Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #9030 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xewkija — Micro enterprise park

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta r-rapport mid-Direttorat tal-Ippjanar dwar il-bini ta’ micro-enterprise park fi Triq il-Madonna tar-Rummiena fix-Xewkija Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità qed tistenna l-Fire and Safety Report tas-sit mingħand l-applikant. Wara li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jagħti l-kunsens tiegħu r-rapport ikun jista' jitlesta’.
Leg 11 PQ #9036 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumitat Reġjonali tal-MCESD

Question

B'referenza għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 7565 dwar il-Kumitat Reġjonali tal-MCESD, jista’ l- Prim Minstru jgħid x’sar s’issa fuq ir-rakkmandazzjonijiet li għamel dan il-Kumitat? Jista’ jgħidli x’hemm ħażin li l-Minuti ta’ dan il-kumitat ikunu aċċessibbli għall-Membri ta’ din il-Kamra u tal-poplu in ġenerali? Fihom materja li mhijiex ta’ interess pubbliku? Jistgħu l-laqgħat ta’ dan il-Kumitat ikunu miftuħa għall-membri tal-pubbliku? Jekk le, għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onorevoli Interpellant mitlub jirreferi għar-risposta ċara li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7565. Nixtieq ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li fejn jirrigwarda l-minuti u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, l-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fi ħdan l-istruttura tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali jsegwi bl-istess mod is-sistema li hemm in vigore fil-Kunsill.
Leg 11 PQ #9070 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Letters to prosecute

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8821, 8620, 8426, 8025, 7419 u 7237 u jgħid kemm inħarġu ‘letters to prosecute’mill-Ispetturi ta’ l-Ambjent, sena b’sena mill-2002 sa l-2008? Dawn kif kienu mqassmin bejn tniġġis, ħsara jew qtil ta’ speċi protetti, twaqqiegħ ta’ ħitan tas-sejjieħ, importazzjoni ta’ speċi protetti, scrap yards illegali, tħaddim ta’ impjanti mhux skond ir-regoli ambjentali u rimi ta’ skart? Kemm minn dawn ġew deċizi mill-qorti u minn dawk deċizi instabu ħatja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7237.
Leg 11 PQ #9071 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Wied Inċita — Construction waste

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8819 u 8661 u jgħid jekk il-construction waste li qed jiġi dumped fuq bażi regolari fil-barriera ta' wara Wied Inċita f'mod li kwazi difinha, qed isir b'konformità stretta mal-liġijiet tal-pajjiż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8661.
Leg 11 PQ #9075 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — suldati stazzjonati f'Ħal Safi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldati tal-Forzi Armati ta' Malta stazzjonati fil-barracks ta' Ħal Safi? Kemm minn dawn jagħmlu xogħol ta' għassa mal-immigranti irregolari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-barracks ta’ Ħal Safi hemm stazzjonati disgħa (9) Uffiċjali u mija u tmienja u sittin (168) suldat. Minn dawn, żewġ (2) Uffiċjali u erbgħa u tletin (34) suldat huma sekondati mad-Detention Service jagħmlu xogħol ta’ għassa ma’ l-Immigranti Irregolari.
Leg 11 PQ #9078 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — infiq fuq immigranti irregolari

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-Armata s-sena l-oħra fuq żamma ta' immigranti irregolari? Kif intnefqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-nefqa ta’ l-Armata fuq żamma ta’ immigranti rregolari s-sena l-oħra hija kif muri fit-tabella hawn taħt: Item Cost in 2008 Wages € 1,486,888 Upkeep/Maintenance € 83,698 Water & Electricity € 206,234 Cleaning Materials € 115,784 Rations € 198,586 Medication € 350 Meals & Accomodation (Rent not included) € 2,890,274 Purchase of Supplies € 268,198 Services (Cesspits, skips, showers etc.) € 70,131 Telephone € 53,310 Supply of Materials (Bedding, tents etc.) € 4,516 Total Recurrent Expenditure € 5,377,969
Leg 11 PQ #9195 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — kuntratti lil xi kumpannija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjnet u l-Ippjanar qattx tat xi kuntratti lil xi kumpannija AURELIA? Jekk iva, x’kien jikkonċerna, kemm kien jiswa, meta ġie esegwit, kif intgħażlet il-kumpannija kif ukoll kull dettal ieħor relatat mal-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tat kuntratt lil kumpanija Aurelia Asset Protection Limited għall-immaniġjar ta' skema ta' Gwardjani ta' l-Ambjent. Dan il-kuntratt li ngħata f'Ġunju 2007, huwa kuntratt ta' tliet snin u l-valur tiegħu jiddependi fuq in-numru ta' Gwardjani fl-iskema. Bejn Ġunju 2007 u Diċembru 2008 dan il-kuntratt kien jiswa’ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar €24,366.92 fix-xahar, VAT inkluża. Minn Jannar ta' din is-sena beda jiswa’ lill-Awtorità €25,448.06 fix-xahar, VAT inkluża. Dan l-ammont jinkludi €1,081.13 għall-użu ta' trasport addizzjonali, liema pagament ta' servizzi żejda hu provdut fl-agreement. Din il-kumpanija ntgħażlet wara sejħa għal offerti.
Leg 11 PQ #9283 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Strategic Environment Assessment Audit Team

