Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – Pjan Lokali tal-Portijiet tat-Tramuntana ta’ Malta — sottomissjonijiet li saru mill-pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru lill-Awtorità tal-Ippjanar mill-pubbliku bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika preliminari li saret mill-istess Awtorità bejn Lulju u Settembru tas-sena 2013 dwar il-Pjan Lokali tal-Portijiet tat-Tramuntana ta' Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-ammont kbir ta’ riżorsi meħtieġa, hu meqjus diffiċli ħafna, jekk mhux prattikament impossibbli, li tali informazzjoni tinġabar fi żmien raġjonevoli. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun iżjed speċifiku.

Il-Mellieħa – Triq il-Kbira u Triq in-Nasses — pjanti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti li tressqu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-bini tal-lukanda li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u appartamenti fid-daħla tal-Mellieħa bejn Triq il-Kbira u Triq in-Nasses? Fl-istess waqt jindika jekk kienx hemm xi forma ta' oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

L-applikazzjoni msemmija hi PA 5909/17, għadha fl-istadju ta’ Screening. L-Awtorita’ tal-Ippjanar qed tistenna risposta mingħand l-ERA fir-rigward ta’ studji sottomessi mill-perit fit-18 u 25 ta’ Mejju 2018 (Air Quality Study u Noise Impact Study Report). L-ERA ġiet konsultata fil-25 ta’ Mejju 2018 u ż-żmien ta’ konsultazzjoni jagħlaq fil-25 ta’ Ġunju 2018. Fl-istadju ta’ Screening ma kien hemm ebda oġġezzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, imma ta’ min jinnota li ż-żmien uffiċjali fejn persuna/i jew entitajiet jistaw jissottomettu l-kummenti tagħhom jiskatta wara li l-applikazzjoni tkun inqalbet għal ‘Full Process’.

In-Naxxar – Labour Avenue – traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jikkonsidra li jitpoġġew traffic lights fejn Labour Avenue tingħaqad mal-Pjazza tan-Naxxar peress li qiegħed ikun hemm konġestjoni tat-traffiku matul il-ġurnata kollha u dan minħabba li kull min ikun se jaqsam minn fuq iż-zebra crossing li hemm bejn il-każin tal-banda Peace u l-ATM tal-HSBC, jaqsam kif ġie ġie u l-ħin kollu jwaqqaf it-traffiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt dan is-suġġeriment lil Transport Malta sabiex tagħmel analiżi ta’ dan il- bżonn. Kif wieħed jista’ japprezza, qabel ma jitwaħħlu dawn l-istrutturi jinħtieġ li jsir studju dettaljat sabiex l-impatt li jħalli, kemm dak pożittiv u negattiv, ikun wieħed magħruf

Awtorità tal-Artijiet – entità sportiva — każ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-każ li l-entità sportiva li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandha quddiem l-Awtorità tal-Artijiet? Peress li dan il-każ ilu għal numru ta’ snin quddiem din l-Awtorità, jista’ jara li dan il-każ jitmexxa kemm jista’ jkun malajr?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet qegħdha tipproċessa l-każ sabiex l-imsemmija art tgħaddi lil Sports Malta.

Tidal Lane Bollards — ħofor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-ħofor tat-tidal lane bollards ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata mtlew bil-konkos?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jaf ben tajjeb, il-proġett tat- Tidal Lane kien wieħed temporanju sakemm Transport Malta timbarka fuq il-proġett tal-Marsa. It-taqsima tat-TMRSD minn qabel ma beda l-proġett għamlet studju kif tista tagħmel aktar flessibli l-idea ta’ Tidal Lane aktar effettiva anke waqt il-proġett. Hekk kif qabel it-tibdil fil-kareġġati kien limitat għall-ħinijiet partikulari, il-flesibbilita’ li ġiet introdotta riċentament ippermettit li dan it-tibdil isir aktar ta’ spiss u b’ħeffa akbar. Transport Malta dejjem tħares li ttejjeb l-istrutturi tagħha skont tibdil li jseħħ ma’ l-ħin. Wieħed tajjeb jinnota li l-effett tax-xogħlijiet ta’ proġett massiv kif inhu dak tal-Marsa qajla ħalla effett negattiv fuq l-andament tat-traffiku fl- inħawi. Dan ukoll grazzi għall-istudji u moniteraġġ kontinwu li jagħmlu l- ħaddiema ta’ Transport Malta. It-toqob li mtlew bil-konkos hu ukoll xogħol temporanju u kif żgur jifhem l-Onor. Interpellant kieku kienu permanenti kienu jimtlew bit-tarmac.

