Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Advisory Cost Limit għal ġbir ta’ informazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15428, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-advisory cost biex tinġabar l-informazzjoni kif mitluba f'dik il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 17073.

Il-Gżira — Enforcement notices

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ enforcement notices pendenti li nħarġu u għadhom fis-seħħ ġewwa l-Gżira mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jagħti r-raġuni li dawn inħarġu u anke għaliex għadhom pendenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-notifiki ta’ Twettieq u Infurzar fil-Gżira li nħargu mill-2013 sal-lum, u li għadhom attivi, huma 6. Ma’ din it-tweġiba qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista tal-każijiet kif mitlub.

San Pawl il-Baħar – Applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar għal mollijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'applikazzjonijiet saru mal-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward ta' mollijiet fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul l-aħħar sitt snin? Fejn jinsabu dawn il-mollijiet, min issottometta dawn l-applikazzjonijiet u f'isem min saru l-istess applikazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tikategorizzax l-applikazzjonijiet f’mod li tkun tista’ tidentifika b’mod assolut liema kienu l-applikazzjonijiet għal mollijiet. Madanakollu meta wieħed ifittex il-kliem “moll” jew “pier” fid-deskrizzjoni tal-proposta sottomessa mill-perit tal-applikazzjonijiet sottomessi f’San Pawl il-Baħar mill-bidu tas-sena 2017 sal-14 ta’ Marzu 2024 jirriżultaw żewġ applikazzjonijiet kompluti. Dawn huma l-applikazzjoni li ġġib in-numru PA/03759/19 – “Proposed re-construction of pier” f’ “Site at, Għajn Rażul, San Pawl il-Bahar” sottomessa għan-nom ta’ Transport Malta; u l-applikazzjoni li ġġib in-numru PA/07502/20 – “Structural stabilization of existing pier by means of steel beams and concrete abbutments” f’ “Pier at, Triq San Ġeraldu, San Pawl il-Bahar” sottomessa minn Infrastructure Malta.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Għażla għal Director General

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal l-eżitu tal-għażla għal Director General (Major Projects) fil-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lil Minsiteru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Mobile jew Telephone Line Allowances

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-koordinatur tal-komunikazzjoni fil-Ministeru tiegħu għandux/għandhiex mobile jew telephone line mħallas minn fondi pubbliċi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellanta biex tirreferi għad-dokument anness mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 184.

Awtorità tal-Ippjanar — Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-interpretazzjoni li tat l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) fil-każ tal-file li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fejn il-multi pendenti ntrabtu mal-proprjetà u mhux mal-inkwilin preċedenti, hijiex interpretazzjoni legali u ġusta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Avviż biex Tieqaf u ta’ Twettiq bil-multa ta’ kuljum inħareg skont il-Ligi Sussidjarja 552.24. L-istess avviż ġie nnotifikat lis-sidien skont id-dispożizzjonijiet ta’ Taqsima IX ta’ Kap. 552. Minn qari tal-liġi u anke minn sentenzi riċenti, huwa kkonfermat li Avviż joħrog fuq sit u mhux fuq persuna, u għaldaqstant il-multi jibqgħu marbuta mas-sit.

Belt Valletta — Purċissjonijiet tad-Duluri u tal-Ġimgħa l-Kbira

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’prekawzjonijiet, permessi u azzjoni se tittieħed sabiex il-purċissjonijiet tad-Duluri u tal-Ġimgħa l-Kbira jkunu jistgħu jsiru fit-toroq tal-Belt Valletta mingħajr ma jkun hemm aċċess limitat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex — Direttur Ġenerali (Major Projects)

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13889, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttur/Direttriċi Ġenerali (Major Projects) il-ġdid/ġdida fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex hux ħa jkun ukoll responsabbli mill-proġetti kollha tat-toroq ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 13889.

