Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Pazjenti trasferiti għall-kura fi sptar f’Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena (2022), xahar b'xahar, kemm-il pazjent daħal fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-kura tiegħu kellha f'xi ħin titkompla fl-Isptar Mater Dei jew f'xi sptar ieħor pubbliku f'Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-ewwel disa xhur ta’ din is-sena medja ta’ 29 pazjent fix-xahar daħal fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-kura tiegħu kellha f'xi ħin titkompla fl-Isptar Mater Dei.

Għawdex – Rabat – proġett ta’ Ċentru tas-Saħħa ġdid

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proġett tal-Health Centre ġdid fir-Rabat, Għawdex? Meta hu ppjanat li jinfetaħ uffiċjalment għall-pubbliku?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li l-kuntrattur li kien qed jagħmel ix-xogħol ta’ ġewwa daċ-Ċentru msemmi minnu, waqa' ħafna lura fix-xogħol, il-kuntratt tiegħu ġie terminat u ġie mwaħħal il-penali. Issa ġie ingaġġat kuntrattur ġdid. Ix-xogħol kollu fuq din il-binja huwa ppjanat li jkun lest fis-sajf li ġej.

Sptar Mater Dei – apparat fis-sleep lab

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk l-apparat li hemm fl-isleep lab ġewwa l-Isptar Mater Dei hux qed jiffunzjona?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sleep lab jipprovdi servizzi ta’ Ambulatory Polygraphy, Ambulatory Oximetry, C/APAP u Bi-level therapy start-ups u follow-up therapy compliance . Bħalissa hemm xogħol għaddej biex jiġi ppublikat tender bi specifications sabiex jinxtara apparat addizzjonali.

Ministeru għas-Saħħa — Chairpersons ta' Bordijiet - Spiża fuq Safar, Mobiles u Fuel

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 349, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet kollha relatati mal-Ministeru għas-Saħħa u li jaqgħu taħtu mill-2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet kollha relatati mal-Ministeru għas-Saħħa.

Il-Fgura – Triq Romano Carapecchia — ġrieden

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-problema ta’ ġrieden kbar fi Triq Romano Carapecchia fil-Fgura hijiex qed tiġi indirizzata? Jekk le, jista’ jara li dan l-inkonvenjent għar-residenti jiġi indirizzat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ħamis, 20 t’Ottubru, sar trattament mill-ħaddiema tat-Taqsima tal-Pest Control fit-triq imsemmija minnha.

Proċedura ta' Athroscopy — lista ta' stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2463 u jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija għal persuna biex tagħmel proċedura ta’ athroscopy fl-irkoppa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar ħames snin saru 3277 proċeduri ta’ athroscopy fl-irkoppa, kif turi t-tabella hawn mehmuża. Pazjenti li qed jistennew għan-knee athroscopy aktar minn dak stipulat fil-Patient charter huma 370 u minn dawn it-370, 63 minnhom għandhom data għall-operazzjoni. Ta' min ifakkar ukoll illi matul l-2020 u l-2021 kien hemm perjodu fejn l-operazzjonijiet mhux ta' emerġenza kienu sospiżi minħabba l-Covid. Procedure (ICD 9CM Code) 2017 2018 2019 2020 2021 2022 (Jan-Jun) Knee arthroscopy (80.26) 779 742 675 444 421 216*

Sptar Mater Dei u Ċentri tas-Saħħa — xiri ta' uniformijiet għall-Allied Health Professionals

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2462, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega x'soluzzjoni immedjata se ssir wara li dawn ilhom snin jistennew li jingħataw uniformijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2462.

Għawdex — MRIs

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk hemmx pjan li jibda jsir l-MRI ġewwa Għawdex? Jekk iva, meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 907.

Siġġiewi – Sala tal-Iskola Primarja

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 162, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti konferma ta' meta s-sala fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi tista' terġa' tibda tintuża mit-tfal għall-attivitajiet extra-kurrikulari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Krematorju — Bini

Question

Ġaladarba l-liġi tal-kremazzjoni ilha li daħlet f'pajjiżna għal iżjed minn tliet snin, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal ix-xogħol preparatorju jew aħjar il-proċess li se jwassal biex jinbena l-ewwel krematorju f'pajjiżna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninsab infurmat illi l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tfassal verżjoni aġġornata tas-Cemetries Policy and Design Guidelines, wara konsultazzjoni li saret mill-istess awtorità.

