Jista' l-Ministru jgħid jekk hux isiru testijiet tan-nervituri fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, kemm hemm fil-waiting list? Jekk le, x'qed jagħmel il-Ministeru biex isolvi l-problema?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tispeċifika għal liema testijiet tan-nervituri partikolari qiegħda tirreferi għalihom f’din il-mistoqsija parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tfal li jsofru bid-diabete humiex intitolati għal kaxxa sticks? Jista' jara li ġenituri li għandhom paga minima jew saħansitra dawk li jinsabu fuq il-benefiċċji soċjali, jingħataw għajnuna b’aktar supply meta nafu li f’ċerti każijiet jintużaw aktar minn 150 stick?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pazjenti dijabetiċi kollha taħt il-ħamsa u tletin sena bħalissa huma kollha ntitolati għal 150 blood glucose sticks fix-xahar.
Sptar San Luqa — tfal li attendew iċ-Child Guidance Clinic
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni (tfal) li attendew għal xi sessjoni fiċ-Child Guidance Clinic tal-Isptar San Luqa, matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Kif jitqabbel dan in-numru man-numri tat-tliet snin preċedenti, għall-istess xhur? Jekk il-Ministeru jżomm records tal-lokalitajiet li minnhom ġejjin dawn it-tfal, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni lokalità lokalità, għal dawn l-aħħar tliet snin?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-analiżi tal-istatistika tinżamm imma peress li tirrikjedi ċertu volum ta’ xogħol, tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi indikazzjonijiet li l-pazjenti li jiġu rikoverati fl-Isptar Monte Carmeli, ġejjin minn lokalitajiet partikularti, iktar milli minn lokalitajiet oħra? Jekk hemm tali indikazzjoni, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi ħjiel dwar x'qed iwassal għal din is-sitwazzjoni partikulari?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma jidhirx li hemm differenzi statistikament sinifikattivi fin-numru ta’ pazjenti li ġejjin minn lokalitajiet differenti madwar Malta.
Sptar Mater Dei — każijiet ta' vjolenza domestika fuq it-tfal
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet ta' tfal li daħlu fl-Isptar Mater Dei, matul l-ewwl disa' xhur ta' din is-sena, wara li sfaw vittmi ta' xi vjolenza domestika? Minn liema lokalitajiet kienu ġejjn dawn it-tfal?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li minn tagħrif miġbur mid-Dipartiment tal-Pedjatrija tal-Isptar Mater Dei irriżulta li kien hemm tliet każijiet ta’ minuri li ddaħħlu bħala pazjenti ġewwa l-Iptar Mater Dei minħabba f’allegat swat jew abbuż. Minhabba li n-numru ta’ każijiet huwa żgħir u għalhekk il-każijiet jistgħu jiġu identifikati, ma tistax tingħata nformazzjoni dwar il-lokalita’ minn fejn kienu ġejjin dawn it- tfal.
Ta’ min wieħed jinnota li ħafna drabi meta jseħħu dawn il-każijiet ikun hemm biss suspett li jkun sar abbuż. Wara li l-każ jiġi nvestigat mis-social workers u l-professjonisti li jkunu qed jieħdu ħsieb il-każ tkun tista’ tintlaħaq konklużjoni dwar jekk in-natura tal-inċident kienitx waħda ta’ abbuż.
Żieda fis-servizz fil-komunità — aktar sapport lill-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb biex iżid is-servizzi fil-komunità ħalli iktar anzjani jkollhom is-sapport neċessarju u jibqgħu jgħixu fil-komunità u mhux ifittxu li jkunu istituzzjonalizzati u jidħlu ġo home tal-gvern? Jekk iva, liema huma dawn is-servizzi li qed jitkellem dwarhom u minn meta se jidħlu fis-seħħ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Ministeru tas-Saħħa, L-Anzjani u l-Kura fil-Komunità diġà għandu pjan ta' servizzi għal persuni li għandhom id-dimensja. Sadattant nirreferi lil Onor. Interpellant għal żewġ risposti oħra li diġa ngħataw rigward servizzi lill-anzjani fil-komunita’ li huma PQ 19417 u PQ 27189.
Matul din is-sena inbeda servizz ta’ Elderly Community Outreach. Dan hu kompost minn
team
multi-dixxiplinarju li jagħti s-
support
meħtieġ lill-anzjani biex jibqgħu jgħixu fil-komunita’.
Sa dan it-tant infetħu żewġ
night shelters
wieħed fiż-Żejtun u ieħor fil-Mellieħa. Dan apparti li żdiedu d-
day centres
għal 18 li fihom jattendu madwar 1,500 anzjan u anzjana. Hemm il-ħsieb li jinfetħu aktar
night shelters
u
day centres
għall-anzjani tul is-sena l-ġdida.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti mogħtija fl-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt? Minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunità ma użax is-servizzi tal-kumpaniji li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' armla ta' 68 sena, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat għall-home help imma s'issa għad m'għandhiex dan is-servizz? Jista' jara li din l-għajnuna tingħata peress li din l-anzjana kellha breast cancer u għandha anke problemi b'saqajha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Bord ta’ Għajnuna fid-Dar kien ra dan il-każ fis-7 ta’ April 2011 u ddeċieda li ma kienx hemm urġenza għas-servizz. Ir-rapport mediku li kien ippreżentat ma jindikax li din l-applikanta kellha breast cancer u lanqas li għandha problemi b’saqajha. L-istess rapport mediku jispeċifika wkoll li ma kienx hemm urġenza biex jingħata s-servizz.
