Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati ta’ Malta – ħlas ta’ ikel u akkomodazzjoni tal-ġurati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li tħallset mill-Qrati ta’ Malta f’ikel u akkomodazzjoni ta’ ġurati fis-snin 2015, 2016 u 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ispiża li tħallset mill-Qrati ta’ Malta f’ikel u akkomodazzjoni ta’ ġurati fis-snin 2015, 2016 u 2017 kienet kif muri hawn taħt. Akkomodazzjoni Sena Total 2015 € 40,718.10 2016 € 49,956.82 2017 € 74,121.27 Ikel Sena Total 2015 € 17,279.81 2016 € 15,431.53 2017 € 19,369.42

Pjazza ta’ Raħal Ġdid — xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2655 u 2656 dwar ix-xogħlijiet li qed isiru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni mitluba ġietx miġbura u jekk iva tistax tingħata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew – rakkomandazzjoni tar-rapport — reazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni tiegħu għar-rakkomandazzjoni tar-rapport tal-Parlament Ewropew fejn qal "Reform the Attorney General functions, to decouple the role of advisory to the government from the role of prosecution”?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Kunsill Lokali tal-Belt Valletta – audited accounts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali tal-Belt Valleta ppreżenta l-audited accounts tiegħu għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jista’ jgħid meta kien id-deadline impost mid-Dipartiment għall-Kunsilli sabiex jiġu ppreżentati dawn l-accounts għall kull sena riferita?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. li l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella. Sena Dati li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali rċieva l- audited accounts Dati - Deadline impost mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali Dati li l-National Audit Office rċieva d-dokumenti 2013 12 ta’ Mejju 2014 21 ta’ Frar 2014 6 ta’ Mejju 2014 2014 12 ta’ Ottubru 2016 20 ta’ Frar 2015 6 ta’ Ottubru 2016 2015 8 ta’ Jannar 2018 19 ta’ Frar 2016 4 ta’ Jannar 2018 2016 għadhom ma ġewx ippre¿entati 17 ta’ Frar 2017 għadhom ma ġewx ippre¿entati

Riforma fis-sistema tal-Gwardjani Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi fir-riforma tas-sistema tal-gwardjani lokali u x’bidliet mistennija ġġib magħha? Jista’ jgħid kif se jkunu affettwati ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin bir-riforma?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsilli Lokali — riforma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jaħdem dwar ir-riforma tal-kunsilli lokali u għaliex inħasset il-ħtieġa għaliha? X’jista’ jistenna ċ-ċittadin komuni minn tali bidliet li jaffettwawlu pożittivament l-għixien tiegħu? Jista’ jgħid ukoll kif se jissaħħu r-reġjuni b’din ir-riforma fil-lokalitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kampanja edukattiva dwar indafa fil-lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-kampanja edukattiva li se ssir biex jiżdied l-għarfien dwar l-indafa fil-lokalitajiet? Jista’ jispjega xi proġetti hemm ippjanati fil-qasam tal-Gvern Lokali biex tiżdied l-indafa fil-lokalitajiet? F’dan ir-rigward ukoll, jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar dak li tħabbar fil-baġit biex ikompli jiżdied l-inforzar kontra min iħammeġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsilli lokali – miżura għat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif il-miżura mħabbra mill-Gvern Ċentrali li jagħmel it-toroq kollha tal-pajjiż se tolqot lill-kunsilli lokali? Qed jiġi assigurat li l-fondi għat-toroq lill-Kunsilli Lokali jibqgħu jingħataw xorta waħda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

San Ġiljan/Tas-Sliema – xogħlijiet fuq post

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sentenza li skont stqarrija maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar nhar it-Tnejn 4 ta' Diċembru 2017, permezz tagħha l-Qorti f'Ġunju 2017 ordnat li jsiru xogħlijiet fil-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament f'San Ġiljan u/jew Tas-Sliema?

Response (BONNICI, OWEN)

Minn informazzjoni miksuba mill-Awtorità tal-Ippjanar, is-sentenza tal-Qorti li qed issir referenza għaliha hija l-kawża Numru 986/2012 AF Christianne Attard nee Debattista vs Emanuel Spiteri u martu Angela Spiteri. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sentenza.

Ċentru tal-Arbitraġġi – arbitraġġi deċiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi arbitraġġi fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li 285 każ ġew deċiżi matul is-sena 2017, jiġifieri każijiet fejn ingħatat deċiżjoni, li minnhom 268 kienu każijiet mandatorji; 12-il każ ta’ arbitraġġ volontarju u 5 każijiet internazzjonali.

