Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka kemm hemm mediċini fuq il-Formolarju tal-Gvern li jiġu offruti b’xejn? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-ogħla tliet mediċini u għal liema kura jiġu użati?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li bħalissa, hemm 1,388 mediċina elenkati fuq il-Formolarju tal-Gvern li jiġu offruti lill-pazenti bla ħlas. Ta’ min jinnota li l-prezz waħdu mhux dejjem jirrifletti l-ispiża tat-trattament, peress li l-mod u t-tul tal-użu jvarjaw bejn mediċina u oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħmel elenku tax-xogħol li sar fil-bereġ madwar Malta u Għawdex mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li mill-2020 'il quddiem, id-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja kompla jwettaq pjan estensiv ta' mmodernizzar u ftuħ ta' kliniki fil-komunità (bereġ) madwar Malta u Għawdex. Permezz ta’ investiment kontinwu, infetħu jew ġew ipprovduti mill-ġdid servizzi f’dawn il-bereġ li qed iservu biex iressqu l-kura tas-saħħa eqreb lejn iċ-ċittadini. Il-lokalitajiet fejn infetħu jew ġew rinovati dawn il-bereġ mill-2020 'il quddiem jinkludu dawn li ġejjin, imqassma skont ir-reġjuni:
Reġjun Nofsinhar u Port
• Marsaxlokk
• Ħaż-Żabbar
• Ħal Tarxien
• Santa Luċija
• Il-Fgura
• Iż-Żejtun
• Ħal Għaxaq
• Il-Gudja
• Iż-Żurrieq
• Ħal Safi
• Birżebbuġa
• Marsaskala
• Il-Kalkara
• Il-Qrendi
Reġjun Ċentrali u Tramuntana
• Il-Ħamrun
• Ħ’Attard
• Ħad-Dingli
• Tal-Pietà
• Il-Mellieħa
• Il-Belt Valletta
• Ta' Xbiex
• Tas-Sliema
• In-Naxxar
• L-Iklin
• Ħal Għargħur
• Is-Siġġiewi
• San Ġiljan
• L-Imġarr
Għawdex
• L-Għarb
• Il-Qala
• Ix-Xewkija
Ministeru għas-Saħħa – Helplines – Persuni li għamlu użu
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni użaw il-helplines ikkoordinati mill-Ministeru għas-Saħħa u jaqsam l-informazzjoni skont il-helpline relattiv?
Ċentri tal-Kura Primarja – Investiment f’manutenzjoni u tisbiħ
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa l-valur f’termini ta’ flus li kienu investiti f’ċentri ta’ kura Primarja madwar Malta u Għawdex (minbarra l-isptar reġjonali Ċensu Moran), biex saret manutenzjoni jew tisbiħ?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li l-ispiża totali fuq tisbiħ, tiswijiet u manutenzjoni, kif ukoll investimenti kapitali oħra, inkluż għamara, fixtures u fittings oħra relatati ma’ xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u titjib, f’ċentri ta’ Kura Primarja għas-snin 2020 sa Settembru 2026, hija ta’ €12,818,278.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm konsulenti jaħdmu fl-Isptar Mater Dei preżentement, maqsuma skont il-linja tal-mediċina li jipprattikaw fiha?
Sptar Reġjonali Ċensu Moran – Persuni li għamlu użu mis-servizzi
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ pazjenti li għamlu użu minn xi wieħed mis-servizzi offruti mill-isptar reġjonali Ċensu Moran, mill-ftuħ tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3080, 3314 u 3862 u jgħid kemm kien il-baġit allokat lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani fl-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm effettivament intnefaq minn dawn l-allokazzjonijiet?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-estimi finanzjarji tas-snin relattivi li kopja tagħhom diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Ġiljan – Encroachments u okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika – Multi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3884 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi imposti jew mitluba f’każijiet ta’ “encroachments” jew okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika f’San Ġiljan? Jista’ wkoll jindika jekk dawn il-multi humiex qed jitħallsu fil-ħin u jekk il-ħlasijiet kollha dovuti humiex aġġornati? Jista’ jipprovdi, f’tabella, id-dettalji ta’ kull każ inkluż l-ammont tal-multa imposta, l-ammont miġbur s’issa, l-ammont pendenti u, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħuda biex jinġabru l-ammonti dovuti?
Tas-Sliema – Encroachments u okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika – Multi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3883 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi imposti jew mitluba f’każijiet ta’ “encroachments” jew okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika f’Tas-Sliema? Jista’ wkoll jindika jekk dawn il-multi humiex qed jitħallsu fil-ħin u jekk il-ħlasijiet kollha dovuti humiex aġġornati? Jista’ jipprovdi, f’tabella, id-dettalji ta’ kull każ inkluż l-ammont tal-multa imposta, l-ammont miġbur s’issa, l-ammont pendenti u, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħuda biex jinġabru l-ammonti dovuti?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3882 u jgħid meta ser jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar iż-żjarat fuq il-post minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet sabiex jiġu mmarkati b’mod ċar il-konfini tal-art okkupata illegalment u jispjega għaliex dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati?