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn min huwa kompost l-iStrategic Environment Assessment Audit Team li kien twaqqaf bħala parti mit-transpożizzjoni tad-direttiva tal-iStrategic Evironment Assessment? Jista' jgħid liema deċiżjonijiet għadhom pendenti taħt dan l-Audit Team?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iStrategic Environmental Audit Team huwa kompost mis-Sur Kevin Gatt, is-Sur Jacques Sciberras u Dr Joe Borg Bartolo u ġie appuntat fit-22 ta' Settembru 2008 kif ippublikat fil-Gazzetta tal-Gvern tas-26 ta' Settembru 2008. L- SEA Audit Team irċieva erba’ talbiet għall-deċiżjonijiet minn meta ġie appuntat u ddeċieda hekk: A Solid Waste Management Strategy for the Maltese Islands - First update - Consultation Document - Għandu jsir SEA - Gazzetta tal-Gvern 23 ta' Jannar 2009. Grand Harbour Vision - Ma hemmx bżonn ta' SEA - Gazzetta tal-Gvern 23 ta' Jannar 2009. Hal-Far Industrial Estate - Land Use Management Plan - Għandu jsir SEA - Gazzetta tal-Gvern 21 ta' April 2009. A Proposal for an Energy Proposal for Malta - Għandu jsir SEA - Gazzetta tal-Gvern 15 ta' Mejju 2009. Dawn l-erba’ SEAs jinstabu fi stadji varji tal-proċess tagħhom.
Leg 11 PQ #9364 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bozoz Energy Saver

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9234 u 8644 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta ser jitqassmu l-bozoz energy saver li kienu mwiegħda mill-Gvern lil kull familja Maltija u Għawdxija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġà għidt ftit tal-jiem ilu l-vouchers għall-bozoz energy saving se jibdew jitqassmu fil-ġranet li ġejjin.
Leg 11 PQ #9367 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — sentenza ta' appell

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9023 u jgħid għal liema raġuni s-sentenza tal-appell tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għaliex ilha biex tingħata sa mit-13 ta' Frar 2008, u dan qed joħloq preġudizzju kbir għall-persuna konċernata, peress li sakemm ikollha d-deċizjoni ma tistax tapplika għall-fondi in konnessjoni ma' żvilupp mertu ta' dan l-istess appell?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #9379 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Ilmenti/suġġerimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mit-twaqqif tal-kunsilli lokali 'l hawn, sena b'sena, kemm-il ilment, suġġeriment, talba eċċ. saru? Kemm minnhom ġew solvuti kull sena? Kemm kien baqa' pendenti kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba ma tistax tinġabar minħabba li teħtieġ użu kbir ta’ riżorsi umani kif ukoll tul ta’ ħin li jistgħu jintużaw għall-xogħol ieħor importanti tal-Kunsilli Lokali. Dan qed jingħad ukoll meta wieħed jikkonsidra l-limitazzjoni fir-riżorsi umani li għandhom il-Kunsilli Lokali.
Leg 11 PQ #9381 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsillieri li rriżenjaw mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mit-twaqqif tal-kunsilli lokali 'l hawn, leġislatura leġislatura, kemm irriżenjaw kunsillieri, ta' liema partit kienu, meta rriżenjaw, min tela' minflokhom, hux bil-bye elections jew ġewx co-opted u meta ġew eletti jew co-opted?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #9383 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Id-daqs u l-densità ta' kull lokalità

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu d-daqs ta' kull lokalità f'Malta u Għawdex u fid-dawl tal-popolazzjoni x'inhi d-densità ta' kull lokalità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9383, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #8917 Sitting 125 2009-06-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tniġġis fl-ibħra — Studji

