Kaptana minn pajjiżi terzi – imbarkar biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiċi għandhom il-kaptana minn pajjiżi terzi li jiġu imbarkati biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd, sabiex ikunu jistgħu jbaħħru f’ibħra internazzjonali? Kemm ingħataw permessi mill-bidu ta’ din is-sena, xahar b’xahar? Mil-liema pajjiżi ġejjin dawn il-persuni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2713 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Siġġiewi – niżla ta’ Sa Meżun f''Lapsi – manutenzjoni fuq il-parati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti struzzjoni sabiex Transport Malta tagħmel il-manutenzjoni fuq il-parati li jinsabu fin-niżla ta’ Sa Meżun f'Lapsi, is-Siġġiewi b'numru minnhom neqsin bl-inkonvenjent li dan qed joħloq lis-sajjieda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta fl-aħħar xhur biddlet diversi parati fiż-żona msemmija u kontinwament tagħmel spezzjonijiet u manutenzjoni biex fejn hemm neqsin jew imkissra jitbiddlu immedjatament. Ser naraw li fejn hemm parati mkissrin jew neqsin jerġgħu jiġu mibdula.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1214 dwar xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consilii (fiż-żona tal-Qasam tad-Djar) fil-Fgura, peress li l-Ministru kien wiegħed lill-Parlament li x-xogħlijiet ser jitlestew f’Ġunju li għadda, jista’ jgħid jekk jafx li dan ix-xogħol għadu mhux lest? Jaf li f’Ġunju kien ingħata wiċċ proviżorju ta’ tarmak minħabba l-festa tal-lokal u ma sar xejn iktar minn Ġunju s’issa? Jista’ jgħid jekk hux ser jerġa’ jinqala’ t-tarmak sabiex isir iktar xogħol? Jikkonferma li wara li sar dan ix-xogħol qed jirriżultaw problemi taħt it-triq fosthom fis-sistema tal-culverts? Jaf li dan ix-xogħol waqaf fl-aħjar perjodu meta l-Iskola Primarja tal-Fgura kienet magħluqa u issa jekk ser terġa’ tinqala’ t-triq, ser tirriżulta f’inkonvenjent kbir għat-tfal tal-iskola u l-ġenituri? Jista’ jagħti data li tinżamm meta dan il-proġett ser jitlesta kompletament għaliex għal dawn ix-xhur kollha, ir-residenti nżammew f’għama totali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li fl-ewwel parti tat-triq indikata sar l-ewwel saff t’asfalt li ma kienx proviżorju, Infrastructure Malta ġiet infurmata minn entità oħra li rċeviet ilmenti relatati mas-sistema tad-drenaġġ, u għaldaqstant ix-xogħlijiet kellhom jieqfu sakemm isiru testijiet neċessarji biex jiġi lokalizzat u deċiż l-intervent meħtieġ biex jiġu indirizzati dawn l-ilmenti. Wara li jsir dan l-intervent ikun jista’ jingħata t-tieni saff t’asfalt u jitlesta x-xogħol f’din il-parti tat-triq.
Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar tagħrif li għandu dwar il-manutenzjoni li hemm bżonn fil-pjazza prinċipali ta’ Raħal Ġdid? Jista’ jagħti elenku tat-tiswijiet li saru s’issa? Kemm swew dawn it-tiswijiet s’issa? Jista’ jelenka x-xogħlijiet ta’ tiswija li għad hemm bżonn isiru u kemm hija l-ispiża totali li hemm bżonn sabiex isir ix-xogħol kollu? Jista’ jippreżenta r-rapporti li għandu dwar il-ħsarat li hemm fil-pjazza? Dan ix-xogħol kien kopert b’garanzija? Jekk iva, għaliex ma tranġax immedjatament bil-garanzija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2748 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet infrastrutturali li saru u għad irid isiru f’Santa Luċija, Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li tejbet l-aċċessi ewlenin għal din il-lokalità bil-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, bil-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija u anke bniet mill-ġdid il-mina għall-mixi u r-roti (subway) ta’ Triq tal-Barrani, Infrastructure Malta kkollaborat mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex tibni mill-ġdid diversi toroq f’din il-lokalità. Ix-xogħlijiet prinċipali tal-proġett kienu jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale - li jestendu kważi żewġ kilometri mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw.
