Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozzi tas-servizz — pulizija pajżana

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom ma jinbidlu l-karozzi tas-servizz li jintużaw minn pulizija pajżana, allura jista' jgħid karozza b'karozza kemm ilhom fit-triq?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-bdil ta’ vetturi fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija huwa proċess kontinwu, fil-fatt kull sena jinxtraw u jinbidlu numru ta’ vetturi. Infurmat ukoll illi fil-bidu tal-2010 inbidlu l-vetturi li kienu fid-Distretti u Diviżjonijiet, filwaqt is-sena l-oħra kienu nbidlu l-muturi tat-Taqsima tat-Traffiku u s-sena ta' qabel kienu nbidlu l-vetturi tat-Taqsima tal-Mobile. Din is-sena hemm il-ħsieb li jinbidlu xi vetturi mill-44 vettura użata mit-Taqsimiet ta’ l-Investigazzjoni.

membri tal-Korp tal-Pulizija — union jew assoċjazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-politika tal-Gvern tiegħu u jgħid jekk jaqbilx li membri tal-Korp tal-Pulizija jkollhom id-dritt li jissieħbu f'union jew assoċjazzjoni? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-politika tal-Gvern tiegħu dwar il-fatt li l-istess membri jingħataw id-dritt li jkunu jistgħu jiġbru petizzjonijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-membri tal-Korp diġa' għandhom id-dritt li jissieħbu f'assoċjazzjoni u fil-fatt huma kollha msieħba fil-Malta Police Association. Inżid ngħid li l-Gvern diġa', fi snin riċenti, ta lil din l-Assoċjazzjoni drittijiet li tagħmel sottomissjonijiet u tiddiskuti oqsma li jolqtu l-interessi tal-membri tagħha fejn jidħlu kundizzjonijiet ta' xogħol, salarji, pensjonijiet eċċ. Dan għandha tagħmlu biex ikunu protetti d-drittijiet leġittimi tal-membri tagħha, mingħajr pero' ma għandu jiġi miftiehem li dan isir billi jkun mogħti lilhom id-dritt għal azzjonijiet industrijali. Għar-rigward il-kwistjoni tal-formazzjoni ta' Union hemm diversi metodi ta' kif din tista' ssir fi ħdan korp dixxiplinat. Prezentament għaddejjin diskussjonijiet mal-Malta Police Association sabiex jiġi stabbilit aħjar dak li jista' jkun aktar adegwat f'dan is-seklu għall-korp u l-membri tiegħu, pero' ż-żewġ naħat qed jaqblu li ma għandux ikun hemm id-dritt tal-istrike. Ninsab infurmat ukoll illi skont l-Att Dwar il-Pulizija (Kap 164) huwa ksur tar-regolamenti tad-dixxiplina tal-Korp li membri tiegħu jiffirmaw jew jiċċirkolaw petizzjonijiet.
Leg 11 PQ #16729 Sitting 223 2010-05-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Head office

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jintuża bħala head office ta' kull korporazzjoni u awtorità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kif ġie akkwistat il-post u x'jitħallas għall-użu tiegħu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15955.
Leg 11 PQ #16963 Sitting 223 2010-05-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Akkużi ta' logħob illegali tal-lottu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu nies quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' logħob illegali tal-lottu bejn l-2005 u llum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni mressqa l-Qorti fuq akkużi ta' logħob illegali tal-lottu bejn l-2005 sa April 2010 huwa kif ġej:- Sena Numru ta' Persuni 2005 7 2006 6 2007 14 2008 16 2009 10 2010 4
Leg 11 PQ #17093 Sitting 223 2010-05-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — persuni li bdew l-impjieg tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew bl-impjieg/xogħol tagħhom fil-Ministeru u/jew fid-dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru li jaqa' taħtu, matul dawn l-ewwel erba' xhur tas-sena? X'kariga u/jew xogħol għandhom? X'salary scale għandhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #17145 Sitting 223 2010-05-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Pawl il-Baħar — patrols fil-bypass

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat sarux xi patrols partikolari fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar minħabba s-sewqan fiha? Meta saru l-aħħar spezzjonijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-membri tat-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija ta' kuljum jagħmlu rondi fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar sabiex jinforzaw ir-regolamenti tat-traffiku f'din it-triq.
Leg 11 PQ #17154 Sitting 223 2010-05-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

dumping illegali f'Għawdex — investigazzjoni mill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru police patrols tul l-aħħar sentejn u din is-sena amministrattiva biex jinvestigaw id-dumping illegali ta’ skart tal-kostruzzjoni li ilu jsir fid-Dwejra qrib San Lawrenz Għawdex u x’kien l-eżitu tal-investigazzjonijiet tagħhom? Kien hemm talbiet mill-Ministeru għal Għawdex biex jiġu investigati dawn l-abbużi li ħafna Għawdxin ilhom snin jafu bihom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel patrols kontinwament madwar Għawdex, inkluż fil-lokalità ta’ Dwejra u San Lawrenz, sabiex tippreveni milli jkunu mwettqa reati, inkluż rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni. Infurmat ukoll li matul dawn l-aħħar sentejn kien hemm 19-il persuna li nqabbdu jħammġu permezz ta’ materjal ta’ kostruzzjoni, tnejn minn dawn kienu fid-Dwejra nhar is-6 ta’ Mejju ta’ din is-sena. Infurmat ukoll illi għalkemm ma tinżammx statistika dwar it-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, il-Ministeru t'Għawdex f'koperazzjoni sħiħa mal-Pulizija regolarment jgħaddi infomrazzjoni dwar rimi ta' skart u illegalitajiet oħra lill-istess pulizija. Din l-informazzjoni mhux dejjem tkun f'forma ta' rapport uffiċċjali.

