Legislature:
Category:
Reset
Active:

Istitut għall-Istudji Turistiċi — Kap ta' Amministrazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid min qed jokkupa l-kariga ta' Kap ta' Amministrazzjoni (jew jagħmel din il-funzjoni bħala kariga formali) fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Il-persuna li qed taqdi din il-funzjoni meta ser tingħata l-kundizzjonijiet tax-xogħol ekwivalenti għad-dmirijiet li qed twettaq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-persuna li qed taqdi il-funzjoni ta’ Kap ta’ l-Amministrazzjoni ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi huwa s-Sur Joseph Bonello. Huwa maħsub li fil-futur qrib l-ITS tingħata personalita’ ġuridika u meta dan iseħħ tkun tista’ tinħadem l-istruttura addattata.

Istitut għall-Istudji Turistiċi — korsijiet, eżamijiet u ċertifikazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' quality assurance fuq livell internazzjonali qed isir fuq il-korsijiet, l-eżamijiet u ċ-ċertifikazzjoni fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? X'tip ta' kwalifiki qed jieħdu bħallisa l-istudenti li jtemmu b'suċċess kors fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u x'għarfien għandhom dawn il-kwalifiki fl-Università u fid-dinja tax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi igawdi għarfien internazzjonali minn organizzazzjonijiet bħas-City and Guilds of London Institute, il-Wines and Spirits Education Trust (U.K.), ir-Royal Society of Health u l- A.E.H.T ( Association of European Hotel and Tourism Schools). Bħalissa għaddejjin taħdidiet mal-British Institute of Cleaning Science dwar validation ta’ korsijiet fil-Housekeeping. Barra minn hekk l-Istitut ta’ l-Istudji Turistici ffirma l-protokol mal- Malta Qualifications Council li bih il-korsijiet ta’ l-ITS ingħataw validazzjoni u għarfien, infatti kull Certifikat, Diploma jew Higher Diploma maħruġa mill-ITS illum għandhom it-timbru tal-MQC u l-Livell tal- Malta Qualifications Framework . L-ITS bħalissa toffri korsijiet MQF level 2 u 3 Certifikat, Level 4 Diploma u Level 5 – Higher Diploma. Dawk l-istudenti li jiksbu l-livell 5 –Higher Diploma jistgħu japplikaw biex ikomplu l-istudji tagħhom fl-Universita mit-tielet sena tal-kors B.A. Tourism.

Istitut għall-Istudju Turistiċi — espansjoni u żvilupp

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandu l-gvern għall-espansjoni u l-iżvilupp tal-bini u faċilitajiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi peress li dawk eżistenti m'humiex adegwati għad-domanda lokali u internazzjonali għall-korsijiet tal-Istitut? Jista' jiġi kkunsidrat li jiġi żviluppat campus ġdid għall-Istitut ħdejn il-kumpless Martin Luther King f'Pembroke?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed dejjem jistħarreġ kif jista' jtejjeb, jespandi u jiżviluppa l-bini, t-tagħmir u l-apparat tiegħu skont il-ħtiġijiet tal-korsijiet tal-Istitut. L-istitut jikkunsidra dawk il-pjanijiet kollha li jiġu mressqa skond il-permessi u r-riżorsi meħtiega għal dak l-iżvilupp.

Istitut għall-Istudji Turisitiċi — Koperazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'koperazzjoni teżisti bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li hemm relazzjonijiet tajbin u fil-qrib bejn l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi u l-Malta Tourism Authority. Minbarra laqgħat regolari l-ITS u l-MTA jaħdmu flimkien biex jippromwovu karrieri u opportunitajiet fis-settur turistiku u ta’ l-ospitalita’ fosthom ta’ min isemmi ic-Choice Programme. Sar ukoll xogħol bejn l-MTA u l-ITS fuq il-proġett HOTSME u anke fuq il-proġett Prisma dwar Integrated Relational Tourism.

