba, jekk huwa possibli, klassifikata skont in-NACE tal-intrapriżi u n-numru ta’ ħaddiema impjegati (micro – 10 ħaddiema jew anqas, żgħar – aktar minn 10 iżda sa 50 ħaddiem, medji – aktar minn 50 sa 250 ħaddiem)?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma ġiet sottemessa l-ebda applikazjoni taħt din l-iskema relatata ma' riċerka u żvilupp. Madankollu ta’ min jinnota li taħt l-ERDF R&D grants ibbenefikaw 30 intrapriża għal total ta €3.9 miljuni.

Malta Enterprise — Industrial Research and Developement Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni sena b’sena minn mindu twaqfet l-Industrial Research and Developement Scheme tal-Malta Enterprise, kemm kienu l-intrapriżi kummerċjali li bbenefikaw minn tali skema u kemm kien l-ammont ta’ għajnuna li rċievew? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba, jekk huwa possibli, klassifikata skont in-NACE tal-intrapriżi u numru ta’ ħaddiema impjegati (micro – 10 ħaddiema jew anqas, żgħar – aktar minn 10 iżda sa 50 ħaddiem, medji – aktar minn 50 sa 250 ħaddiem).

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi din l-iskema ġiet miftuħa fis-sena 2010. Matul is-sena 2011 ġiet sottomessa u approvata applikazzjoni waħda għal total ta’ €43,000 fi krediti ta’ taxxa.

Għawdex — Xewkija - sit tal-Barmil - Public Private Partnership - spazju industrijali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30729, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-imsemmija sejħa għall-offerti ħarġitx? Jekk ħarġet meta u x’inhu n-numru tagħha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sejħa għall-offerti għadha ma ħarġitx peress li qed jiġu ffinalizzati punti tekniċi.

Żejtun — Sqaq Ħaż-Żabbar - Bozza tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir bozza li ilha tiġi rappurtata xi ftit tal-ġimgħat li tinsab fi Sqaq Ħaż-Żabbar numru 3 fiż-Żejtun minħabba li dan huwa l-uniku dawl li hemm f'dan l-isqaq? Jista' jara ukoll li kanna tal-ilma li hija maqsuma tiġi msewwija minħabba l-ħela ta' ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħsarat msemmija ġew imsewwija.

Arms Ltd — energy benefits

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir investigazzjoni mal-Maltapost biex tiġi stabbilita r-raġuni għaliex energy benefits li ntbagħtu lill-benefiċjarji ma' wasluhomx bil-posta b'konsegwenza li dawn il-persuni se jeħlu interessi fuq il-kontijiet pendenti li għandhom? Jista' jidħol għal dawn l-individwi ma' ARMS Ltd, sabiex ma jeħlux interessi bla ħtija? Jekk saret investigazzjoni dwar dawn il-fatti, x'irriżulta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li s-sena l-oħra, l-ARMS ipproċessat 95,097 energy benefit voucher, b’valur totali ta’ sussidju ta’ €4,596,498. Barra minn hekk, jekk ikun hemm xi vouchers li ma jaslux fil-ħin, l-ARMS tirrevedi xi interessi li setgħu ġew imtella fuq dawn il-kontijiet limitatament għad-dewmien u għal-valur tal- voucher .

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — tnaqqis tal-Vot fil-Budget 2012

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun qed jonqos il-vot fil-Budget 2012 dedikat għall-Ospitalità u mill-vot għall-Konsulenzi li jaqgħu taħt id-dekasteru li tiegħu huwa responsabbli? Kemm kienu dawn l-ammonti għas sena 2011 u kemm kienu skont l-budget oriġinali għall-2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Private Jet għas-safar tal-Prim Ministru, Ministru u Segretarji Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntuża l-private jet biex siefru Ministri, Prim Ministru, Segretarji Parlamentari u uffiċjali oħra tal-Gvern matul is-sena 2011? Għal liema skop kien dan l-użu u kemm ġie jiswa dan is-servizz lill-Istat Malti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2011 il-private jet intuża erba’ darbiet mill-Ministeru tal-Finanzi, l-ekonomija u Investiment. Il-Ministru attenda laqgħat tal-ECOFIN u l-EURO GROUP, filwaqt li is-Segretarju Parlamentari attenda laqgħat tal-Competitiveness Council u konferenza tad-Directorate General Enterprise tal-Unjoni Ewropeja. Il-Ministeru ħallas is-somma ta’ €203,391, li minnhom ġew rimborsati €174,891 mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja. Fir-rigward għal Ministri u Segretarji Parlamentari oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jpoġġi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Safar ta' Ministri u Segretarji Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il darba siefru l-Ministri u Segretarji Parlamentari matul is-sena 2011, fuq liema xogħol marru u kemm ġew jiswew lil pajjiżna dawn is-safriet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — remunerazzjonijiet ta' chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Każ fejn konsumatur ma rċeviex il-flus

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32064 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ tal-konsumatur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li kellu jirċievi somma ta' €389.35 u għalkemm bagħat ittra, baqa' ma rċeva xejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba. Nerġa’ għal darba oħra niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li dwar materja bħal din ma kienx hemm għalfejn issir mistoqsija fil-parlament. Kien ikun biżżejjed kieku l-persuna konċernata marret fit-taqsima tat-Taxpayer Service fi Blokk 4, Floriana, fejn normalment jiġu ttrattati każijiet bħal dawn minn taqsima apposta. Inħeġġeġ biex kwistjonijiet simili jiġu ttrattati bil-mod kif qed nispjega f’din it-tweġiba.

estensjoni tal-power station — ħażna għall-heavy fuel oil

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-estensjoni tal-power station għandhiex sistema ta' storage li taħżen il-heavy fuel oil? B'liema sistema qed issir din il-ħażna fl-istorage facility tal-estensjoni u kif qed jinġarr il-heavy fuel oil mill-vapur għall-istorage facility tal-estensjoni? Qed tintuża s-sistema konvenzjonali ta' pipeline mill-moll għal ġewwa l-estensjoni? Jekk le, għaliex? Kemm qed tiswa kuljum is-sistema li qed tintuża bħalissa u għaliex qed tintuża din is-sistema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Gaming Parlours

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu flus skont il-liġi mill-gaming parlours liema fondi jmorru għall-kawżi soċjali? Jista' jagħti din l-informazzjoni għas-snin 2010, 2011 u għal din is-sena separatament? Kif intużaw dawn il-fondi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi il-Liġi li tirregola l-Gaming Devices (u Parlours) daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Mejju 2011, filwaqt illi l-ewwel applikazzjonijiet daħlu għal ħabta ta’ Settembru 2011. Fis-27 ta’ Frar 2012 ingħataw permess illi jiftħu l-ewwel Gaming Parlours u għaldqastant għadha ma nġabret ebda taxxa minn dawn il-ħwienet.