Question

Jista' l-Prim Ministru jinfurmani kemm ivvota flus matul l-2008 u l-2009 sabiex isiru studji fuq it-tniġġis fl-ibħra Maltin? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istudji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA ikkumisjunat studju fl-2008 biex jiġi maħdum pjan ta' monitoraġġ tal-ibħra kostali f'Malta, skond id-Direttiva 2000/60/EC (Water Framework Directive). Dan l-istudju wasal fil-fażi finali tiegħu u huwa stmat li jiswa’ madwar €16,500. Fl-istess sena il-MEPA wkoll ħallset għall-monitoraġġ tan-nitrati madwar ix-xtut, li twettaq bħala parti mill-programm ta' monitoraġġ tal-bajjiet li jsir mid-Dipartiment tas-Saħħa. Il-flus votati għal dan il-monitoraġġ jammonta għal madwar €9,000.
Leg 11 PQ #9121 Sitting 125 2009-06-10 Oral · Interim From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

settur turistiku — dħul tal-gvern minn taxxi diretti u indiretti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien jammonta d-dħul tal-Gvern minn taxxi diretti u indiretti mis-settur turistiku matul is-sena 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #9124 Sitting 125 2009-06-10 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — impjegati ġodda mal-kumpanniji b'investiment pubbliku

Question

Tul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew reklutati impjegati ġodda mal-kumpanniji b'investiment pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jista' jagħti t-tagħrif kumpannija kumpannija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ġewx reklutati mpjegati ġodda ma’ l-unika kumpannija b’investiment pubbliku Industrial Projects & Services Ltd taħt dan il-Ministeru.
Leg 11 PQ #9216 Sitting 125 2009-06-10 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Baħrija — Pjazza quddiem il-Knisja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li 40% tal-pjazza li tinsab quddiem il-Knisja tal-Baħrija, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ser tinbena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-istadju inizjali tal-proċess tal-applikazzjoni preżenti li hemm quddiem id-Direttorat tal-Ippjanar, intalbu emendi biex l-iżvilupp propost ikun jirrispetta b'mod komplet il-Policy tal-Pjan Lokali li l-istess Policy tispeċifika b'mod dettaljat kif għandha tiġi żviluppata s-sit suġġetta tal-applikazzjoni PA6153/08, ċioé, 40% tas-sit bħala bini u 60% tas-sit bħala spazju miftuħ għall-pubbliku u faċilitajiet rekrejattivi għal-lokal.
Leg 11 PQ #9321 Sitting 125 2009-06-10 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — postijiet tan-negozju u kummerċ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin (2004, 2005, 2006, 2007 u 2008) x'kien in-numru ta' permessi maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini jew għal bdil ta' użu ta' postijiet tan-negozju u kummerċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma għandha l-ebda metodu kif tista' tiġbor l-informazzjoni mitluba minħabba l-fatt li d-deskrizzjoni tal-proposta fl-applikazzjoni mhux dejjem tispeċifika dan it-tip ta' żvilupp b'mod ċar.
Leg 11 PQ #5479 Sitting 123 2009-06-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bormla — proġett

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar minnu l-proġett tal-post magħruf bħala x-Xgħajra jew Pjazza Santa Margerita Bormla, liema proġett kien ilu jiġi mwiegħed minn leġislatura għall-oħra u hawn qed nitkellmu fuq wegħda ta' xi 15-il sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-proġett ta’ Santa Margerita qiegħed jiġi kkunsidrat bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Dock numru 1.
Leg 11 PQ #8450 Sitting 123 2009-06-09 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sidien tal-caravans — Permess temporanju

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7922 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern jagħti permess temporanju lis-sidien tal-caravans biex is-sajf li ġejt jagħmlu użu mill-post ta' Baħar iċ-Ċagħaq, peress li l-postijiet identifikati mill-Gvern għadhom ma sarux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara talbiet speċifiċi mill-assoċjazzjoni li tirrapreżenta ’l sidien ta’ caravans, l-Gvern beħsiebu jagħti permess temporanju ta’ tlett xhur biss, bejn Ġunju u Settembru 2009, u b’numru ta’ kondizzjonijiet stretti, sabiex isir użu minn sit f’Baħar iċ-Ċagħaq sakemm ikun hemm post adekwat bħala caravan site organizzat. It-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern se tiffirma ftehim temporanju ma’ Safari Camping Club li se jkunu responsabbli mill-immaniġġjar tas-sit f’Baħar iċ-Ċagħaq għal perjodu bejn Ġunju u Settembru 2009 biss. Għall-ewwel darba il-Gvern qed jimponi garanzija bankarja ta’ Eur 12,000 fuq din l-assoċjazzjoni, apparti ħlas ta’ Eur40,000 għall-ewwel darba wkoll għal użu tas-sit. Il-garanzija bankarja tintilef favur il-Gvern jekk il- caravans ma jibqgħux mobile , il-bajja ma tkunx aċċessibbli għal pubbliku, ma tinżammx l-indafa assoluta, jew ma jinżammx il-bon ordni. Ebda struttura jew bini ta’ xi materjal ieħor ma hu permess f’dan is-sit f’dan il-perjodu.