Pulizija — health u life insurance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija għandhomx health u life insurance? Jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li dan isir? Jista' jgħid għaliex dawn saru jew ma sarux? Jara l-importanza li jsiru lill-membri kollha tal-pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija huma ntitolati għall-beneficji kollha taħt l-Att tal-1956 Dwar is-Sigurta Nazzjonali u l-Att Dwar il-Pulizija, partikolarment il-ħames skeda li qiegħed nippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra, fejn fost affarijiet oħra huma koperti fuq mard, invalidita, mewt u disabilita’ li jsofru waqt li jkunu xogħol. Bħal kumplament tal-ħaddiema tal-Gvern, ma hemmx koperta ulterjuri b'xi polza privata ta' health u life insurance.

Fond perikoluż f'Bormla

Question

Jista' l-Ministru jara li l-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li sa ftit taż-żmien ilu kien għadu okkupat u li jinsab f'periklu kbir għal terzi, jittieħdu l-miżuri meħtieġa mill-pulizija biex jitneħħew il-perikli kollha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata li jista' jkun hemm periklu fil-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija talbet l-assistenza tal-perit tal-Gvern sabiex jispezzjona dan il-post, li huwa vakant u li skont il-ġirien kien ilu hekk vakanti għal perjodu ta' żmien konsiderevoli. Infurmat ukoll li minn din l-ispezzjoni li kopja qed tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra, irrżulta illi m'hemmx periklu għal terzi persuni peress li l-ħsarat li hemm f'dan il-fond jinstabu fuq ġewwa. Minkejja dan, il-perit żied jiċċertifika ukoll illi fuq in-naħa ta' barra tal-fond in kwistjoni, hemm xi ġebel li jistgħu jaqgħu u rrakmanda li dawn jitneħħew. Il-Pulizija għalhekk se tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa kif provdut skont il-liġi.
Leg 11 PQ #16722 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — kumpanija tal-awdituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kumpaniji tal-awdituri li jagħmlu xogħol lill-korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Meta ġew magħżula u kif saret is-sejħa? X'inhu l-pakkett finanzjarju li ngħatat kull kumpanija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15955.
Leg 11 PQ #16957 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — lista ta' konsulenti u kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ? Kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Apparti mill-konsulenti privati li ngħatat informazzjoni dwarhom fid-domanda parlamentari numru 11684, ma kien hemm ebda kumpanija ta' konsulenza lokali jew barranija li ġiet ingaġġata mill-entitajiet jew dipartimenti li jaqgħu taħt dan il-Ministeru.
Leg 11 PQ #17076 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Membri tal-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri li spiċċaw mill-Korp tal-Pulizija matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? X'kariga kellhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija li spiċċaw matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena huma s-segwenti:- Kariga Total Assistent Kummissarju 1 Supretendent 1 Spetturi 5 Surġent Maġġur 1 Surġenti 3 Kuntistabbli 29
Leg 11 PQ #17134 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Għawdxin akkuzati fil-Qrati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15163 dwar kemm kien hemm persuni residenti f’Għawdex li ġew akkużati fil-Qorti kull sena mill-1999 sal-2009, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub taħt il-forma li jinżamm mill-amministrazzjoni tal-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-amministrazzjoni tal-Qorti f'Għawdex ma żżommx it-tagħrif mitlub taħt forma ta' statistika.
Leg 11 PQ #17168 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizja — armi mhux użati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-armi li m'għadhomx jiġu użati mill-Korp tal-Pulizija wara li dawn ġew mibdula mill-glocks?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-armi li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant għadhom għand il-Korp tal-Pulizija.