F’dawn it-toroq, Infrastructure Malta għaddiet minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-cables tal-Internet u telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn kien meħtieġ, issaħħew ukoll il-pedamenti tat-toroq u nbnew bankini ġodda, qabel ma sarilhom wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Saret ukoll mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u se jsiru xogħlijiet ta’ tisbiħ ieħor fl-istess inħawi bit-tħawwil t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli wara li fl-2020, l-aġenzija kienet diġà ħawlet bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ din iż-żona.
Permezz tal-istess proġett, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid ukoll toroq oħrajn fil-viċin, fosthom Triq Klematis, Trejqet Garnaw, Triq Dun M. Mifsud, Triq l-Istefanotis, kif ukoll se jsiru Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan, Triq iċ-Ċikwejra u Triq il-Frezja li x-xogħlijiet fihom mistennija jibdew fiz-zmien li ġej. Fl-aħħar snin, l-aġenzija bniet mill-ġdid ukoll toroq oħrajn f’din il-lokalità, bħalma huma Triq Bruka, Triq il-Ġizimin, Triq Żnuber u Triq Gardenja.
B’referenza għad-dokument ‘Re: Request for a New zebra Crossing in Triq Ġorg Borg Olivier, Rabat’, Ref. No: 50/0350/21, jista' l-Ministru jgħid meta se ssir, meta din ilha sena li ġiet approvata?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija se tigi mwiegba seduta ohra.
Peress li Transport Malta approvat li l-parti d-dejqa fi Triq ir-Rebħa, fir-Rabat, ssir pedonali, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li din għadha ma saritx? Hemm xi ħadd li qiegħed iżomm milli dan isir għalkemm tinsab l-urġenza minħabba l-periklu kbir u l-ħsarat li sofrew r-residenti li jinsabu f'din il-parti tat-triq minħabba l-vetturi kbar li jgħaddu ta' spiss minnha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikazzjoni li ntalbet ghal-Triq ir-Rebha fir-Rabat kienet ghal U Bar (Barrier). L-Awtorita’ irrifjutat din l-applikazzjoni izda irrakomandat illi t-triq issir wahda pedonali. L-Awtorita’ qatt ma rceviet applikazzjoni biex it-triq issir pedonali.
Liċenzji tas-sewqan maħruġa liċ-ċittadini barranin li jgħixu Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hawn liċenzji tas-sewqan maħruġa lil ċittadini barranin li jgħixu Malta? Kemm hawn residenti barranin li għandhom karozza?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx infurmat dwar dak li ġara fuq ir-rotta tal-karozza tal-linja bin-numru 238 li titlaq mill-Imġarr fl-10.55 a.m. peress li nhar it-Tlieta, 4 ta' Ottubru, il-karozza tal-linja minflok telqet mill-Imġarr, fuq ordni tad-dispatcher telqet mill-Mosta, bil-konsegwenza li l-persuni li kienu qed jistennew l-Imġarr baqgħu l-art, inkluż l-istudenti li kellhom jaslu l-MCAST tal-Mosta, bil-konsegwenza li waslu tard u tilfu l-lectures tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpallent li Transport Malta se tkun qed tinvestiga dan ir-rapport sabiex tistabilixxi x'ġara.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux se jiġu installati traffic lights mid-daħla u l-ħruġ sejrin u ġejjin mill-Bajja tal-Mistra?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tevalwa flimkien ma' Infrastructure Malta l-possibbilità ta’ ħruġ iktar sigur mil-Mistra permezz ta’ Traffic lights.
Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project — fdalijiet arkeoloġiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew/ser ikunu affettwati l-fdalijiet arkeoloġiċi li jinsabu fl-akkwati tal-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ppjanat ix-xogħlijiet ta’ Kirkop Tunnels & Airport Intersection Project(KTAIP) f’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali, biex tiżgura li ma jkollhomx impatti mhux mixtieqa fuq il-fdalijiet arkeoloġiċi li hemm fl-inħawi. Arkeologi mqabbdin mill-aġenzija u approvati mis-Sovrintendenza qed isegwu u jissorveljaw ix-xogħlijiet kollha ta’ skavar tal-proġett. Il-fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu fl-akkwati tal-proġett kollha ġew irrekordjati mill-arkeologi u wara li sar studju, stħarriġ u rikordju fotografiku ta’ kull fdalijiet, ittieħdet deċiżjoni mis-Sovrintendenza. Il-kura li ttieħdet kienet tali, illi f’każijiet fejn dawn kienu ta’ importanza kbira wara istruzzjoni mis-Sovrintendenza reġa’ ġie modifikat id-disinn biex il-fdalijiet jiġu salvati. Is-sit storiku ta’ Ħal Resqun li hemm fl-istess inħawi wkoll se jibqa’ aċċessibbli għall-arkeologi bħalma kien qabel ma nbeda l-proġett.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta għalkollox il-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) ser joffri konnessjonijiet eħfef u aktar siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll inħawi oħrajn fil-viċinanzi.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Gudja u flyover li se tgħaddi minn fuqha, kif ukoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar. Se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Port Ħieles, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija.
Ir-roundabout tal-Gudja tinsab f’salib it-toroq ma’ diversi toroq arterjali, li jinkludu Vjal l-Avjazzjoni, minn u lejn Ħal Luqa, il-Marsa u Ħal Qormi; Triq Dawret il-Gudja, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq; Triq Ħal Far, minn u lejn Ħal Far, il-Freeport u Birżebbuġa; u Triq l-Ewwel Titjira li tgħaqqad ir-roundabout mal-mini ta’ Ħal Kirkop. Hemm ukoll Triq il-Karwija, li twassal għall-Ajruport.
Il-mina ġdida se toħloq konnessjoni diretta u aktar sigura bejn il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni u dawk ta’ Triq Ħal Far. B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin f’din ir-rotta, inkluż vetturi kbar, ġejjin minn jew sejrin lejn Birżebbuġa, il-Port Ħieles jew il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout.
Fuq il-mina, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ir-roundabout eżistenti u l-korsiji tal-bypass b’disinn imtejjeb biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja, Ħal Għaxaq u l-Ajruport. Fit-tielet livell imbagħad, fuq ir-roundabout se jkun hemm il-flyover li sservi ta’ pont bejn il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Vjal l-Avjazzjoni u Triq l-Ewwel Titjira, fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Għaldaqstant, jekk tkun trid tiġbed lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop biex tibqa’ sejjer Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq jew Ħal Safi mhux se jkollok bżonn aktar tgħaddi mar-roundabout.
KTAIP u Luqa Junction Project, li qed jinbena biswitu u jinkludi wkoll il-bini ta’ flyover oħra, huma l-ikbar żewġ proġetti li Infrastructure Malta qed taħdem fuqhom din is-sena fit-toroq arterjali. Kif kien ippjanat l-ewwel korsiji ta’ KTAIP, b’konnessjoni aħjar minn Ħal Far lejn ir-roundabout tal-Ajruport, infetħu fl-ewwel nofs tas-sena.
Ix-xogħlijiet f’dawn l-inħawi jeħtieġ li jsiru b’attenzjoni kbira għal fdalijiet arkeoloġiċi li jista’ jkun hemm mirdumin taħt l-art. Fil-fatt, kull xogħol ta’ tħaffir qed isir taħt is-superviżjoni ta’ arkeologi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Fejn jinstabu fdalijiet t’importanza storika, Infrastructure Malta qed taħdem mas-Sovrintendenza ħalli tippriservahom billi tadatta l-pjanti tal-proġett. Ix-xogħlijiet kollha ta’ KTAIP mistennija jkunu lesti fl-ewwel nofs tas-sena 2023. Madankollu, il-flyovers taż-żewġ proġetti ppjanati li jibdew jintużaw qabel l-aħħar ta’ din is-sena.
Il-flyover ta’ ħdejn l-ajruport se tkun twila 400 metru u ser toffri korsija diretta minn Ħal Luqa lejn il-Mini ta’ Ħal Kirkop. Miexi ġmielu wkoll il-bini tal-mina taħt ir-roundabout tal-Ajruport li partijiet minnha diġà ssaqqfu u din mistennija tinfetaħ qabel tmiem is-sena.