Kriterji kliniċi użati għall-imwiet bi sħana eċċessiva
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3183 u 3583 u jgħid liema definizzjoni, kriterji kliniċi, kriterji epidemioloġiċi u metodoloġija jintużaw mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex mewta tiġi identifikata u kklassifikata bħala relatata mas-sħana eċċessiva?
Jista’ jispeċifika:
(a) liema kodiċijiet tal-ICD-10 jintużaw, inklużi X30 u T67 u s-sottokategoriji tagħhom;
(b) jekk jiġux eżaminati kemm il-kawża prinċipali kif ukoll il-kawżi sekondarji jew kontributorji fuq iċ-ċertifikat tal-mewt;
(c) jekk jitqisux ir-rekords mediċi u tal-isptar, iċ-ċirkostanzi tal-esponiment u d-data meteoroloġika;
(d) kif jiġu identifikati każijiet fejn is-sħana aggravat kundizzjoni kronika jew kundizzjoni eżistenti; u
(e) jekk il-metodoloġija hijiex konformi mal-linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mal-prattika Ewropea rikonoxxuta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet jikkodifika l-kawżi tal-mewt skont l-ICD-10 u l-linji gwida tal-WHO. Għall-imwiet relatati mas-sħana jintużaw il-kodiċijiet X30 u E86, filwaqt li T67 ma tistax tintuża bħala kodiċi prinċipali.
Fil-kodifikazzjoni jiġu kkunsidrati l-kawżi prinċipali u sekondarji, kif ukoll informazzjoni medika u meteoroloġika rilevanti.
Barra minn hekk, permezz tal-koperazzjoni mal-Euromomo, ir-Reġistru jissorvelja l-imwiet ta’ kull ġimgħa. Il-mortalità eċċessiva, jiġifieri l-imwiet li jaqbżu n-numru mistenni għal dak iż-żmien tas-sena, tgħin biex jiġi evalwat l-impatt tal-mewġiet ta’ sħana, inkluż fuq persuni b’kundizzjonijiet kroniċi.
Persuni li mietu b’heatstrokes fl-2023, 2024, 2025 u 2026
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3182 u 3582 u jgħid f’Malta u f’Għawdex, separatament, matul ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026, kemm ġew irreġistrati mwiet li fihom minħabba l-esponiment għal sħana naturali eċċessiva, heatstroke, sunstroke, ipertermija jew kundizzjoni oħra relatata mas-sħana kienu rreġistrati bħala:
(a) il-kawża prinċipali tal-mewt; jew
(b) kawża sekondarja, kontributorja jew fattur li kkontribwixxa għall-mewt?
Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont ix-xahar, separatament għal Malta u Għawdex, is-sess, gruppi ta’ età 0–64, 65–74, 75–84 u 85 sena jew aktar?
Jista’ jgħid ukoll, għall-istess perjodi, kemm kienu:
(a) l-imwiet osservati minn kull kawża;
(b) l-imwiet mistennija skont il-baseline użat mill-awtoritajiet;
(c) l-excess all-cause mortality waqt perjodi ta’ temperaturi estremi u heatwaves; u
(d) l-għadd stmat ta’ mwiet attribwibbli għal temperaturi għoljin, inklużi mwiet li fihom is-sħana ma ġietx imniżżla fuq iċ-ċertifikat tal-mewt iżda setgħet wasslet għall-aggravament ta’ kundizzjoni eżistenti, fosthom mard kardjovaskulari, ċerebrovaskulari, respiratorju jew renali, id-dijabete u kundizzjonijiet relatati mas-saħħa mentali?
Jista’ jipprovdi dawn l-istimi bħala għadd ta’ mwiet u bħala rata għal kull 100,000 persuna, flimkien mal-intervalli ta’ kunfidenza jew miżura oħra tal-inċertezza statistika? Fejn id-data għall-2026 għadha mhix finalizzata, jista’ jipprovdi l-aħħar data proviżorja disponibbli, jindika d-data sa meta tkopri u jgħid meta mistennija tkun disponibbli d-data finali?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istatistika miksuba mir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet ma tinkludix biss l-imwiet ikkawżati minn heatstroke u għaldaqstant ma għandiex figuri għat-talbiet li saru.
Imwiet ta' bhejjem minħabba s-sħana – Investigazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3580 u jgħid jekk sarux investigazzjonijiet jew valutazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti dwar imwiet ta' bhejjem li setgħu kienu relatati mat-temperaturi għoljin matul ix-xhur ta' Ġunju sa Settembru 2026? Jista' jgħid ukoll x'kienu s-sejbiet ta' dawn l-investigazzjonijiet, jekk saru, u jekk ġewx identifikati xi kategoriji ta' bhejjem jew tipi ta' rziezet li huma partikolarment vulnerabbli għall-istress mis-sħana?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li matul il-perjodu msemmi ma ġietx identifikata sitwazzjoni li kienet teħtieġ azzjoni jew segwitu partikolari mill-awtoritajiet kompetenti. Abbażi tal-informazzjoni miġbura fil-kors tal-ħidma regolari tal-entitajiet involuti, ma ġew osservati l-ebda xejriet jew ċirkostanzi li jindikaw impatt sproporzjonat fuq kategoriji speċifiċi ta’ bhejjem jew fuq setturi partikolari tal-produzzjoni agrikola.
Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza – Sistema ta’ twissijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3558 u jgħid, f’każ li Malta terġa’ tiffaċċja maltempata qawwija jew sitwazzjoni oħra ta’ emerġenza simili għall-Maltempata Harry, x’miżuri operattivi għandu attwalment fis-seħħ il-Gvern sabiex jiżgura li t-twissijiet jaslu fil-ħin għand il-persuni kollha fiż-żoni affettwati? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern hux ser ikompli jiddependi fuq ix-xandir tradizzjonali u l-media soċjali, jew jekk hux ser jintroduċi miżuri temporanji ta’ twissija diretta fuq il-mobile sakemm is-sistema Reverse 112 issir kompletament operattiva? Jista’ jgħid ukoll kif dawn il-miżuri ser jilħqu wkoll persuni anzjani, turisti, ħaddiema u residenti barranin, partikolarment dawk li ma jsegwux il-mezzi tax-xandir Maltin jew il-paġni uffiċjali fuq il-media soċjali? Jista’ jgħid ukoll jekk is-sistema Reverse 112 hijiex attwalment operattiva, u jekk le, x’inhi d-data prevista għat-tħaddim tagħha, u jekk sarux testijiet li jikkonfermaw il-kapaċità tagħha li tilħaq apparati kompatibbli b'SIM cards Maltin u barranin?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi f’dan l-istadju m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-interpellanza parlamentari Nru. 3585
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3557 u jgħid liema sistema ta’ twissijiet pubbliċi kienet formalment fis-seħħ bejn il-21 ta’ Ġunju 2022 u l-introduzzjoni tas-sistema Reverse 112, u jispeċifika jekk din kinitx konformi mal-Artikolu 110(1) jew mal-Artikolu 110(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe valutazzjoni teknika jew legali, imwettqa fid-dawl tal-linji gwida tal-BEREC, li turi l-effettività tas-sistema, partikolarment f’termini ta’ kopertura ġeografika, ħin tat-trażmissjoni tat-twissijiet u kapaċità li jintlaħqu l-persuni kollha fiż-żoni affettwati, inklużi turisti, persuni li jużaw servizzi ta’ roaming u persuni temporanjament preżenti f’Malta? Jista’ jgħid ukoll liema awtorità kienet responsabbli sabiex tivverifika din il-konformità u jekk sarux testijiet dokumentati tal-effettività tas-sistema?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi f’dan l-istadju m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-interpellanza parlamentari Nru. 3585
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3556 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3186, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed iqis it-twissijiet permezz tal-media soċjali u l-mezzi tax-xandir bħala sistema alternattiva konformi mal-Artikolu 110(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta l-istess artikolu jeskludi espressament is-servizzi tax-xandir mill-mezzi alternattivi previsti? Jekk iva, jista’ jispjega fuq liema bażi legali u teknika l-Gvern wasal għal din il-konklużjoni? Jekk le, jista’ jidentifika liema sistema oħra kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-istess artikolu matul il-Maltempata Harry ta’ Jannar 2026?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi f’dan l-istadju m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-interpellanza parlamentari Nru. 3585
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex qed jikkunsidra li dawk in-nisa li għalqu s-70 sena li jixtiequ jibqgħu jagħmlu breast screening jkunu eliġibbli jagħmlu dan? Jekk iva, jista' jgħid meta ser ikunu jistgħu jagħmlu dan?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea (ECIBC), il-livell ta’ ċertezza tal-evidenza fl-iskrinjar tan-nisa f’dik l-età huwa ta’ benefiċċju baxx ħafna.
Testijiet ta’ Breast Screening minn eta ta’ 45 sena
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser ikun qed idaħħal il-miżura msemmija fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista li jibda jsir breast screening mill-età ta' 45 sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Manifest elettorali għandu 5 snin sabiex jigi mwettaq. Madanakollu ninsab infurmat li t-tnaqqis fl-età tal-iskrinjar għandu jiġi implimentat b’mod gradwali, f’fażijiet, peress li l-iskrinjar isir kull sentejn.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità - Professjonisti esterni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3316 u 3860 u jgħid kemm-il konsulent, advisor, espert jew professjonist estern kien ingaġġat mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità matul l-2024, l-2025 u l-2026, maqsuma sena b’sena u għal kull persuna jew entità, jagħti l-isem, is-servizz jew il-konsulenza mogħtija, id-data tal-ħatra, it-tul tal-kuntratt u l-valur totali tal-kuntratt?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ingaġġar tal-konsulenti mal-Ministeru jsir skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 385 jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta għalaq it-terminu tal-Kunsill għall-Anzjani?