Restawr fuq l-Istatwa ta' San Duminku

Question

Peress li ftit tas-snin ilu kien ġie mwiegħed li kellu jsir restawr fuq l-istatwa ta' San Duminku li hemm fid-daħla lejn il-Birgu, tista' l-Ministru tgħid jekk dan ix-xogħol tant bżonnjuż fuq din l-istatwa artistika jekk hux se jsir? Jekk fl-affermattiv, allura tista' tagħti indikazzjoni meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Birgu — Pjazza - tiswija fuq kanċell

Question

Peress li l-kanċell li jdawwar l-istatwa ta' Malta fil-pjazza tal-Birgu, sofra xi ħsarat, tista' l-Ministru tgħid meta se jsir ix-xogħol ta' tiswija fuq dan il-monument storiku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li x-xogħol ta’ restawr fuq propjeta’ pubblika kulturali fil-Birgu hija r-responsabbilta’tal-Cottonera Rehabilitation Project u taqa’ taħt il-kompetenza tad-Diviżjoni tax-Xogħolijiiet.

Materjal edukattiv ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-bdil ta’ kotba u produzzjoni ta’ materjal edukattiv ġdid fl-ewwel erba’ snin tal-primarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d-Direttorat għall-Kwalita’ u l-Istandards qed jaħdem fuq politika aġġornata dwar il-ħiliet bażiċi, liema politika trid issir konsultazzjoni fuqha. Hu wara dan l-istadju li l-istess direttorat jieħu deċiżjoni dwar kotba u materjal edukattiv ġdid.

Skejjel sekondarji tal-istat — Sistema ta' setting

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se tiddaħħal is-sistema tas-setting fl-iskejjel sekondarji tal-istat? F’liema suġġetti u kemm hu stmat li se jkun hemm bżonn għalliema f’kull suġġett u f’kull skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-introduzzjoni tas-sistema tas-setting fl-iskejjel sekondarji ta’ l-Istat fuq livell nazzjonali hi waħda mill-proposti li qed tiġi diskussa fir-riforma tat-transizzjoni mill-primarja għas-sekondarja. La darba tintemm il-konsultazzjoni u l-Gvern jieħu deċiżjoni, id-Direttorati jibdew jippjanaw l-introduzzjoni tas-setting u r-riżorsi li hemm bżonn biex dan jitwettaq.

Infiq fuq bidliet proposti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif se jintnefqu l-€4.4 miljun matul is-sena skolastika kurrenti fuq il-bidliet proposti fl-edukazzjoni primarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-€4.4 miljun, ser jintefqu f’riżorsi umani neċessarji biex isiru l-bidliet propost fl-edukazzjoni fosthom is-settur primarju.

Skejjel primarji — materjal edukattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena skolastika kurrenti x’nefqa hi maħsuba li ssir fuq produzzjoni ta’ materjal edukattiv ġdid fl-iskejjel primarji biex it-tfal ikollhom esperjenza stimulanti u interessanti fil-klassi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li matul din is-sena skolastika għaddej il-proċess tar-reviżjoni tal-kurrikulu.Meta dan jitlesta huwa maħsub li ssir reviżjoni tas-sillabi kollha. Dan il-proċess għandu mpatt dirett kemm fuq il-produzzjoni kif ukoll fuq ix-xiri ta’ riżorsi edukattivi għall-iskejjel Primarji u Sekondarji.

Sponsorship għall-attivitajiet kulturali

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3756 u tgħid kemm sponsorja attivitajiet kulturali l-Ministeru tal-Edukazzjoni matul din is-sena? X'kienu dawn l-attivitajiet, waħda waħda? Liema kienu l-entitajiet konċernati li lilhom ingħata sponsorship? Kemm kien jiswa l-isponsorship għal kull attività f'termini ta' flus jew forom oħra ta' sponsorship?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diviżjoni tas-saħħa — sezzjoni sanita - Spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3753 u tgħid kemm-il spezzjoni saret fl-iskejjel tal-Istat matul dawn l-aħħar ħames snin mid-Diviżjoni tas-Saħħa, sezzjoni sanita sena b'sena, u skola skola? Kemm-il rapport sar minn dawn l-ispetturi tas-sanità, u x'kienu l-affarijiet li għalihom inġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet li għanhom jiġu indirizzati? X'passi ttieħdu biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Imġarr- siti arkeoloġiċi