Flimkien, il-KTAIP u Luqa Junction Project se jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni tul din ir-rotta. Ser jeliminaw ukoll żewġ żoni magħrufin għall-aċċidenti, billi jneħħu l-ħtieġa li vetturi jaqsmu kontra xulxin fiż-żewġ roundabouts. Fl-istess waqt, permezz ta’ faċilitajiet aktar siguri, se jonqsu wkoll ir-riskji t’aċċidenti għal dawk li jkunu għaddejjin f’din iż-żona bil-mixi jew bir-rota.
Dawn iż-żewġ proġetti se jwasslu ukoll għal titjib sinjifikanti fil-kwalità tal-arja f’Ħal Luqa, il-Gudja u nħawi oħrajn fil-viċin. Fil-fatt, huwa stmat li se jnaqqsu sa 9 tunnellati emissjonijiet tal-materja partikulata kull sena. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju, li huma fost l-ikbar kontributuri tal-kri¿i fil-klima, se jonqsu bi 33,000 tunnellata kull sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi titwessa’ ftit Triq Ħal Far li miż-Żurrieq tagħti għal Birżebbuġa peress li f’partijiet minnha t-triq tant hi dejqa li ma jgħaddux żewġ karozzi maġenb xulxin u dan peress illi din it-triq hija triq alternattiva għal mini ta’ Ħal Kirkop?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanet biex jindika eżatt għal liema partijiet mit-triq qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ippjanat li jinkludi cycle lanes fit-toroq kollha arterjali u distributorji madwar Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, f’liema toroq ser jiġu inklużi dawn is-cycle lanes u x’tip ta' cycle lanes se jkunu inklużi f’dawn it-toroq? Dawn is-'cycle lanes' ser ikunu segragati mill-kumplament tat-traffiku, sia mit-traffiku tal-vetturi u dak pedonali? X’tip ta' standards Ewropej ser jiġu applikati biex jinbnew dawn is-'cycle lanes'?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li qed twettaq Infrastructure Malta madwar il-pajjiż, biex issir qabża kbira fil-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibilità tat-toroq tagħna, tinkludi wkoll titjib kbir fl-infrastruttura għal min juża mezzi alternattivi biex jivvjaġġa partikolarment dawk li jħobbu jimxu jew inkella jsuqu r-rota. Din l-infrastruttura tkun iddisinjata wara li jiġu kkunsidrati linji gwida internazzjonali.
Prova ta’ dan huma d-diversi proġetti li diġà saru kemm ilha mwaqqfa l-aġenzija, kif ukoll dawk li għaddej ix-xogħol fuqhom bħalissa jew inkella diġà tħabbru l-pjanijiet tagħhom biex jinbdew fiż-żmien li ġej. F’kull proġett li tfassal, Infrastructure Malta qed tagħmel l-almu kollu tagħha biex tagħmel il-ħajja aktar faċli għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota u biex tħajjar oħrajn jagħmlu bħalhom.
Dan qed tagħmlu billi qabelxejn ittejjeb l-infrastruttura diġà eżistenti u kull fejn huwa possibbli tintroduċi faċilitajiet oħrajn ġodda għall-mixi u r-roti f’ambjent li ma jkunx ta’ periklu. Din l-infrastruttura tvarja minn titjib f’passaġġi anke qalb il-kampanja u bini mill-ġdid ta’ bankini u oħrajn ġodda kemm fit-toroq residenzjali kif ukoll dawk arterjali, f’korsiji ġodda għar-roti u li fejn l-ispazju jippermetti jkunu mifrudin minn dawk għall-karozzi, u bini ta’ pontijiet pedonali aċċessibbli għal kulħadd inkluż ir-roti li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar u biex taqsam minn naħa għal oħra f’żoni traffikużi.