Operazzjonijiet tal-Katarretti — Appuntamenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex appuntamenti għall-operazzjonijiet tal-katarretti li kellhom isiru fit-18 ta’ Awwissu 2022 fl-Isptar Mater Dei ġew ikkanċellati? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ operazzjonijiet li ġew ikkanċellati b’kollox u għaliex il-pazjenti ġew avżati dakinhar stess waqt li kienu qed jistennew?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn wara l-pandemija jitwettqu bħala medja, bejn 70 – 80 proċedura tal-katarretti kull ġimgħa. Riċentement 2 kuntratti relatati mal-medical devices li jintużaw waqt l-operazzjonijiet tal-katarretti kellhom diffikultajiet. Wieħed waqt l-istadju ta’ tendering u l-ieħor minħabba raġunijiet kliniċi. Fiż-żewġ każijiet qiegħed isir xogħol biex id-diffikultajiet jintelbu fi żmien qasir.

Operazzjonijiet tal-Katarretti — appuntamenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex appuntamenti għall-operazzjonijiet tal-katarretti li suppost kellhom isiru fit-13 ta’ Ottubru 2022 li ġej, fl-Isptar Mater Dei, ġew ikkanċellati? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ appuntamenti li ġew ikkanċellati, x’inhi r-raġuni u jekk ingħatatx ġurnata oħra għall-operazzjonijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2934 .

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – Tilqim tal-influwenza u tal-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar minn fejn jistgħu jieħdu t-tilqima tal-influwenza u t-tilqima kontra l-virus tal-COVID-19 ir-residenti tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar b’mod separat għar-residenti ta’ kull lokalità u għal kull vaċċin? Meta hu possibbli li wieħed jagħmel dan għal etajiet differenti? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li jiżdiedu l-postijiet minn fejn ir-residenti msemmija jistgħu jieħdu dawn it-tilqimiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Tilqima tal-Influenza Staġjonali u dik tal-COVID Booster ser jingħataw miċ-Ċentri tas-Saħħa u mill-Klinici tal-Komunità skont il-Programm li ġie mħejji apposta . Residenti tal-Mellieħa u Naxxxar jistgħu jmorru fil- lokalità tagħħom stess u residenti ta' San Pawl il-Baħar jistgħu jmorru l-klinika tal-Mosta skont l-iskeda mħabbra fuq il-medja soċjali.

Assessjar ta’ carers

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid hux qed isir assessjar tal-‘carers’ li jagħtu għajnuna lil persuni anzjani li jibqgħu jgħixu f’darhom u li ta’ dan jingħataw kumpens finanzjarju? Jekk isir, x’assessjar jinvolvi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

MRI – waiting list

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1164 u jgħid kemm hemm individwi fuq il-waiting list biex jagħmlu MRI?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Mater Dei isiru medja ta 738 MRI fil-ġimgħa. Bħalissa hemm 9163 persuna tistenna data biex taghmel MRI .F’kazijjiet urgenti l-appuntament jingħata anke fl-istess gimgħa.

Saħħa Mentali — Baġit

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2437, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefaq mill-baġit ta' €61,770,000?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-Budget totali ta’ 2022 kif imsemmi minnu, sa l-aħħar ta Settembru intefqu Euro 49,469,000.

Sptar Mater Dei — Operazzjonijiet għal Knee Replacement

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru operazzjonijiet għal knee replacement fl-Isptar Mater Dei fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fuq il-waiting list għal knee replacement sal-lum? Jista’ jgħid kemm huwa ż-żmien ta’ stennija sabiex dawn il-persuni jingħataw appuntament għal din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ knee replacements li saru fl-Isptar Mater Dei, huma fit-tabella hawn taħt mehmuza. Ta min ifakkar illi matul 2020 u 2021 kien hemm perjodu fejn l-operazzjonijiet mhux ta emerġenza kienu sospi¿i imħabba l-Covid. Procedure (ICD 9CM Code) 2017 - 685 2018 - 628 2019 - 598 2020 - 327 2021 - 348 Total Knee Replacement (81.54) Revision Knee Replacement (81.55) Source: Surgical Operations Register

Sptar Mater Dei – Hip Replacement

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru operazzjonijiet għal hip replacement fl-Isptar Mater Dei fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fuq il-waiting list għal hip replacement? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa ż-żmien ta’ stennija sabiex dawn il-persuni jingħataw appuntament għal din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar Mater Dei – Operazzjonijiet tal-Katarretti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kemm saru operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Mater Dei fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fuq il-waiting list? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa ż-żmien ta’ stennija sabiex dawk dawn il-persuni jingħataw appuntament għal din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – operazzjonijiet tal-Katarretti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fuq il-waiting list? Kemm idumu fuq il-lista ta’ stennija dawk il-persuni li għandhom bżonn din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fi snin li semmiet hi saru 795 operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Preżentament hemm 95 persuna fuq il-waiting list. L-istennija fuq il-waiting list hija ta' massimu ta' 6 xhur.