Ċentru tal-Arbitraġġi – arbitraġġi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm arbitraġġi pendenti fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li preżentament hemm 785 każ pendenti minn 5,270 każ li ġew irregistrati maċ-Ċentru tal-Arbitraġġ sa minn meta beda jopera dan iċ-Ċentru. Dawn jammontaw għal 15% tal-każijiet ipprezentati, li minnhom 608 huma każijiet mandatorji; 159 każ ta’arbitraġġ volontarju u 18-il każ internazzjonali.

Ċentru tal-Arbitraġġi – arbitraġġi reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati arbitraġġi fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ tul is-sena 2017 u jista’ jindika kemm kienu volontarji, kemm mandatorji u kemm internazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li 314 każ ġew ipprenżentati fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ matul is-sena 2017, li minnhom 277 kienu każijiet mandatorji; 28 każ ta’ arbitraġġ volontarju u 9 każijiet internazzjonali.

Reġistru tal-Qorti tal-Familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar fir-Reġistru tal-Qorti tal-Familja u kif se jkun qed igawdi ċ-ċittadin b’dan kollu?

Response (BONNICI, OWEN)

Wara li saru diversi xogħlijiet ġewwa l-Qorti sabiex ikun hemm aktar post minn fejn jinstemgħu l-kawzi bl-għan prinċipali kien li naqsu l-kawżi pendenti, inħass il-bżonn li jitkabbar ir-Reġistru tal-Qorti tal-Familja sabiex ikun jista’ jakkomoda l-bżonnijiet tal-lum. Dan ix-xogħol sar b’investiment li gej mill-allokazzjoni budgetarja nazzjonali. Permezz ta’ dan ix-xogħol li sar fir-Reġistru tal-Qorti tal-Familja ser ikun aktar faċli li jingħata liċ-ċittadin servizz aħjar u dan peress li r-Reġistru ġie trasferit għal post akbar. Ir-Reġistru ta’ qabel kien żgħir wisq tant li ma kienx hemm post fejn wieħed ikun jista’ jitkellem mal-istaff jew mal-avukat tiegħu. Ir-Reġistru l-ġdid jinsab f’post akbar u saħansitra hemm anke mejda u siġġijiet fl-ispazju ta’ quddiem fejn avukat jista’ jkellem lill-klijent tiegħu b’mod privat. Apparti dan kollhu l-post il-ġdid joffri atmosfera aktar mdawla u spazjuża għaċ-ċittadin kif ukoll għall-istaff tar-Reġistru. Il post jaħseb ukoll għal żieda fli staff jekk jekk ikun hemm il-bżonn.

Għaqdiet volontarji – verifikazzjoni tal-impjegati/voluntiera mar-Reġistru tal-Ħarsien tal-Minorenni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura biex l-għaqdiet volontarji, li huma reġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, jivverifikaw l-impjegati/voluntieri mar-Reġistru tal-Ħarsien tal-Minorenni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni tal-Minuri (Kap. 518) jipprovdi dwar il-proċedura li għandha tintuża minn istituzzjonijiet, stabbilimenti jew organizzazzjonijiet li jipprovdu jew li jorganizzaw xi servizzi jew attivitajiet li jinvolvu l-edukazzjoni, il-kura, il-kustodja, il-ħarsien jew it-trobbija tal-minuri, sabiex, qabel ma jimpjegaw jew jafdaw persuna (bi ħlas jew mingħajr ħlas), għandhom jitolbu mill-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Volontarja) għall-informazzjoni li tista’ tkun reġistrata fir-Reġistru dwar dik il-persuna. Għaqdiet Volontarji li jagħmlu jew ser jorganizzaw xogħol bħal dak hawn fuq indikat għandhom jippreżentaw rikors fir-Reġistru tal-qorti imsemmija (li jinsab fil-bini tal-Qorti tal-Familja fi Triq id-Dejqa, Valletta) fejn jinfurmaw lill-qorti li huma ser jimpjegaw jew jafdaw persuna bl-edukazzjoni, bil-kura, bil-kustodja, bil-ħarsien jew bit-trobbija ta’ minuri, jagħtu d-dettalji tal-persuna konċernata (Isem u Kunjom, Numru tal-Karta ta’ Identita u post ta’ residenza) u jitolbuha jekk dik il-persuna hijiex reġistrata fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri. Tajjeb li jingħad li dan ir-rikors mhux bil-fors irid ikun iffirmat minn avukat imma biżżejjed li jkun iffirmat minn persuni li jkollhom ir-rappreżentanza legali tal-għaqda volontarja. Permezz tal-Avviż Legali Nru. 327 tal-2017 Għaqdiet Volontarji reġistrati fir-Reġistru ta’ Organizzazzjonijiet Volontarji taħt l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji jkunu eżenti mill-ħlas tad-drittijiet konnessi mal-preżentata ta’ dan ir-rikors. Għalhekk dawn l-Għaqdiet għandhom jindikaw fl-istess rikors li huma reġistrati bħala Organizzazzjoni Volontarja u n-numru ta’ dik ir-registrazzjoni. Ta’ min jgħid ukoll li qabel ma ġiet introdotta din il-proċedura l-għaqdiet tal-volontarjat kienu jħallsu Eur 15 għal kull talba u Eur 3.75 għal notifika li jagħmlu biex jivverifikaw jekk impjegat jew voluntier huwiex fir-Reġistru tal-Ħarsien tal-Minorenni. Issa dan il-ħlas mhux isir iktar u allura qed jiġu frankati l-ispejjeż lill-għaqdiet.

Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew

Question

B’referenza għall-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali li ddaħħlet reċentement mill-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-miżuri msemmija fid-Direttiva kenux diġà parti mil-liġi Maltija? Id-Direttiva x’żiedet iżjed u ġdid li hu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadin Malti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-miżuri msemmija fid-Direttiva kkonsolidaw diversi strumenti leġiżlattivi f’qafas ħolistiku wieħed. Ċertu miżuri (bħal l-assistenza legali reċiproka) kienu diġa` parti mill-liġi Maltija u oħrajn ġew miżjuda, bħal per eżempju l-formola illi għandha tintbagħat bħala rikjesta għall-assistenza f’materji kriminali illi tgħin sabiex l-informazzjoni u t-talbiet ikunu uniformi minn kull Stat Membru. Id-Direttiva tagħti anke termini ta’ żmien għall-eżekuzzjoni ta’ l-istess talbiet għal assistenza u għaldaqstant iċ-ċittadin Malti illi jkollu bżonn assistenza investigattiva jew ġudizzjarja issa jista’ jirċievi risposti aktar tempestivament. Dan kollu jkompli jnaqqas id-dewmien fil-proċeduri kriminali. L-implementazzjoni tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew itejjeb l-effiċjenza u l-effetivita’ tal-kooperazjoni ġudizjarja bejn l-iStati Membri tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk nkunu wkoll qed nkomplu nnaqqsu l-kriminalita’ organizzata. L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew tissemplifika ix-xogħol ta’ l-awtoritajiet ġudizjarji meta evidenza tkun intalbet mingħand Stat Membru ieħor. Din l-Ordni b’hekk tissemplifika l-għajnuna legali reċiproka.

Ittri rogatorji ppreżentati lill-Qrati jew awtoritajiet barranin mill-Qrati jew awtoritajiet ta’ pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja ġiet ippreżentata lill-Qrati jew awtoritajiet barranin mill-Qrati jew awtoritajiet ta' pajjiżna, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid liema huma l-pajjiżi li lill-Qrati jew awtoritajiet tagħhom, ġew ippreżentati l-imsemmija ittra rogatorja? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew esegwiti, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Membru huwa mgħarraf li peress li jinħtieġ ċertu żmien biex tiġi kompilata l-informazzjoni mitluba f’din id-domanda u li għalhekk it-tweġiba se tingħata aktar tard. Dan sakemm l-Onor. Membru ma jkunx dispost li jiffoka d-domanda tiegħu fuq perjodu iqsar jew fuq pajjiż partikolari.

Ittri rogatorji lill-Avukat Ġenerali mingħand awtoritajiet ġudizzjarji barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il ittra rogatorja rċieva l-Avukat Ġenerali mingħand awtoritajiet ġudizzjarji barranin mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid lil liema Qorti ta' pajjiżna ġew trasmessi l-imsemmija ittra rogatorja? Jista' jgħid minn liema pajjiżi ġew mibgħuta l-imsemmija ittri rogatorji? Jista' jgħid kemm minn dawn l-ittri rogatorji ġew imwieġba u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 2763.

Qrati jew awtoritajiet barranin li talbu lill-Avukat Ġenerali biex il-persunal tagħhom ikun preżenti għall-esekuzzjoni ta' ittra rogatorja — każijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm każijiet li fihom Qrati jew awtoritajiet barranin talbu lill-Avukat Ġenerali biex il-persunal tagħhom ikun preżenti għall-esekuzzjoni ta' ittra rogatorja? Jista' jgħid minn liema pajjiżi saru dawn it-talbiet? Jista' jgħid kemm-il waħda minn dawn it-talbiet ġew awtorizzati mill-Avukat Ġenerali u kemm ġew rifjutati?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għat-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 2763.