Issa li għaddew sitt xhur minn dan il-każ, din il-persuna tista’ tapplika mill-ġdid għal dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex iddaħħlu n-nies ġodda fl-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek matul din is-sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ispiża diretta biex iddaħħlu n-nies ġodda fl-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u t-2 ta’ Ottubru 2011 hija ta’ tminn mija u ħamsa u tletin elf, ħames mija u wieħed u tletin Ewro u ħmistax-il ċenteżmu (€835,531.15).
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq it-tisħiħ tas-sistema elettronika tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek matul din is-sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-nefqa fuq it-tisħiħ tas-sistema elettronika tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek mill-1 ta’ Jannar 2011 sat-28 ta’ Ottubru 2011 hija ta’ dsatax-il elf, sitt mija u erbgħa u sittin Ewro u tnejn u tmenin ċenteżmu (€19,664.82).
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27823, jista' l-Ministru jgħid jekk xi ħaddiema jistgħux jikkuntatjaw lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, biex jagħtuha l-informazzjoni li tidher li hija nieqsa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet ammessa fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul fit-28 ta’ Ottubru 2011.
Jista' l-Ministru jara li titmexxa applikazzjoni ta' armel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li minkejja li applika għat-Telecare għad m'għandux risposta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità ma rċieva l-ebda applikazzjoni bid-dettalji msemmijin f’din il-Mistoqsija Parlamentari.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani fil-Komunità — xogħol lil kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kumpaniji li ngħataw xogħol li jaqbeż l-€10,000 mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu matul is-sena 2010 sal-lum? F'kull każ, jista' jgħid kemm huwa l-valur involut? Jista' jgħid ukoll għal kull każ jekk hux kuntratt jew direct orders? Meta ngħata?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29294 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Taħriġ u issa ġiet riferuta lilu u ċioe jgħid kemm kien in-numru ta' persuni/ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar disa' xhur tas-sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li kien hemm inċident wieħed li wassal għal fatalità fuq il-post tax-xogħol. Dan l-inċident seħħ f’Mejju 2011.
Għal skopijiet ta’ statistika, l-awtorità qed tistenna l-eżitu ta’ Inkjesta Maġisterjali biex tara jekk kienx hemm ħidma llegali waqt inċident li wkoll wassal biex persuna jitlef ħajtu f’Ottubru waqt xogħol li kien qed isir.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, jinstabilha post fid-djar tal-anzjani peress li din il-persuna ma tistax tgħix waħedha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat biex tidħol f’xi residenza għall-Anzjani fil-31 ta’ Lulju 2008 u ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni fis-27 ta’ Novembru 2008 biex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule. B’hekk l-applikazzjoni ta’ din l-anzjana ġiet imqiegħedha fil-lista ta’ stennija għar-Residenza ta’ San Vinċenz skont il-mertu tal-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm liftijiet fid-dar tal-anzjani tal-gvern tal-Mosta? Jista' jgħid kull wieħed minnhom meta ma kienx qed jiffunzjona mill-ewwel ta' din is-sena sal-lum?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jipprovdi lista dettaljata ta' mediċini li kienu jinsabu out of stock mis-sena 2009 sa Ottubru 2011 u jgħid meta ġew supplied wara li kienu rapportati out of stock?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex refunds għall-ħlas dovuti għan-nies li jkunu għamlu użu minn krozzi tal-isptar pubbliku, idumu x-xhur ma jingħataw?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħalissa jeżisti backlog ta’ refunds tad-depożiti fuq apparat li kien misluf u li ġie rritornat lura. Qiegħed isir eżerċizzju mill-Isptar Mater Dei sabiex dan il-backlog jinqata’ fi żmien ftit ġimgħat. Ta’ min jgħid li mill-Isptar Mater Dei ikun biss qiegħed isir l-ipproċessar tal-claim għar-refund. Il-pagament proprju imbagħad isir b’ċekk mit-Tezor. Dan il-proċess ta’ ħlas mit-Tezor dejjem jieħu medja ta’ ġimgħatejn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm depożiti li ngħataw minn pazjenti għall-apparat li ħadu mill-Isptar Mater Dei u li wara li rritornaw l-apparat għadhom ma ngħatawx lura d-depożitu li huma ħallsu? Għaliex dan id-depożitu mhux qed jingħata malli jirritornaw l-apparat? Jaf li hemm min ilu jistenna l-flus aktar minn tliet xhur? X'se jagħmel biex jagħti lura flus in-nies?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħalissa għaddej eżerċizzju fl-Isptar Mater Dei sabiex il-backlog li jeżisti fuq dawn ir-refunds jinqata’ fi żmien ftit ġimgħat. Bħalissa l-backlog huwa ta’ madwar 500 każ u jammonta għal madwar ħmistax-il elf, u ħames mitt Ewro (€15,500).
Ta’ min wieħed jgħid li l-ipproċessar tal-
claim
għar-
refund
isir mill-Isptar Mater Dei. Il-pagament propju imbagħad isir mit-Teżor. Dan il-proċess ta’ ħlas mit-Teżor dejjem jieħu medja ta’ ġimgħatejn