In-Nadur Għawdex – Daħlet Qorrot – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6388, 7411 u 8728 dwar il-parti tat-triq ta' ħdejn il-Bajja ta' Daħlet Qorrot, in-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, peress li din baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna u peress li kien ġie mwieġeb li “Il-parti msemmija mill-Onor. Interpellant issir ukoll fiż-żmien opportun”, u “li idealment ma jkunx waqt il-perjodu li l-bajja tkun qed tintuża l-aktar mill-pubbliku”, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk ix-xogħol fuq din il-parti tat-triq huwiex se jibda u jitlesta qabel jibda s-sajf 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mhux mistenni jibda u jitlesta qabel is-Sajf 2024. Ta’ min infakkar li din it-triq kienet ilha snin sħaħ fi stat ħażin, u propju saret kwazi kollha mill-ġdid lejn l-aħħar tal-legislatura li għaddiet.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet – Membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ma għandu l-ebda membri appuntati f’bordijiet li jokkupaw il-karigi imsemmija.

Xiri ta’ makkinarju għall-bennejja — Skema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamenatri 17106, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, u jgħid jekk l-iskema li kellu joħroġ il-Gvern ta' €200,000 biex il-bennejja jixtru makkinarju li jħares l-ambjent b'għan aktar ekoloġiku, ġietx addottata? Jekk din ġiet implimentata, jista’ jgħid ukoll kemm bennejja bbenefikaw minn dan l-ammont jew aktar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Każ ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16763, jista’ l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija u ċjoè jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex parti mit-tim legali fil-każ fejn l-Unjoni Ewropea fetħet każ kontra Malta fl-2023 fejn Malta marret kontra l-Bird Directive? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-ħidma tiegħu? Jista’ jgħid ukoll kemm ser ikun qiegħed jitħallas dan l-avukat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Il-vapur Nikolaus – Sostituzzjoni temporanja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-vapur Nikolaus ma jiġix sostitut b'ieħor temporanju waqt li dan ikun id-dockyard sabiex jingħata l-manutenzjoni neċessarja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd ma ddaħħalx vapur bħala sostitut, meta wieħed mill-erba vapuri li tagħmel użu minnhom jidħol għall-manutenzjoni skedata li hija obligatorja li ssir fuq kull vapur. Huwa diffiċli ħafna li ssib bastiment addizzjonali li jkun jaqbel mal-portijiet tagħna u li jopera għal perjodu limitat.

Kunsilli lokali Għawdxin – Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skema għall-kunsilli lokali Għawdxin ħarġet matul is-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll: a. Kemm kien l-ammont allokat għal kull skema? b. Kemm applikaw kunsilli lokali għal kull skema? ċ. Liema kienu l-kunsilli lokali li ħadu għajnuna minn kull skema u liema kienu dawk il-kunsilli li applikaw u ma ħadux għajnuna f’kull skema? d. Kemm kien l-ammont totali li ngħata lil kull kunsill lokali f’kull skema u għal liema proġetti jew inizjattivi? e. Kemm hu l-ammont li sal-lum tħallas lil kull kunsill lokali f’kull każ u f’kull skema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-Direttorat EkoGhawdex mill-2020 sal-2023 ġew imnedija żewġ skemi – skema għar-restawr ta’ niċeċ u/jew monumenti u/jew binijiet ta’ valur storiku jew artistiku u skema oħra għal installazzjoni ta’ Open Gym Equipment. L-iskema tar-restawr kellha allokata s-somma ta’ €80,000.00 u applikaw tmien (8) kunsilli lokali, filwaqt li l-iskema tal-Open Gym kellha allokata s-somma ta’ €70,000.00 u applikaw disa’ (9) kunsilli lokali. Il-bqija tal-informazzjoni mitluba tinsab fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pietà – Dar Fatima — Proġett ta’ rinnovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-perit/kumpanija ta' periti inkarigati mill-proġett ta’ rinnovar u xogħol ieħor ta' Dar Fatima ġewwa l-lokalità tal-Pietà? Kif intgħażel dan il-perit/kumpanija u min ta l-awtorizzazzjoni biex jintgħażel/tintgħażel dan il-perit/kumpanija u kemm-il siegħa xogħol għamel/għamlet s’issa u x’tip ta’ xogħol fuq dan il-proġett u kemm tħallas/tħallset s’issa? Min ta l-awtorizzazzjoni biex jitħallas/titħallas? Kemm hu ppjanat li jitħallas/titħallas globalment dan l-individwu/kumpanija fuq il-proġett ta’ rinnovar u xogħol ieħor ta' ġewwa Dar Fatima ġewwa l-lokalità tal-Pietà?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit Frank Muscat (Doric Studio) huwa nkarigat mill-proġett ta’ Dar Fatima fil-lokalità tal-Pietà. Il-Perit intgħażel permezz ta’ Negotiated Procedure mibnija fuq espressjoni ta’ interess li kienet maħruġa aktar kmieni. L-ammont ta’ ħlas li sar huwa €32,200. Il-Perit qed jikkordina dan il-proġett fejn għamel is-surveys, pjanti, applikazzjonijiet għall-permessi meħtieġa u anke d-dokumenti tal-offerti għax-xogħlijiet kollha meħtieġa fosthom xogħlijiet strutturali u ċivili, xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, xiri u installazzjoni ta’ għamara u apparat u xogħlijiet ta’ rfinituri (finishes).