Question

B'referenza għt-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 5596, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kif jista' bniedem li jixtieq iżur dawn it-tempji, fil-fatt jagħmel hekk? Filwaqt li napprezza d-diffikulta biex persuna tmur f'postijiet bħal dawn, minħabba l-importanza sħiħa tagħhom, kif jista' tiżdied il-possibiltà ta' żjarat f'dawn il-tempji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li kull min jixtieq iżur it-tempji ta’ Skorba u Ta’ Ħaġrat jista’ jagħmel dan kull nhar ta’ Tlieta (Ta’ Ħaġrat mid-9.30 sal-11am u Skorba mill-11.30am sas-1pm). L-uffiċjal li jkun preżenti fis-sit joffri vista ggwidata lill-viżitaturi kollha. Jekk wieħed ikun jixtieq iżur xi ġurnata oħra, jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq numru 21 23 95 45. Infurmata li wara Carrying Capacity Assessment tas-siti li sar fl-2007, ġie stabbilit li, bl-infrastruttura li teżisti fil-preżent fuq is-sit, jistgħu jidħlu sa 90 ruħ fil-ġimgħa f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ siti, sakemm ma jidħlux aktar minn 15 il-ruħ f’salt, u ma’ jidħlux aktar minn 45 f’ġurnata waħda, għall-massimu ta’ 4680 fis-sena. Wieħed għandu josserva li dawn il-limiti rarament jiġri li qegħdin jintlaħqu, għalhekk l-arranġamenti preżenti jidhru adegwati ħafna. Minn meta is-sit beda jinfetaħ regolarment għall-pubbliku f’Mejju tal-2005, in-numru ta’ viżitaturi żdied hekk: Ta’ Ħaġrat Skorba 2004 89 89 2005 216 161 2006 603 507 2007 522 429 2008 423 330

MCAST — taħriġ f'Agrikoltura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk bl-għeluq tal-agricultural extension services mill-Ministeru tal-Iżvilupp Rurali, hemmx il-ħsieb li l-MCAST toffri opportunitajiet ta’ taħriġ vokazzjonali f’setturi tat-trobbija tal-bhejjem, bħal taħriġ fuq użu tal-parlour tal-ħalib, trobbija tal-majjali , trobbija tal-fniek, trobbija tat-tiġieġ kemm tal-bajd u kemm tas-simna, trobbija tad-dundjani kif ukoll taħriġ fuq prattiċi tal-ortikoltura fuq sterilizzazzjoni tal-ħamrija, kontroll bijoloġiku u produzzjoni ta’ ħxejjex u frott b’mod organiku ? Għaliex wara ħames snin l-Agribusiness Institute m'għandhomx is-sezzjoni tat-trobbija tal-bhejjem? Tista' tgħid kif u meta dan l-istitut se jkollu s-sezzjonijiet fejn l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l-prattika u jekk hux qed ikun ikkunsidrat li jkun hemm kordinazzjoni mad-dipartiment tal-biedja biex ikun hemm użu ta’ dawn is-sezzjonijiet tal-Għammieri għal għanijiet ta’ taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ fl-MCAST joffri taħriġ vokazzjonali f’kull settur imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Dawn ma jiġux offruti individwalment iżda huma koperti f’diversi korsijiet ta’ l-MCAST u L-BTEC. Kordinazzjoni u koperazzjoni mad-Dipartiment tal-Biedja diġa teżisti, infatti xi wħud mill-prattiċi u site visits isiru l-Għammieri. Madankollu, nħasset il-ħtieġa li l-Istitut ikollu sezzjonijiet għat-trobbija tal-bhejjem fuq skala żgħira, biex l-istudenti tiegħu ikollhom esperjenza diretta.Bħalissa, l-Istitut qed jaħdem biex itella’ sezzjoni għat-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd u tas-simna-free range,kif ukoll ikollu sezzjoni tat-trobbija tal-fniek. Minkejja li għalissa l-Istitut m’għandux is-sezzjonijiet tat-trobbija, l-istudenti jieħdu l-prattika neċessarja billi jmorru fuq site visits ma’ l-għalliema tagħhom, kif ukoll jagħmlu perjodu ta’ esperjenza fis-settur relatat ma’ l-istudji tagħhom. Dan qed isir kemm ma’ l-Għammieri kif ukoll mas-settur privat.

