Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #7202 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulenti — sigħat tax-xogħol

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rapport ta' x'inhu mistenni li jkun ix-xogħol li għandhom il-konsulenti li għandhom f'kull ministeru? Huma marbutin ma sigħat ta' xogħol jew ħidma produttiva? Il-ħlasijiet tagħhom huma fissi jew ivarja skond il-ħin li jagħtu fil-konsulenza tagħhom? Il-ħlas huwa miftiehem minn qabel jew dawn jibagħtu l-kont wara li jlestu x-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, jinsabu fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #7443 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — proġetti pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm proġetti tal-kunsilli lokali jistennew il-permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ikunu jistgħu jibdew? Jista' jagħti lista ta' dawn il-proġetti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numri 7443 u 8233, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #8233 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — proġetti pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7443 u jgħid kemm hemm proġetti tal-kunsilli lokali jistennew il-permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ikunu jistgħu jibdew? Jista' jagħti lista ta' dawn il-proġetti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7443.
Leg 11 PQ #8406 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulenti impjegati mal-Ministeri — salarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm konsulenti impjegati ma' kull Ministeru? X'inhu s-salarju/rimunerazzjoni li kull wieħed qiegħed jingħata? Kemm minnhom huma irġiel u kemm huma nisa u kemm minnhom għandhom iktar min 61 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-tweġiba għall-ewwel żewġ mistoqsijiet ta’ l-Onorevoli Interpellant hija skond l-informazzjoni li qed tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari 7198. Mill-Konsulenti fuq kuntratt t’impjieg, hemm 34 irġiel u 2 nisa u mit-total ta’ 36 Konsulent, hemm 20 ’l fuq minn età ta’ 61 sena.
Leg 11 PQ #8549 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — enforcement notice

Question

Jista' l-Prim Ministru jindika kemm suppost jgħaddi żmien minn meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar toħroġ enforcement notice għal meta tittieħed azzjoni mill-istess awtorità jekk l-ordni tagħha tkun ġiet injorata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li ż-żmien skond il-liġi ta' meta għandhom jittieħdu dawk il-passi sabiex l-art titreġġa' lura għall-istat li kienet qabel ma sar l-iżvilupp illegali, hu dak ta' mhux inqas minn 15-il ġurnata u mhux iżjed minn 30 ġurnata, skont kif ikun speċifikat fl-Avviż ta' waqfien u twettiq (stop and enforcement notice). Dan il-perjodu jibda jgħodd mid-data ta' meta jkun ġie notifikat l-Avviż. Jekk matul dan iż-żmien jew qabel ma tkunx ġiet sottomessa applikazzjoni li tirregolarizza l-illegalita jew ma jsirx appell fi żmien 15-il jum minn meta jiġi notifikat l-avviż, u l-avviż jiġi njorat, il-każ jiġi nkluż fil-lista t'azzjoni diretta. Minn hemm l-Awtorità taġixxi fiż-żmien oppurtun. Dan mingħajr preġudizzju għal kull azzjoni li tista' tittieħed mill-istess Awtorità sabiex jitwaqqaf kull użu ta' art jew kull operazzjoni ta' bini jew operazzjoniijiet oħra fuq l-istess art, liema waqfien ta' użu jew xogħolijiet jidħol fis-seħħ immedjatament malli jiġi servut l-Avviż.
Leg 11 PQ #8602 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — fondi lil għaqdiet sportivi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jelenka sena b’sena, l-għaqdiet sportivi lokali kollha li bbenefikaw minn fondi tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fl-aħħar ħames snin u f’kull każ jindika l-ammont li rċeviet kull għaqda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #8649 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Studenti barranin li jistudjaw l-Ingliż