Tal-Pietà – Dar Fatima — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta’ Dar Fatima ġewwa l-lokalità tal-Pieta? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq din il-binja biex tibda tintuża u għal liema skop ħa tintuża? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-baġit għal kull waħda mis-snin 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023, kemm intefqu minnhom u kemm hemm fondi allokati għas-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hi stmata li se tkun l-ispiża globali fuq din il-binja biex tibda tintuża u jekk din il-binja hijiex proprjetà tal-Gvern jew mikrija u jekk hija mikrija jgħid kemm tħallset kera fis-sena u lil min, fl-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Dar Fatima huwa proġett ieħor ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti residenti f’Għawdex li jkomplu l-istudji tagħhom f’Malta. Il-proġett mistenni li jibda matul din is-sena u mistenni jitlesta sat-tielet kwart tas-sena 2025. Il-binja hija parti mill-Kunvent tad-Dumnikani ta’ Gwardamanġia. L-informazzjoni dwar il-kera li tħallset tinsab fit-tabella annessa. L-ispiża globali biex il-binja tkun tista’ tibda tintuża mistennija tkun ta’ €600,000. L-informazzjoni dwar fondi allokati u kemm intefqu mis-sena 2019 sas-sena 2024 hi fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direttur Ġenerali (Major Projects)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Major Projects) il-ġdid/a fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar hux ser tkun responsabbli wkoll mill-proġetti ta' bini mill-ġdid ta' toroq preżenti u futuri kif ukoll tal-manutenzjoni u xogħol ieħor relatat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttur Ġenerali (Major Projects) ser ikun responsabbli għall-proġetti kapitali f’Għawdex li jinkludu t-toroq.

In-Nadur Għawdex — Triq David Cocco Palmieri - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbena mill-ġdid parti mit-Triq David Cocco Palmeri li tmiss ma' Triq l-Imġarr fin-Nadur peress li tinsab fi' stat ħażin ħafna? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li din issir fis-sena 2024? Jekk le, jista' jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' din it-triq u jekk iva, min għamilhom u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ma għandniex data meta se issir l-imsemmija triq.

Birżebbuġa – Fort Bengħajsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-grad ta’ Fort Bengħisa (Bengħajsa) ġewwa Birżebbuġa u x’inhuma r-raġunijiet għalfejn ġiet skedata bħala t-tali?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fortizza ta’ Bengħajsa ġiet skedata fi Grad 1 skont in-Notifika tal-Gvern 0255/96 (datata 19.04.96), minħabba l-valuri arkitettoniċi, storiċi u kuntestwali.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 16400.