ħinijiet ta' xogħol ta' kostruzzjoni fl-areas residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi liġi li tista' tinforza l-pulizija rigward ħinijiet ta' xogħol ta' kostruzzjoni fl-areas residenzjali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ħinijiet ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni huma regolati permezz tar-regolamenti Dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-siti tal-Kostruzzjoni. (SL435.79) Skont dawn l-istess Regolamenti, dawn jistgħu jiġu nfurzati mhux biss mill-Pulizija iżda ukoll minn Uffiċjali ta’ l-Infurzar, Gwardjan Lokali jew kull persuna oħra maħtura mill-Ministru responsabbli mill-Ambjent, jew l-awtorità minnu delegata, sabiex iwettaq l-infurzar kif stabbilit taħt l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp.
Leg 11 PQ #17190 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

spetturi fuq probation

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent, diviżjoni, diviżjoni kemm hemm spetturi bi probation u kemm allura jibqa' spetturi li diġà temmew il-probation? Jaf li s-sistema ta' spetturi bi probation qed toħloq pressjoni żejda fuq dawn sabiex ilaħħqu mal-istudji, xogħol tal-qorti u kif ukoll fuq is-senior inspectors li jkunu jridu jlaħħqu fin-nuqqas tal-probation inspectors waqt żmien ta' eżamijiet eċċ.?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 77 Spettur iservu fil-Korp tal-Pulizija, li minnhom wieħed biss għadu fuq probation. Ta’ min iffakkar lill-Onorevoli Membru illi fis-sejħa għall-applikazzjonijiet għar-rank ta’ Spettur, ikun hemm indikat il-kundizzjonijiet kollha li jkunu japplikaw, inkluż l-attendenza għal-lectures u kors part-time sponsorjat mill-Korp u organizzat mill-Universita ta’ Malta li jwassal għal Diploma in Policing, kif isir f’ħafna pajjiżi Ewropej. Barra min hekk ta’ min wieħed iżid ukoll illi din il-proċedura, ċioe li Spetturi fil-Korp tal-Pulizija jattendu għal- lectures u korsijiet fl-Universita, ilha ssir sa mis-sena 1984 u din għenet ħafna sabiex jogħla l-livell akkademiku tal-istess Uffiċjali u membri oħra tal-Korp.

Għajnuna mill-Unjoni Ewropea minħabba l-immigranti irregolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħadet għajnuna Malta mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul 2009 biex tkun tista' tkopri mal-ispejjeż li għandha minħabba l-immigranti irregolari?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għajnuna li tirċievi Malta biex tkun tista' tkopri mal-ispejjeż li għandha minħabba l-immigranti illegali jiġu direttament mill-Unjoni Ewropea u mhux mill-pajjiżi individwali. Inżid ngħid li l-Unjoni Ewropea talloka ammont ta’ flus kull sena taħt żewg fondi, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati u l-Fond Ewropew għar-Ritorn, li huma mmirati biex jassistu Stati Membri fil-ħidma tagħhom fl-oqsma tal-immigrazzjoni u l-ażil. Dawn iż-żewg fondi jippermettu l-iffinanzjar ta’ attivitajiet marbuta ma’ assistenza lil refuġjati, fosthom fil-qasam tal-edukazzjoni u fil-provvista ta’ materjal u għajnuna medika. Ikopru wkoll spejjeż relatati ma’ attivitajiet ta’ ritorn ta’ immigranti illegali lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u anke attivitajiet marbuta ma’ allokazzjoni mill-ġdid ta’ rifuġjati f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Fl-2009 l-Unjoni Ewropea kkommettiet ruħha li tipprovdi €2,685,852.58 sabiex jiġu ko-finanzjati proġetti marbutin mal-attivitajiet imsemmija. S’issa diġà sar pagament bil-quddiem ta’ parti mill-ammont indikat u l-bilanċ finali jingħata f’għeluq il-proġetti meta jigi kkalkulat l-infiq eżatt li jkun sar. Proġetti li bbenefikaw f’din l-iskema s’issa jkopru, fost oħrajn, xogħlijiet fiċ-ċentri ta’ Detenzjoni u fiċ-ċentri miftuħin, attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati, u attivitajiet ta’ ritorn volontarju jew sfurzat ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi lejn il-pajjiż tal-oriġini jew ta’ transitu tagħhom. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-Proġetti magħżula sabiex jiġu kko-finanzjati mill-fondi mgħoddija tul l-2009

karozzi li jintużaw mill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kwalita' ta' karozzi (marka) għandha l-Pulizija u jekk dawn il-karozzi humiex kollha mixtrija mingħand aġent wieħed?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija jagħmel użu minn vetturi ta' diversi ditti. Qed inqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li dawk li jinxtraw mhux dejjem ikunu mingħand aġent wieħed.

Liċenzja ta' gwardjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13706 u 12573 u jgħid fil-preżent, kemm hemm persuni li għandhom liċenzja bħala gwardjani lokali? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 317 raġel u 115 mara li huma reġistrati mal-Pulizija bħala Gwardjani Lokali.
Leg 11 PQ #17074 Sitting 220 2010-05-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċentru ta' Delinkwenza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5825, jista' l-Ministru jaġġornani b'din l-informazzjoni sal-lum u ċioe kemm huwa n-numru ta' żgħażagħ/persuni li qed jattendu ċ-Ċentru ta' Delinkwenza fl-Imtaħleb limiti tar-Rabat fil-preżent? X'etajiet għandhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sal-10 ta' Mejju 2010, in-numru ta' persuni li qed jattendu ċ-Ċentru ta' Delinkwenza (SATU) fl-Imtaħleb kien ta' 16. Infurmat ukoll li l-etajiet tagħhom ivarja bejn id-19 u l-59 sena.