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien in-numru ta' studenti li ġew jistudjaw l-Ingliż f'Malta matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008? Dawn l-istudenti barranin huma magħduda bħala turisti li jżuru pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika għadu ma ħariġx figuri uffiċjali għas-sena 2008. In-numru ta’ studenti li jiġu Malta jistudjaw l-Ingliż huma inklużi fil-figura totali ta’ numru ta’ turisti li jżuru Malta.
Leg 11 PQ #8659 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marsa — Hexagon house - Problema tal-Irwejjaħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-istudji ambjentali li saru dwar il-problema tal-irwejjaħ li kienu qed ibatu minnha l-ħaddiema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f'Hexagon House il-Marsa? Din il-problema ġiet riżolta definittivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru diversi spezzjoniet fuq l-impjanti kollha li jaħżnu ż-żejt fl-akwati tal-Marsa/l-Blata l-Bajda u fil-preżent qegħda tittieħed azzjoni biex jiġi aċċertat l-aktar mod effettiv biex jiġu eliminati l-irwejjaħ, liema azzjonijiet mhux neċessarjament limitati għal infurzar. Jidher illi l-apparat li hu wżat għat-trasport taż-żjut (minn diversi entitajiet) irid ikun aġġornat għal standards moderni, kif jiġi definit f'permessi ambjentali. Ġie rilevat ukoll li minn żmien għal żmien ikun hemm irwejjaħ ta' fjuwil minn bastimenti waqt ħatt ta' fjuwil fl-inħawi tal-Menqa. Dawn huma aktar diffiċli biex jiġu solvuti definitivament, iżda jkunu okkurenzi mhux ta' spiss u ta' durata qasira. Fir-rigward tal-permessi ta' l-ambjent, inklużi tal- Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC) li għandhom x'jaqsmu ma' pproċessar u ħażniet ta' żejt li jinstabu fl-inħawi tal-Marsa, kienu saru dawn l-applikazzjonijiet hawn taħt imsemmijin: · Inċineratur (għall-skart perikoluż u skart tal-biċċerija) - Il-permess ħareġ f'Diċembru 2007. · Falzon Waste Oils - L-applikazzjoni ġiet sottomessa f'Lulju 2008. Din l-applikazzjoni waslet għall-fażi ta' konsultazzjoni mal-pubbliku. · Marsa Power Station - Ittieħdiet deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni f'Marzu 2009. · MOBC (ħażna u tqassim ta’ ż-żjut magħrufa bħala fuel oil u gas oil ) - Din l-applikazzjoni qegħda għand l-applikant u għandha tiġi sottomessa lill-MEPA fil-jiem li ġejjin. Is-soluzzjoni għal problema tal-irwejjaħ fil-Marsa titaffa meta jiġu implementati b'mod sħiħ il-kundizzjonijiet fil-permessi msemmija. Minn naħa l-oħra, il-miżuri li ħadet il-MEPA fir-rigward tal-problema tal-irwejjaħ fil-madwar ta' Hexagon House il-Marsa jinkludu diversi azzjonijiet bħall-proċeduri ta' evakwazzjoni, installazzjoni ta' gas sensors , air locks u air curtains . Riċentement ġew installati wkoll interceptors fis-sistema tad-drenaġġ biew jilqgħu kontra xi gassijiet li jistgħu jidħlu fil-bini mis-sistema esterna. Qed jittieħdu miżuri oħra fuq titjib ta' ventilazzjoni kif ukoll xiri ta' apparat li jippurifika l-arja (barra dak li hemm eżistenti) ġewwa l-bini innifsu. Dawn jikkonċernaw primarjament miżuri fuq irwejjaħ li jistgħu jidħlu fil-bini minn barra. Il-MEPA ukoll ikkummissjonat espert fil-kimika sabiex jagħtiha parir dwar kwalunkwe riskju li jista' jkun hemm għall-ħaddiema tagħha. Dan l-espert ikkonferma li, bil-miżuri li ttieħdu, huwa ferm improbabbli li l-konċentrazzjonijiet ta' xi gassijiet velenużi jistgħu jilħqu livelli fil-bini li huma ta' riskju għas-saħħa. Kien fuq il-bażi ta' dan l-istudju li l- management tal-MEPA, bi qbil mal-unjons, reġa’ awtorizza l-ħaddiema jidħlu lura f'Hexagon House.
Leg 11 PQ #8665 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpannija Go — biża' dwar l-impjieg tal-ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra en masse li hu kien bagħat qabel l-elezzjoni ġenerali lill-ħaddiema tal-kumpannija GO? X'għandu xi jgħid il-Prim Ministru issa li fost il-ħaddiema tal-kumpannija GO hemm biża' reali dwar l-impjieg tagħhom, bid-data li qed tissemma' kontinwament tkun l-aħħar ta' Mejju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħala Prim Ministru ma bgħatt ebda ittra en masse lill-impjegati tal-kumpanija GO fi żmien l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet. Iżda nikkonferma li bħala Prim Ministru intervjenejt kemm qabel kif ukoll wara l-Elezzjoni Ġenerali biex insolvu l-postijiet tax-xogħol.
Leg 11 PQ #8669 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — laqgħaq mal-MEUSAC