Tidal Lane Bollards — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet swiet flus is-sistema tat-tidal lane bollards ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll meta ntrebħet it-tender tas-sistema, min kienet il-kumpanija li għamlet dan ix-xogħol u meta tqiegħdet tali sistema fit-triq imsemmija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sejħa għall-offerti ġiet mogħtija bħala Quotation leading to a Direct Order wara sejħa pubblika għall-ammont ta’ €234,778.86 (VAT eskluża) fit-13 ta’ Novembru 2015 lil Q Free Traffiko. Is-sistema ġiet ikkumissjonata f’ Ġunju tal-2016.

Local Plans ta’ Malta u Għawdex – proċess ta’ reviżjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġu riveduti l-Local Plans ta’ Malta u Għawdex? Jista’ jgħid jekk dan il-proċess hux se jkun konkluż u allura l-local plans ikunu riveduti matul is-sena 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali​ — għajnuna finanzjarja lill-Knisja ​

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-Knisja, lill-għaqdiet u soċjetajiet tal-Knisja, lill-parroċċi, lill-istituzzjonijiet, fosthom edukattivi, li jitmexxew mill-Knisja, lid-djar tal-anzjani mmexxijin mill-Knisja, lill-ordnijiet reliġjużi u lil NGOs tal-Knisja, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet, korporazzjonijiet, awtoritajiet, dipartimenti, kumpaniji u aġenziji li jaqgħu taħtu minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jagħti d-dettalji relatati dwar kull forma t’għajnuna finanzjarja mogħtija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Il-Fgura – Triq il-Karmelitani – xogħlijiet fuq bankina

Question

Peress li waslu diversi lmenti li l-bankina fi Triq il-Karmelitani fil-Fgura tinsab fi stat perikoluż ferm u ilha hekk ix-xhur, jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet biex ikun indirizzat dan il-periklu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija responsabilità tal-kunsill lokali ta’ din il-lokalità. Madankollu, Transport Malta infurmat lill-kunsill lokali konċernat sabiex jieħu l-azzjoni meħtieġa mill-aktar fis. Matul ix-xahar li għadda fil-Parlament bdejna d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta. Permezz ta’ din l-aġenzija, ser inwettqu l-pjan ta’ dan il-Gvern sabiex fis-snin li ġejjin intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż. B’mod gradwali, din l-aġenzija ser tkun qed tikkollabora mal-kunsilli lokali ħalli jinbnew mill-ġdid ukoll it-toroq residenzjali u toroq oħra li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-istess kunsilli lokali. Sfortunatament, fil-passat, dawn il-kunsilli lokali tgħabbew bir-responsabilità tal-manutenzjoni tat-toroq mingħajr ma ġew mgħejjuna bir-riżorsi tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex iwettqu dawn id-dmirijiet b’mod sħiħ. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed jaħdem bla heda sabiex din l-aġenzija titwaqqaf mill-aktar fis. Permezz ta’ Infrastruttura Malta, pajjiżna ser ikollu ferm aktar riżorsi, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, prattiċi ġodda ta’ xogħlijiet fit-toroq u standards ġodda ta’ sostenibilità u sigurtà, sabiex gradwalment niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità għolja, hekk kif jixraq lil Malta u Għawdex.

Il-Mellieħa – Bypass – Service Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet valutata s-service road (kif indikata mill-Ministru stess f'risposta parlamentari 4634) li saret fil-bypass tal-Mellieħa u jekk kienx hemm ħlas dovut lid-Dipartiment tal-Artijiet u jekk kien hemm ħlas, jista’ jgħid kemm kien dan il-ħlas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-art imsemmija (li l-Onor. Interpellant jirreferi għaliha bħalha Service Road) li kienet u għadha proprjetà pubblika, ġiet mogħtija b’cens temporanju għal 150 sena fl-1933 u qatt ma ġiet mittiefsa.

Mġarr — Triq Fisher - tranġar tal-lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li tittranġa l-ħsara fil-lights taż-zebra crossing li hemm fi Triq Fisher fl-Imġarr (Malta) quddiem l-iskola primarja tal-gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif daħal ir-rapport permezz tal-istess Mistoqsija Parlamentari, t-taqsima li tieħu ħsieb dawn it-tiswijiet ħadet ħsieb mill-ewwel. Minbarra li ssewwiet il-ħsara, Transport Malta ser tieħu ħsieb ukoll tiffriska ż-żebgħa.