Policy fuq ġbir ta' skart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy tal-ġbir tal-iskart? Tista' tgħid hux kull skola se jkollha l-kuntrattur tagħha jew inkella hux se jkun hemm ġbir tal-iskart fuq bażi distrettwali, fid-dawl li l-prezz tal-ġbir tal-iskart se jogħla fiż-żmien li ġej?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fil-preżent kull skola qed tirċievi servizz ta’ ġbir ta’ skart fuq bażi ta’ lokalita’. Kull skola għandha l-mod kif l-iskart tagħha jittieħed mill-operatur imqabbad mill-Kunsill Lokali tal-lokalita’ partikolari, u ma tinħassx il-ħtieġa li tiġi mfassla policy biex l-iskola, il-Kulleġġ jew id-Direttorat jagħmel tajjeb hu biex l-iskart jitneħħa mill-iskejjel. Teżisti kultura f’ħafna mill-iskejjel, bħala riżultat ta’ edukazzjoni ħolistika kontinwa, li jagħmlu separazzjoni ta’ ċertu skart li jiġi ġġenerat fihom. Dan jirrigwarda s-separazzjoni tal-karti, tal- plastic u tal-metall. S’issa l-WasteServ qed tagħti servizz ta’ ġbir ta’ dan l-iskart b’xejn. Qed isiru pjani biex din il-kultura ta’ ħafna mill-iskejjel tibda ssir fuq bażi nazzjonali mill-iskejjel kollha. Għadha mhix tinħass il-ħtieġa ta’ policy tax-xorta li qed isir referenza għaliha.

MCAST — istitut tal-biedja - isterilizzazzjoni tal-ħamrija bl-isteam

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm kordinazzjoni ta’ twettiq ta’ proġetti bejn l-istituti tal- MCAST sabiex jipproduċu proġett li hu tant bżonnjuż fil-qasam tal-ortikoltura fl-isterilizzazzjoni tal-ħamrija bl-isteam permezz ta’ solar water heaters? Jekk għad m’hemmx, huwa l-lok li jkun hemm din il-kordinazzjoni bejn l-istitut tal-biedja ma’ dak tal-inġinerija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-aktar sistema ta’ sterilizazzjoni tal-ħamrija li l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ qiegħed jgħallem lill-istudenti hija dik imsejħa “solarizazzjoni” li ma tirrikjedi l-ebda teknoloġija kumplikata.Il-metodu ta’ l-isterilizazzjoni permezz tal-fwar mhix kuntemplata bħalissa iżda qed tiġi studjata għall-ġejjieni.

Esaġerazzjonijiet fis-sillabu — Ħames u sitt sena fl-iskejjel primarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sentejn li ġejjin xi pjanijiet hemm biex jitnaqqsu l-esaġerazzjonijiet mis-sillabu tas-suġġetti fil-ħames u s-sitt sena tal-iskejjel primarji u jekk se jsir dan it-tnaqqis kif se jkun rifless f’kotba ġodda u materjal edukattiv ġdid u fit-tfassil tal-eżamijiet tal-Junior Lyceum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li bħalissa għaddej il-proċess tal-konsultazzjoni tar-riforma fl-edukazzjoni li tinvolvi l-eżamijiet tal-Junior Lyceum għal dawn is-sentejn li ġejjin. Meta dan il-proċess jingħalaq f’nofs Frar jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn l-eżamijiet.

San Pawl il-Baħar — Sports Complex - development brief

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk tlestiex jew le d-development brief dwar l-iSport Complex fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Jekk inbeda x-xogħol fuq dan il-brief, meta hu mistenni li jitlesta u min qed jagħmlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li sal-lum id-Development Brief dwar l-iSports Complex għadu ma tlestix.