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm kunsilli lokali li talbu li jkollhom laqgħat mal-MEUSAC dwar inizjattivi f'kollaborazzjoni biex isibu fondi partikulari mill-Unjoni Ewropea? Liema kienu dawn il-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kien hemm 46 Kunsill li talbu laqgħa mal-MEUSAC dwar inizjattivi biex jiksbu fondi mill-Unjoni Ewropea. Dawn kienu: 1. San Pawl il-Baħar 13. Iklin 25. Għarb 37. Floriana 2. Isla 14. Balzan 26. Qala 38. Fontana 3. Kirkop 15. Marsa 27. Rabat (Għawdex) 39. Kerċem 4. Mqabba 16. San Ġwann 28. Għajnsielem 40. Sannat 5. Marsaskala 17. Sliema 29. Xewkija 41. Żurrieq 6. Swieqi 18. Tarxien 30. Munxar 42. Għaxaq 7. Pembroke 19. Santa Venera 31. San Lawrenz 43. Żebbuġ 8. San Ġiljan 20. Qormi 32. Dingli 44. Għargħur 9. Msida 21. Santa Luċija 33. Ta’ Xbiex 45. Gudja 10. Mosta 22. Marsaxlokk 34. Gżira 46. Xagħra 11. Birgu 23. Għasri 35. Birżebbuġa 12. Rabat 24. Żebbuġ (Għawdex) 36. Nadur Bejn Diċembru 2008 u Mejju 2009 saru laqgħat ma’ kull wieħed minn dawn il-Kunsilli.
Leg 11 PQ #8684 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — servizz tal-internet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8415 u jinforma jekk hemmx xi impjegati tal-Gvern mal-Ministeru inkluż s-segretarjat tal-Ministru li għandu servizz tal-internet mhux provdut mill-MITTS? Min huma dawn il-persuni u x'inhu l-ammont li qed jitħallas kull xahar u minn liema service provider qed jingħata dan is-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba fir-rigward tad-Dipartimenti tal-Gvern f’dan il-Ministeru.
Leg 11 PQ #8686 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati mal-Gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8404 u jgħid kemm ġew impjegati mal-Gvern, nies b'kuntratt (jew li kellhom il-kuntratt imġedded) matul is-sena 2008 sal-lum? Huwa minnu li xi wħud minnhom għandhom salarju u benefiċċji aktar minn ta' Ministru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nies ingaġġati mas-Servizz Pubbliku għall-ewwel darba mill-ewwel ta’ Jannar, 2008 ’l hawn kienu 265. Dan in-numru jkopri: 27 persuna impjegata fuq bażi back to back 125 persuna impjegata fis-segretarjati privati tal-Ministri/Segretarji Parlamentari peress li l-kuntratti fil-Ministeri preċedenti ġew terminati ma’ l-elezzjoni; 20 persuna fil-qasam tas-saħħa; kif ukoll 93 persuna f’pożizzjonijiet oħra. Apparati minn dawn, kien hemm 95 persuna, li l-biċċa l-kbira minnhom ma għandhomx grad sustantiv, li ġġedilhom il-kuntratt. Ħadd minn dawn il-persuni kollha ma għandu salarju u benefiċċji aktar minn ta’ Ministru.
Leg 11 PQ #8700 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: PHILIP MIFSUD To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet għal turbini tar-riħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f’dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il applikazzjoni daħlet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li tinvolvi turbina/i tar-riħ? Jista' jgħid kemm minn dawn ġew approvati, rifjutati jew għadhom pendenti? Dawk li għadhom pendenti jista' jgħid l-applikazzjonijiet f'liema stadju waslu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità ivvalidat tletin (30) applikazzjoni li jinvolvu turbina/i tar-riħ mill-ewwel ta' Jannar 1999 sa llum. Minn dawn, tnejn (2) ġew deċiżi u ġew approvati u tnejn (2) ġew irtirati. Is-sitta u għoxrin (26) l-oħra huma pendenti, tlieta u għoxrin (23) minnhom qed jistennew ir rapport tal-Awtorità, wieħed (1) qed jistenna d-deċiżjoni tal-board, wieħed (1) qiegħed fis-stadju ta' "Reconsideration" u wieħed (1) fi stadju ta' Appell. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet ivvalidati li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem " wind ", "riħ", "turbina/i" jew " turbine ".
Leg 11 PQ #8701 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: PHILIP MIFSUD To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali li ma wassalx sa l-aħħar tat-terminu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-ħolqien tal-Kunsilli Lokali kemm-il kunsill kien hemm li ma wassalx sa l-aħħar tat-terminu? Jista' jgħid liema kienu dawn il-kunsilli u f’liema perijodu ġara dan? Jista' jagħti raġuni għalfejn dawn ġew xolti qabel iż-żmien u x’kien ir-rimedju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali sallum, kien hemm tliet Kunsilli Lokali li ġew xolti. Dawn kienu, Sannat, Paola u Mtarfa. Il-Kunsill Lokali Sannat kien ġie xolt fis-16 ta’ April 1999 wara li kien naqas f’diversi okkażjonijiet li jerfa’ r-responsabbiltajiet finanzjarji stipulati bil-liġi u naqas kontinwament li jħares id-dispożizzjonijiet ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali (KAP 363); Il-Kunsill Lokali Paola kien ġie xolt fis-7 ta’ Ottubru 1999 wara li naqas li jaħtar Sindku; u Il-Kunsill Lokali Mtarfa kien ġie xolt fit-23 ta’ April 2008 wara li naqas li jwettaq il-funzjonijiet statutorji tiegħu fosthom li jiltaqà mill-anqas darba fix-xahar, li jissejħu laqgħat f’ħinijiet konvenjenti għall-Kunsillieri kollha u n-nuqqas ta’ qbil dwar in-nomina għal Segretarju Eżekuttiv.
Leg 11 PQ #8704 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — xogħol ta’ advertising u/jew promotional campaigns