Il-proġetti li fihom saret infrastruttura għaċ-ċikliżmu kienu jinkludu Vjal ix-Xarolla (Żurrieq), Vjal l-Avjazzjoni (Ħal Luqa), Triq Aldo Moro (Marsa), Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok (bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun), Triq Buqana (bejn l-Imtarfa u l-Mosta), Triq Tal-Balal (bejn San Ġwann u n-Naxxar), Triq il-Kuċċard (Ħal Safi), Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas (bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa), Triq Ħal Luqa (Santa Luċija), Marsa Junction Project, il-proġett tal-mina ta’ Santa Luċija, Central Link Project, waqt li bħalissa qegħdin isiru Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) u Luqa Junction Project li wkoll se joħlqu rotot ġodda u siguri għaċ-ċiklisti li se jkomplu jikkumplimentaw oħrajn li saru riċentement.
Infrastructure Malta bniet ukoll erba’ pontijiet ġodda fi Blata l-Bajda (Triq San Ġorġ Preca), Ħal Luqa (Vjal L-Avjazzjoni), Raħal Ġdid (Triq Dom Mintoff) u l-Marsa (Triq It-Tiġrija), żewġ pontijiet oħra u mina taħt l-art bħala parti mill-Marsa Junction Project, kif ukoll subway ġdida taħt Triq Tal-Barrani, li toħloq rabta aktar sigura bejn Santa Luċija u Ħal Tarxien.
Permezz tal-proġetti li lestiet jew qed twettaq bħalissa, l-aġenzija se tkun qed iżżid 16-il kilometru ta’ korsiji għar-roti fit-toroq ewlenin ta’ Malta. Infrastructure Malta hija imepnjata li kull fejn l-ispazju jkun jippermetti, tkompli tintroduċi infrastruttura ġdida u aktar sigura għal dawk li jixtiequ jużaw mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi u aktar sostenibbli.
Jista’ l-Ministru jara li Triq Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk tiġi kkurata u miżmuma aħjar billi jidher li għandha bżonn sew? Jista’ jippreżenta rapport tekniku dwar dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Xrobb l-Għaġin hija twila madwar tliet kilometri u li minn Marsaxlokk twassal għal Delimara. Din qed tinbena mill-ġdid b’interventi minn entitajiet differenti. Infrastructure Malta diġà lestiet 60% ta’ din it-triq skont il-pjani tagħha, filwaqt li entità oħra hija responsabbli għall-intervent fil-kumplament ta’ din it-triq.
Jista’ l-Ministru jara li Triq Delimara, f’Marsaxlokk tiġi kkurata u miżmuma aħjar billi jidher li għandha bżonn sew? Jista’ jippreżenta rapport tekniku dwar dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet sistemi għall-ġbir tal-ilma tax-xita kif ukoll għaddiet jew sewwiet servizzi taħt l-art f’medda t’aktar minn żewġ kilometri ta’ din it-triq. Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet biex titlesta l-aħħar parti minnha li kien għad jonqos biex issir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-permessi tal-irmiġġi tat-temp reġgħux ġew integrati fl-oqsma kollha? Jekk le, liema tneħħew? Jista' jispjega għaliex tneħħa l-permess għall-irmiġġi tat-temp, jekk jeżistu każijiet bħal dawn? Jista’ jgħid għal kemm żmien u jekk xi darba hux se jerġgħu jiddaħħlu jekk il-każ hu li tneħħew?
Response (FARRUGIA, AARON)
Jista' l-Onor. Interpellant jispeċifika liema tip ta' rmiġġi qiegħed jirreferi għalihom?
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Telgħat ix-Xemxija għandhiex tingħalaq għax-xogħlijiet u kemm se jdumu x-xogħlijiet stmati? Jekk iridu jsiru xi xogħlijiet, Infrastructure Malta se tipprovdi rotta alternattiva?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Infrastructure Malta ma tistax tibda tibni mill-ġdid it-triq indikata qabel entitajiet oħrajn konċernati jwettqu xogħlijiet separati li jeħtieġu jagħmlu sabiex isaħħu s-sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi tagħhom taħt l-istess triq. Għalhekk, din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
San Pawl il-Baħar sal-Mellieħa — toroq alternattivi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta għandhiex pjanijiet għal rotta alternattiva minn San Pawl il-Baħar sal-Mellieħa, dan għaliex minbarra Telgħat ix-Xemxija, kemm il-Manikata u l-Imbordin mhumiex mibnija għall-influss tat-traffiku li jeżisti bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru responsabbli mit-tfassil u l-aġġornament tal-pjanijiet lokali.