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kumpannija privata tal-public relations tieħu ħsieb xogħol ta’ advertising u/jew promotional campaigns tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk jista' jkun mis-sena 2008 'il quddiem.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-MEPA mis-sena 2008 u l-quddiem użat is-servizzi ta’ l-Associated News Agency għal xogħol tar-riklamar tagħha.
Leg 11 PQ #8710 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz ta' l-ajru bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8537 u cioè: B’referenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari 7529 dwar servizzi tal-ajru bejn l-ajruport ta’ Malta u Għawdex, jista’ jgħid għaliex il-Gvern ħalla dan is-servizz wieqaf u ma fetaħx sejħa għal public service contract ? Meta mistenni li tinfetaħ din is-sejħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suq f’dan il-qasam hu liberalizzat u l-Gvern lest jikkunsidra kull talba mill-privat sabiex wieħed jipprovdi servizz tal-ajru bejn Malta u Għawdex sakemm din tkun ġiet ipproċessata u approvata mid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija numru 7529.
Leg 11 PQ #8815 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpannija Go — biża' dwar l-impjieg tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8665 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra en masse li hu kien bagħat qabel l-elezzjoni ġenerali lill-ħaddiema tal-kumpannija GO? X'għandu xi jgħid il-Prim Ministru issa li fost il-ħaddiema tal-kumpannija GO hemm biża' reali dwar l-impjieg tagħhom, bid-data li qed tissemma' kontinwament tkun l-aħħar ta' Mejju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8665.
Leg 11 PQ #8819 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Wied Inċita — Construction waste

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8661 u jgħid jekk il-construction waste li qed jiġi dumped fuq bażi regolari fil-barriera ta' wara Wied Inċita f'mod li kwazi difinha, qed isir b'konformità stretta mal-liġijiet tal-pajjiż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #8820 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marsa — Hexagon house - Problema tal-Irwejjaħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8659 u jgħid x'kien l-eżitu tal-istudji ambjentali li saru dwar il-problema tal-irwejjaħ li kienu qed ibatu minnha l-ħaddiema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f'Hexagon House il-Marsa? Din il-problema ġiet riżolta definittivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8659.
Leg 11 PQ #8821 Sitting 119 2009-06-01 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Letters to prosecute

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8620, 8426, 8025, 7419 u 7237 u jgħid kemm inħarġu ‘letters to prosecute’mill-Ispetturi ta’ l-Ambjent, sena b’sena mill-2002 sa l-2008? Dawn kif kienu mqassmin bejn tniġġis, ħsara jew qtil ta’ speċi protetti, twaqqiegħ ta’ ħitan tas-sejjiegħ, importazzjoni ta’ speċi protetti, scrap yards illegali, tħaddim ta’ impjanti mhux skond ir-regoli ambjentali u rimi ta’ skart? Kemm minn dawn ġew deċizi mill-qorti u minn dawk deċizi instabu ħatja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.